settings icon
share icon
Mistoqsija

X’tgħid il-Bibbja dwar kif niffaċċjaw l-uġigħ kroniku?

Tweġiba


Persuni li jbatu minn uġigħ kroniku jġorru piż żejjed li nies b’saħħithom ma jifhmux kompletament. L-uġigħ kroniku jista’ jkun kontinwu jew rikorrenti, u jdum għal diversi xhur u anke snin. Għal xi wħud l-uġigħ jibqa’ matul il-bqija ta’ ħajjithom. Sew jekk l-uġigħ ġej minn artrite, fibromyalgia, inċident tat-traffiku, jew xi korriment waqt logħba futbol, dawn il-persuni jsibu li anke biċċa xogħol sempliċi taf tkun estremament diffiċli għalihom. Il-mediċina moderna għamlet passi ta’ ġgant biex ittaffi l-uġigħ kroniku; madankollu hemm tipi ta’ wġigħ li s’issa għadha ma nstabitx kura adekwata. Fit-tbatija tagħhom xi wħud abbli jistaqsu jekk Alla jimpurtahx verament minnhom; għalhekk ejja naraw x’tgħid il-Bibbja dwar l-uġigħ kroniku.

Ħarsa ħafifa lejn il-Bibbja turina li Alla konxju mit-tbatija tagħna u ħerqan biex jgħinna (Salmi 50:15; Numri 21:8–9). Għamilna mit-trab tal-art u jaf kif jiffunzjona ġisimna (Salmi 103:14; 139:13–16). Hu ħalaq in-nervituri li jikkomunikaw l-uġigħ lejn moħħna, u għalhekk jaf sew kif dawn jaffetwawna. Nafu li fl-aħħar mill-aħħar Alla jinsab fil-kontroll ta’ kollox, anke tal-uġigħ kroniku (Isaija 45:7). Dawk li jafu ’l Alla, iħobbuh u jafdawh, m’għandhomx jiddibutaw jekk huwiex konxju tat-tbatijiet tagħhom jew forsi jaħsbu li qed jinjora t-talb biex isserraħhom (Mattew 6:31–33; Luqa 12:6–7).

Meta beda l-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù sar magħruf għall-fejqan ta’ persuni paralizzati u morda b’mod kroniku (Mattew 4:23). Saħansitra ġieli biddel il-pjanijiet tiegħu biex itaffi l-uġigħ kroniku ta’ individwu — b’hekk wera l-kumpassjoni lejn il-miġugħa (Luqa 13:10–12; Mattew 9:20–22). Ġesù qal li ma jagħmel xejn minnu nnifsu, ħlief x’jara lill-Missier jagħmel (Ġwanni 5:19; 14:10); minn dan nitgħallmu li anke l-Missier għandu kumpassjoni kbira lejn dawk li jbatu u kapaċi jfejjaqhom.

Iżda l-missjoni ewlenija ta’ Ġesù ma kinitx li jtaffi l-uġigħ; u lanqas tal-Missier. Xi drabi l-uġigħ kroniku hu r-riżultat tad-dnub jew il-bluha. Jew simpliċiment minħabba li qed ngħixu f’ġisem mortali u imperfett, f’dinja mwaqqa’ u miksura. Hu x’inhu l-każ, it-tbatija mhix se tinħela fix-xejn. Alla għandu skop għaliha. Meta d-dixxipli ta’ Ġesù staqsewh dwar ir-raġel imwieled għama, Ġesù wieġeb, “La dan ma dineb u lanqas il-ġenituri tiegħu, iżda ġralu hekk sabiex ikunu esibiti l-opri t’Alla fih” (Ġwanni 9:3). Imbagħad fejqu, imma ma ninsewx li dan ir-raġel kien ilu għal snin twal ibati sa minn twelidu. L-attenzjoni ta’ Ġesù lejn nies b’mard kroniku turina li Alla jaf sew u jimpurtah minna fit-tbatija tagħna. Madankollu, għal raġunijiet li hu waħdu jafhom, spiss jippermetti dak li hu stess jobgħod biex iwettaq dak li hu jħobb.

