Mistoqsija
Xi tfisser tmorrux lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin (1 Korintin 4:6)?
Tweġiba
Fl-1 Korintin 4, Pawlu jiddeskrivi n-natura u l-ħidma tal-appostolat veru. F’vers 6 jgħid, “Issa, l-aħwa, applikajt dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi u għal Apollo għall-benefiċju tagħkom, sabiex titgħallmu bina biex ma tmorrux lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin, sabiex ma ssirux orgoljużi b’wieħed kontra l-ieħor.”
Ma nafux fiċ-ċert mnejn ġie l-qawl tmorrux lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin, però hu ovvju illi l-fidili Korintin kienu familjari miegħu. Xi wħud jispekulaw li jirreferi għall-kwotazzjonijiet mill-Patt il-Qadim li Pawlu kien għadu kif kwota ftit qabel (bħal l-1 Korintin 1:19 u 2:16) jew anke għal dawk l-istqarrijiet teoloġiċi li kien kiteb fil-bidu tal-ittra. Però, wisq probabbli, dal-qawl jirreferi għall-prinċipju ġenerali li dak kollu li l-fidil jagħmel imissu jkun ibbażat fuq il-verità biblika.
Meta qal, “Tmorrux lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin,” Pawlu ried li l-qarrejja jifhmu illi finalment il-kliem u t-tagħlim tal-Iskirttura huma suffiċjenti u veri. Il-verità ma tiddependix fuq il-personalità jew il-kariżma ta’ dawk li jgħallmu. Fl-ewwel seklu q.K, il-knisja f’Korintu kienet miżgħuda bil-problemi, fosthom firdiet f’partiti u favoritiżmu. Fil-knisja kien hemm xi wħud li riedu jisimgħu biss lil ċerti għalliema (bħal Pawlu u Apollo) aktar milli jisimgħu ’l Kristu biss (1 Korintin 1:12). Milli jidher, b’riżultat tas-settarjaniżmu tagħhom, xi fidili bdew iġibu ruħhom “lil hinn” minn dak li kien jixraq lis-segwaċi ta’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li aktar bdew jagħtu kas il-kliem tal-mexxej favorit tagħhom milli l-kliem tal-Iskrittura nfisha. Pawlu sfida dil-mentalità fost il-Korintin billi stqarr li x-xewqa tiegħu meta kien fosthom kienet li ma ried ikun jaf xejn “ħlief lil Ġesù Kristu u lilu msallab” (1 Korintin 2:2).
Mela, li ma “tmurx lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin” ifisser li tiffoka fuq Ġesù u fuq Kelmtu aktar minn kull ħaġa oħra. Ifisser li jkollok fiduċja illi l-Bibbja għandha t-tweġibiet u l-veritajiet kollha li neħtieġu biex ngħixu ħajja qaddisa u li togħġob ’l Alla – m’għandna bżonn xejn aktar minn dak li Alla provdielna f’Kelmtu (ara 2 Pietru 1:3). Fil-fatt, fl-aħħar kapitlu tal-Bibbja, aħna mwissija biex la nżidu u lnqas innaqqsu mill-kliem ispirat t’Alla (Rivelazzjoni 22:18–19). Jeħtieġ inqisu l-Iskrittura kollha bħala qaddisa u mhux nipprovaw inbagħbsuha. Fi kliem ieħor, ma rridux “immorru lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin” fl-Iskrittura, għaliex hija l-kelma vera t’Alla.
Għall-ġurnata tal-lum, dan ifisser li l-fidili jmisshom jirsistu biex ikunu jafu sew il-Bibbja u jqisuha bħala l-Kelma t’Alla. Jekk ma nżommux ma’ dak li l-Bibbja tgħid, faċli mmorru lil hinn minn dak li hu miktub. Kull darba li xi ħadd jgħid xi ħaġa tipo, “Li titkellem bl-ilsna huwa sinjal ta’ salvazzjoni” jew “il-Kristjani ma jmisshomx ikollhom televixin” jew “Marija hi Medjatriċi,” ikun qed imur lil hinn minn dak li hu miktub. Il-Bibbja qatt ma tgħid ħwejjeġ bħal dawn.
Sintendi, jeħtieġ inkunu kapaċi nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, u l-Bibbja turina biċ-ċar id-differenza bejniethom. Però jeħtieġ inkunu wkoll kapaċi niddistingwu bejn dak li l-Bibbja tiddeskrivi u dak li tippreskrivi. Jekk inħawdu d-deskrizzjoni mal-istruzzjoni, normalment nispiċċaw fl-iżball. Għall-fidili, il-Bibbja, mhux xi ktieb riċenti jew xi predikatur popolari, jeħtieġ tibqa’ l-awtorità finali. Il-fidili jmisshom jirsistu biex jistudjaw u jimmemorizzaw il-Bibbja u jfittxu li japplikaw it-t-tagħlim tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Meta jagħmlu dan, u ma jżidux ma’ dak li tgħid, ikunu qed jassigura rwieħhom li, rigward il-ħajja u l-fidi, mhumiex “imorru lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin.”
English
Xi tfisser tmorrux lil hinn mill-ħwejjeġ miktubin (1 Korintin 4:6)?