settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi t-tifsira ta’: fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’Mattew 18:20?

Tweġiba


Mattew 18:20 spiss hija użata biex tagħti leġittimità għal xi laqgħa żgħira ta’ talb jew servizz tal-knisja. Il-pastor abbli jgħid xi ħaġa hekk “Qegħdin ftit illejla, imma kuntenti li mhemmx għalfejn inkunu folla kbira biex Alla jismagħna. Wara kollox, Ġesù wegħidna, ‘fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemmhekk jien fosthom.’” Din tinstema’ ta’ faraġ sakemm tkun analizzata u meħudha għall-konklużjoni loġika tagħha. Allura x’jiġri jekk ma jkunx hemm tnejn? X’jiġri jekk ikun hemm biss wieħed li qed jitlob waħdu? Allura dan ifisser li Ġesù mhuwiex preżenti? Jekk it-tweġiba hija “le,” mela nerġgħu lura u nistaqsu, “Mattew 18:20 xi jfisser eżattament?”

Nagħtu ħarsa lejn il-kuntest ta’ “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin.” Ħafna Bibbji jgħaqqdu Mattew 18:15–20 f’paragrafu wieħed. Sintendi, il-qasmiet f’paragrafi mhumiex parti ispirata tat-test, billi l-oriġinali nkitbu mingħajr spazji. Madankollu, dan it-tali qsim f’paragrafu huwa bbażat fuq il-kontenut tal-passaġġ u f’dal-każ jidher li huwa korrett.

Mattew 18:15–17 jgħidilna kif imissna nittrattaw mad-dnub fil-knisja; huwa passaġġ dwar dak li b’mod komuni nsibuh bħala “d-dixxiplina fil-knisja.” “U jekk ħuk jidneb kontrik, mur urih id-difett tiegħu, bejnek u bejnu waħidkom; jekk jisimgħek, tkun irbaħt lil ħuk. Imma jekk ma jismax, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex ‘b’fomm żewġ xhieda jew tlieta tkun stabbilita kull ħaġa.’ U jekk jirrifjuta milli jismagħhom, għidha lill-knisja; u jekk jirrifjuta milli jisma’ saħansitra l-knisja, ħa jkun għalik qisu Ġentil u dazjarju.”

Imbagħad vers 18 jagħtina l-assigurazzjoni li, meta nimxu ma’ dal-proċess, Alla jkun qed jaħdem fih: “Tassew ngħidilkom, kwalunkwe ħwejjeġ li torbtu fuq l-art se jkunu marbutin fis-sema, u kwalunkwe ħwejjeġ li tħollu fuq l-art se jkunu maħlulin fis-sema.”

U mbagħad, versi 19 u 20 jagħtuna l-assigurazjoni finali: “Jerġa’ tassew ngħidilkom illi jekk tnejn minnkom jaqblu fuq l-art dwar kull affari kwalunkwe li jissupplikaw, se ssirilhom minn Missieri li hu fis-smewwiet. Għax fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemmhekk jien fosthom.”

Il-kuntest ta’ “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi” (Mattew 18:20) għandu x’jaqsam mad-dixxiplina fil-knisja u l-konfrontazzjoni tal-midneb li żvija. F’vers 16, il-prinċipju ta’ “żewġ xhieda jew tlieta” ġie invokat biex saret l-akkuża (ara Dewteronomju 19:15). Jidher li “t-tnejn jew tlieta” msemmija f’vers 20 jidwi dak il-prinċipju; it-“tnejn jew tlieta” qed jikkonfrontaw id-dnub fil-knisja.

Ġesù jikkwota l-Liġi tal-Patt il-Qadim li kienet tgħid li individwu wieħed ma kienx biżżejjed biex tittieħed azzjoni f’każ kriminali. Madankollu, żewġ xhieda jew tlieta li jaqblu kienu suffiċjenti biex jistabbilixxu l-kwestjoni. Il-liġi fid-Dewteronomju irregolat il-qorti umana. Ġesù applika dan lill-“qorti smewwitija.” Meta l-ħu jew l-oħt fil-knisja li qed jiżvijaw jiġu konfrontati minn “żewġ jew tliet xhieda” u jirrifjutaw li jindmu, dawn ix-xhieda jressqu l-kwestjoni quddiem il-knisja. Ġesù jassigurana illi, meta dan jiġri, mhux ix-xhieda biss li qed jieħdu azzjoni kontra t-trasgressur, imma hu jinsab hemm magħhom. Id-dixxiplina fil-knisja hi sanzjonata kemm mill-Missier kif ukoll mill-Iben. Dan importanti għaliex qed ngħixu fi żmien meta mhix moda li tikkonfronta jew “tiġġudika” l-istil ta’ ħajja ta’ xi ħadd bħala midinba. Dawk li jieħdu azzjoni u jikxfu d-dnub fil-knisja jmisshom jagħmlu l-qalb għall-fatt li mhumiex jaġixxu waħidhom; Kristu hu magħhom fl-isforz tagħhom.

Il-proċess tad-dixxiplina fil-knisja jitlob “tnejn jew tlieta,” u dan jidher li hu l-aħjar applikazzjoni għal dal-vers. It-tnejn jew tlieta mibġurin f’isem Ġesù mhumiex qed jinġabru flimkien f’xi laqgħa għat-talb jew servizz ta’ qima imma hi kwestjoni ta’ dixxiplina fi knisja. Iż-żewġ jew tliet xhieda kkonfrontaw lill-midneb fi spirtu t’umiltà (ara Galatin 6:1), u l-midneb ma dinibx. Mela t-tnejn jew tlieta jressqu l-kwestjoni għand il-Mulej fit-talb imbagħad jimxu ’l quddiem b’konfidenza fil-proċess kif muri u spjegat fl-Iskrittura, konxji li mhumiex qed ikunu imponenti jew sifisenti, għax Alla japprova l-isforzi tagħhom - Ġesù “jinsab magħhom.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi t-tifsira ta’: fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’Mattew 18:20?
© Copyright Got Questions Ministries