Ħafna drabi Alla joħroġ il-ġid mill-uġigħ kroniku billi jgħallimna kif nistrieħu aktar fih. Aktar ma nħossu il-bżonn tagħna, aktar infittxu ’l wiċċu. Mhux biss, Alla kapaċi juża l-uġigħ kroniku biex jgħallimna s-sabar fit-tul u t-tama. Imbagħad aħna nfusna, b’dak li Alla jkun għallimna mill-esperjenza personali, inkunu nistgħu ngħinu lill-oħrajn: “Imbierek ikun Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-mogħdrijiet u Alla ta’ kull faraġ, li jfarraġna fl-afflizzjoni kollha tagħna, biex inkunu kapaċi nfarrġu ’l dawk fi kwalunkwe afflizzjoni bil-faraġ li bih aħna nfusna mfarrġin minn Alla.” (2 Korintin 1:3–4). L-uġigħ persistenti jista’ jkun opportunità biex nitgħallmu nbatu tajjeb quddiem għajnejn d-dinja. Nies bla tama, meta jaraw is-sabar fit-tul u s-saportu ta’ wlied Alla, abbli jixxenqu għal dik it-tip ta’ saħħa. Bit-testimonjanza siekta tagħhom l-Insara jkunu qed jaħżnu għalihom infushom teżori fis-sema għaliex jirrifjutaw illi jiddubitaw it-tjubija t’Alla minkejja s-sofferenzi fit-tul (ara Mattew 5:16; 6:6).

Xi drabi Alla jfejjaq mirakolożament lil xi wħud mill-uġigħ kroniku; drabi oħra le. Hu x’inhu, ftakar li Alla jħobbok. Alla jiddikjra b’mod ċar illi huwa sovran fuq kollox u li l-pjan tiegħu jibqa’ fis-sod. (Isaija 46:9–11). Xi drabi dak il-pjan jinkludi t-tbatija, anke għal dawk li jħobbuh u jaqduh fedelment (Atti 9:16; 1 Pietru 4:13). L-appostlu Pawlu huwa eżempju ta’ bniedem tassew leali lejn Kristu; madankollu huwa kellu jsofri ħafna ħwejjeġ skont ir-rieda t’Alla għalih (2 Korintin 11:23–27). Nistgħu nissupponu illi Pawlu kellu jgħix b’uġigħ kroniku minħabba l-ħafna xebgħat li qala’ u l-priġuneriji li ġarrab. Ma nafux x’kienet ix-xewka f’ġismu, però jista’ jkun kienet xi forma ta’ wġigħ kroniku. Talab lil Alla biex ineħħihielu. It-tweġiba t’Alla saret sors ta’ inkoraġġiment għal ħafna li jbatu minn uġigħ kroniku: “Il-grazzja tiegħi suffiċjenti għalik, għax is-setgħa tiegħi hi perfezzjonata fid-dgħufija” (2 Korintin 12:9).

Pawlu kiteb ukoll li “l-afflizzjoni ħafifa u mumentanja tagħna qed tipproduċi għalina toqol etern ta’ glorja lil hinn minn kull paragun” (2 Korintin 4:17). Jekk Pawlu kien kapaċi jqis l-abbuż li sofra bħala “afflizzjoni ħafifa u mumentanja,” allura jmissna nagħmlu l-qalb u nagħmlu bħalu. Għax dawk li bħalu jitgħallmu jsofru tajjeb għad ikunu rikumpensati fl-eternità. Alla mhux se joqgħod ma jagħmel xejn waqt li wliedu qed isofru. Iwegħidna li jersaq qrib tagħna u jfarraġna meta nsejħulu (Salmi 34:18; Ħosea 6:1). Għalkemm l-uġigħ kroniku jeżawrik u għandu ħabta jiskuraġġik, ftakar fil-wegħda t’Alla li meta narawh wiċċ imb wiċċ, kollox għad ikun sew (Filippin 3:8–11; 1 Korintin 13:12). L-uġigħ tagħna mhux bla skop meta ħajjitna hi dedikata għar-rieda t’Alla. Nistgħu nkunu konfidenti illi Alla jippermettih għall-għanijiet ogħla tiegħu (Rumani 8:28), u li dalwaqt għad inkunu miegħu u ħielsa mill-uġigħ għal dejjem (Rivelazzjoni 21:4).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’tgħid il-Bibbja dwar kif niffaċċjaw l-uġigħ kroniku?
© Copyright Got Questions Ministries