settings icon
share icon
Mistoqsija

Int maħfur? Kif nista’ nirċievi l-maħfra għal dnubieti kollha mingħand Alla?

Tweġiba


L-Atti 13:38 jiddikjara, “Għalhekk ħa jkun magħruf lilkom, l-aħwa, illi permezz tiegħu l-maħfra tad-dnubiet hi mnidija lilkom.”

X’inhi l-maħfra u għaliex neħtieġha?

Il-kelma “ħafer” tfisser naddaf, ikkanċella dejn. Meta nonqsu lil xi ħadd, infittxu l-maħfra tagħhom sabiex ir-relazzjoni bejnietna tiġi restawrata. Il-maħfra ma tingħatax għax persuna ħaqqha tkun maħfura. Ħadd ma ħaqqu jkun maħfur. Il-maħfra hi att ta’ mħabba, ħniena, u grazzja. Il-maħfra hi deċiżjoni illi ma nżommx fil-komma kontra individwu ieħor, minkejja li jkun għamilli d-deni.

Il-Bibbja tgħidilna illi aħna lkoll neħtieġu l-maħfra mingħand Alla. Ilkoll kemm aħna għamilna d-dnub. L-Ekkleżjażti jipproklama, “M’hemmx bniedem ġust fuq l-art li jagħmel is-sewwa u qatt ma jidneb.” Fl-Ewwel Epistola ta’ Ġwanni 1:8 naqraw, “Jekk ngħidu illi m’għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna, u l-verità mhijiex fina.” Finalment kull dnub hu att ribelluż kontra Alla (Salmi 51:4). Bħala riżultat, għandna bżonn urġenti għall-maħfra t’Alla. Jekk dnubietna ma jinħafrux, inqattgħu l-eternità nsofru l-konsegwenzi ta’ dnubietna (Mattew 25:46; Ġwanni 3:36).

Il-maħfra – kif nirċeviha?

Kemm imissna nroddulu ħajr lil Alla! Hu Alla li jħobb u ħanin – ħerqan biex jaħfrilna dnubietna. It-2 Pietru 3:9 jgħidilna illi “hu paċenzjuż magħkom, billi ma jixtieqx li xi wħud jintilfu, iżda li kulħadd jiġi għall-indiema.”

L-unika piena ġusta għal dnubietna hi l-mewt. L-ewwel nofs tar-Rumani 6:23 jiddikjara, “għax il-paga tad-dnub hi l-mewt...” Xi qlajna minħabba dnubietna? Il-mewt. Alla, fil-pjan perfett tiegħu, sar bniedem – Ġesù Kristu (Ġwanni 1:1,14). Ġesù miet fuq is-salib, u hekk ħa fuqu l-piena jew kastig li jistħoqqilna – il-mewt. It-2 Korintin 5:21 jgħallimna, “Lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih.” Ġesù miet fuq is-salib, u hekk ħa fuqu nnifsu l-kastig mistħoqq lilna! Bħala Alla, il-mewt ta’ Kristu provdiet il-maħfra għad-dnubiet tad-dinja kollha. L-1 Ġwanni 2:2 jipproklama, “hu nnifsu l-propizjazzjoni għal dnubietna, u mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għad-dnubiet tad-dinja kollha.”

Ġesù qam mill-mewt, u hekk xandar il-vittorja tiegħu fuq id-dnub u l-mewt (1 Korintin 15:1-28). Ħa jkun imfaħħar Alla! Permezz tal-mewt u r-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu, it-tieni nofs tar-Rumani 6:23 hu veru, “...imma d-don b’xejn t’Alla hu l-ħajja eterna fi Kristu Ġesù Sidna.”

Trid ikollok dnubietek maħfura? Tħoss ħtija illi qisha ma trid tingħeleb b’xejn? Il-maħfra għal dnubietek hi offruta lilek: poġġi l-fiduċja tiegħek f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tiegħek. L-Efesin 1:7 jgħid, “Fih għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tat-trasgressjonijiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu.” Ġesù ħallas id-dejn għalina, sabiex inkunu nistgħu ninħafru. Kulma għandek tagħmel huwa illi titlob lil Alla jaħfirlek permezz ta’ Ġesù, billi temmen li Ġesù miet biex ipatti ħalli tirċievi l-maħfra – tabilħaqq jaħfirlek! L-Evanġelju skont Ġwanni 3:16-17 fih dan il-messaġġ meraviljuż: “Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja sabiex jiġġudika d-dinja, iżda sabiex id-dinja tkun salvata permezz tiegħu.”

Il-maħfra – daqshekk faċli?

Iva, daqshekk faċli! Ma tistax taħdem jew timmerita l-maħfra mingħand Alla. Ma tistax tħallas għall-maħfra tiegħek mingħand Alla. Tista’ biss tirċeviha, bil-fidi, permezz tal-grazzja u l-ħniena t’Alla. Jekk trid taċċetta lil Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tiegħek u tirċievi maħfra mingħand Alla, tista’ tindirizzah b’din it-talba. Billi tgħid din it-talba jew xi talba oħra, b’daqshekk m’intix se ssalva. Huwa biss billi tafda f’Ġesù Kristu illi tibda tgawdi l-maħfra tad-dnubiet. Din it-talba hi sempliċement mod kif tesprimi m’Alla l-fiduċja tiegħek fih u tirringrazzjah talli provda għall-maħfra tiegħek. “O Alla, naf illi dnibt kontrik u jistħoqqli l-kastig. Iżda Ġesù Kristu ħa l-kastig, mistħoqq lili, sabiex permezz tal-fidi tiegħi fih inkun nista’ niġi maħfur. Inqiegħed il-fiduċja tiegħi fik għas-salvazzjoni. Inroddlok ħajr talli turi miegħi grazzja meraviljuża u l-maħfra tiegħek! Ammen!”

Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.


English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Int maħfur? Kif nista’ nirċievi l-maħfra għal dnubieti kollha mingħand Alla?
© Copyright Got Questions Ministries