settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ negħleb il-biża’ tal-mewt?

Tweġiba


Anke l-Kristjan l-aktar sikur u devot jista’ jkollu okkażjonijiet fejn jibża’ mill-mewt. Hija xi ħaġa mgħaġuna fis-sistema tagħna li rridu nevitaw il-mewt. Il-mewt qatt ma kienet fil-pjan oriġinali t’Alla għall-ħolqien tiegħu. Konna magħmula biex inkunu sħaħ u qaddisa, ngħixu fil-ġenna tal-art f’xirka miegħu. Id-dħul tal-mewt kien ir-rispons neċessarju għall-aċċettazzjoni tad-dnub fid-dinja. F’ċertu sens, hi grazzja li mmutu. Kieku mhux hekk, ikollna ngħixu f’dinja midinba għal tul l-eternità.

Avolja nagħrfu li l-mewt għandha skop, nesperjenzaw reazzjoni vixxerali malli naħsbu dwar il-mortalità tagħna. Il-fraġilità tal-iġsma fiżiċi tagħna u l-waqfien f’kolp tal-ħajja huma tfakkira ħarxa tan-nuqqas ta’ kontroll li għandna f’dinja kbira u perikoluża. Għandna t-tama qawwija illi ikbar hu dak li hemm fina milli dak li hu fid-dinja (1 Ġwanni 4:4), u dak li jħobbna mar biex jipprepara post għalina biex xi darba nkunu nistgħu ningħaqdu miegħu (Ġwanni 14:2). Però, jekk irridu negħlbu l-biża’ mill-mewt, tgħinna jekk inqisu xi konsiderazzjonijiet immedjati u prattiċi.

L-ewwel, x’biża’ hu dan li niffaċċjaw? Hemm diversi aspetti tal-mewt lil kapaċi jikkawżaw il-biża’. Għall-grazzja t’Alla, il-Mulej għandu tweġiba għal kull waħda minnhom:

Il-biża’ ta’ dak li mhux magħruf Xi tħoss eżattament meta tmut? Xi tkun tista’ tara hekk kif ruħek tħalli l-ġisem fiżiku tiegħek? Kif se tiġri? Tgħid tkun tixbah dak li xi nies irrapportaw - dawl qawwi? Grupp ta’ qraba?

Ħadd ma jaf biċ-ċert xi tħoss meta tmut, imma l-Bibbja tiddeskrivilna x’jiġri. It-2 Korintin 5:6–8 u Filippin 1:23 jgħidu li, meta nħallu warajna ġisimna, se nkunu d-dar mas-Sid. Xi ħsieb konfortabbli! Imbagħad għandna l-wegħda tar-resurrezzjoni ta’ ġisimna, meta ningħataw iġsma ġodda u glorifikati (1 Korintin 15:20–22; 6:14).

Il-biża’ tat-telf ta’ kontroll
Malli l-bnedmin jilħqu l-adultezza, ikollhom idea mhux ħażin ta’ kif jirrelataw mad-dinja ta’ madwarhom. Jafu kif isibu dak illi jeħtieġu, jaslu fejn iridu jkunu, u jirrelataw mal-oħrajn tali mod li jissodisfaw ix-xewqat u l-intenzjoni tagħhom.

Madankollu, ħafna, anke dawk li jipprofessaw afdar f’Alla, tant jibżgħu li mhux se jieħdu dak li jeħtieġu illi jipprovaw jimmanipulaw l-affarijiet u n-nies ta’ madwarhom għall-benefiċċju tagħhom. Xi wħud jabbużaw lil oħrajn u jivvantaġġaw ruħhom minnhom, hekk kif jiggranfaw għall-kontroll. Ma jafdawx lil Alla biex jipprovdilhom għall-bżonnijiet tagħhom, allura jieħdu l-affarijiet f’idejhom. Ma jafdawx lil ħaddieħor li se jistmawhom, għalhekk jinsistu biex jieħdu dak li jaħsbu li għandhom bżonn.

Dawn it-talin ċertament iħossu n-nuqqas ta’ kontroll fuq ħajjithom. L-appostlu Pietru wera biża’ mill-mewt meta ċaħad għal tliet darbiet lil Ġesù. Aktar ’il quddiem, Ġesù ħafer lil Pietru u ħeġġu biex jaqdi. Wara li Ġesù rritorna s-sema, Pietru mtela’ bl-Ispirtu s-Santu, u kull biża’ tal-mewt telaq. Il-passjoni biex jipprietka l-messaġġ ta’ Kristu bil-qlubija għadda bil-kbir il-bżonn li jikkontrolla ċ-ċirkostanzi (Atti 5:17–42). L-Ispirtu s-Santu waħdu ta lil Pietru l-qawwa biex jiflaħ għall-isfidi li kellu jiffaċċja.

Il-biża’ minħabba dawk li nħallu warajna
Il-veduta tal-mewt li l-Kristjan iħaddan hi li din tinvolvi l-firda. Il-mewt finali hi l-firda minn m’Alla. Fil-mewt fiżika nkunu mifruda mill-iġsma tagħna u mill-maħbubin tagħna fuq din l-art għal xi żmien. Jekk l-għeżież tagħna wkoll huma fidili, nafu li l-firda se tkun teptipa t’għajn meta mqabbla mal-eternità fil-ġenna. Jekk mhumiex kredenti, il-firda tkun permanenti. Mela, il-missjoni tagħna hi li nużaw il-ħin tagħna magħhom biex nitolbu għall-għeżież tagħna u nkellmuhom dwar l-eternità. Fl-aħħar mill-aħħar, nikkommettuhom f’idejn Alla.

Il-biża’ tal-att proprju tal-mewt
Ftit jafu kif għad imutu. Xi mwiet huma malajr u bla wġigħ; oħrajn jgħaddu minn xi marda fit-tul. Il-misteru madwar il-mewt, u f’ħafna każijiet, l-inabbiltà biex nippreparaw għaliha kapaċi jkexkxuna. Anke kieku nafu kif se tkun mewtna - pereżempju, sibna li għandna marda terminali - xorta jkollna negħlbu ċerti biżgħat.

Però, il-mewt infisha hi biss mument fiż-żmien - mument li kważi kull bniedem esperjenza jew għad iduq. Meta ngħaddu dak il-mument, nikklejmjaw Filippin 3:20–21: “Għax iċ-ċittadinanza tagħna hi fis-smewwiet, minn fejn ukoll nistennew bil-ħeġġa lis-Salvatur, is-Sid Ġesù Kristu, li għad jittrasforma l-ġisem tal-umiljazzjoni tagħna u jagħmlu konformi mal-ġisem glorjuż tiegħu, bl-operazzjoni tas-setgħa tiegħu li biha jissottometti saħansitra kollox għalih innifsu.”

Ta’ spiss, li nkunu informati u anke nieħdu sehem attiv fil-ħwejjeġ relatati mat-tmiem ta’ ħajjitna jgħinna ntaffu l-biża’. Hemm passi li tista’ tieħu biex tipprepara lilek innifsek u lil dawk ta’ madwarek.

Ngħelbu l-biża’ tal-mewt - passi prattiċi
Ħafna nies jaħsbu li ma jmisshomx imutu għax għandhom wisq affarijiet li għalihom iridu jgħixu. Dan spiss ifisser li għandhom responsabbiltajiet u kwestjonijiet li għadhom mhux solvuti u li jkunu traskurati jekk huma jiġu neqsin. Il-biża’ jittaffa jekk tagħmel li tista’ issa biex ir-responsabbiltajiet u l-affarijiet li fadal ikunu ssetilajti mbagħad.

Jekk għandek xi negozju jew ulied jew dipendenti oħra, ikkonsidra l-kura tagħhom. Iddeċiedi min se jieħu postok, u aħdem ma’ dik il-persuna biex tħejju pjan. Ipprepara testment. Kun ċert li l-karti kollha neċessarji jinsabu organizzati u jinstabu faċilment. Jekk miksur ma’ xi ħadd, irranġa. Però tgħixx biex tmut. Sempliċement ħu ċertu passi raġunevoli biex tirranġa l-affarijiet f’posthom.

Ngħelbu l-biża’ tal-mewt - passi legali
Parti mill-ippjanar bil-quddiem jinvolvi d-deċiżjoni dwar x’jiġri jekk tispiċċa inkapaċitat. Huwa possibbli li, waqt xi marda jew korriment, titlef il-kontroll tas-sitwazzjoni u ma tkunx tista’ turi xewqtek. Biex ma toħloqx konfużjoni u possibbilment diżgwid, ħafna jagħżlu illi jagħmlu prokura lil ħaddieħor bil-quddiem, ħalli jaġixxi u jieħu deċiżjonijiet għan-nom tagħhom. Insomma, huwa għaqli li tinforma lil dawk qribek x’tixtieq, jew almenu għidilhom fejn hu miktub.

Ngħelbu l-biża’ tal-mewt - passi spiritwali
L-aktar ħaġa important li trid tiftakar dwar il-mewt huwa l-verità dwar il-ħajja. Int tħobb lil familtek u tieħu ħsiebha, iżda Alla jħobbhom aktar. Abbli tinkwieta dwar il-legat terrestri tiegħek, imma Alla aktar jimportah mill-perspettiva eterna u ta’ saltnatu. Il-burokrazija u l-karti kollha tad-dinja mhumiex se jipproduċu l-paċi fil-moħħ li jiġi milli tgħammar fi Kristu u tibqa’ fih.

Diffiċli żżomm f’moħħok li l-għejxien fid-dinja hu kundizzjoni temporanja. L-1 Ġwanni 2:15–17 jgħinna nżommu l-perspettiva korretta: “Tħobbux id-dinja, lanqas il-ħwejjeġ fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhijiex fih; għax kulma hu fid-dinja, il-leblieba tal-laħam u l-leblieba tal-għajnejn u l-kburija faħħarija tal-ħajja, mhuwiex mill-Missier, iżda hu mid-dinja. U d-dinja qed tgħaddi, u l-leblibiet tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqa’ għal dejjem.” Jekk nibqgħu fil-verità ta’ Kelmet Alla u nemmnu f’dak li jgħid dwarna u dwar id-dinja ta’ madwarna nirċievu perspettiva korretta u l-biża’ jitneħħa.

Fil-proċess biex negħlbu l-mewt, naqbdu mal-1 Ġwanni 3:1–2: “Araw liema speċi ta’ mħabba tana l-Missier, illi nissejħu tfal t’Alla; u hekk aħna! Minħabba f’hekk id-dinja ma tafniex, għax ma kinitx taf lilu. Maħbubin, issa aħna tfal t’Alla, u għadu mhux manifestat x’għad inkunu. Nafu illi meta jkun manifestat se nkunu nixbhuh, għax għad narawh bħalma hu.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ negħleb il-biża’ tal-mewt?
© Copyright Got Questions Ministries