Mistoqsija
Il-għala Alla jġarrabna?
Tweġiba
Meta nistaqsu għala jġarrabna Alla, jew għaliex jippermetti li nkunu mġarrba, inkunu qed nammettu li t-tiġrib tabilħaqq jiġi minnu. Meta Alla jġarrab lil uliedu jkun qed jagħmel xi ħaġa ta’ valur. David fittex l-ittestjar minn Alla, u talbu jgħarbillu qalbu u moħħu biex jara kinux fidili lejh (Salmi 26:2; 139:23). Meta Abraħam kien ittestjat minn Alla fil-każ ta’ ibnu Iżakk, Abraħam obda (Ebrej 11:17–19), u wera lid-dinja kollha li hu kien missier il-fidi (Rumani 4:16).
Kemm fil-Patt il-Qadim kif ukoll fil-Ġdid, il-kelmiet tradotti “tiġrib” ifissru “ittestjar permezz ta’ prova.” Għalhekk, meta Alla jittestja lill-uliedu, l-iskop tiegħu hu li jagħti prova li l-fidi tagħhom hi ġenwina. Mhux għax Alla għandu bżonn jikkonferma dan għalih innifsu; hu jaf kollox, però jkun qed jikkonferma lilna li l-fidi tagħna hi vera, li aħna tabilħaqq uliedu, u li ebda prova mhi se tegħleb il-fidi tagħna.
Fil-Parabbola taż-Żerriegħ, Ġesù jidentifika ’l dawk li jaqgħu lura bħala dawk li rċevew iż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla bil-ferħ, però, appena ġie fuqhom żmien ta’ prova, waqgħu lura. Ġakbu jgħidilna li l-ipprovar tal-fidi tagħna jiżviluppa l-perseveranza, u din ikollha r-riżultat perfett tagħha f’xirka u mixja eqreb m’Alla (Ġakbu 1:3–4). Ġakbu jkompli jgħid li l-ittestjar hu barka, għaliex meta jgħaddi u nkunu “issasportejna,” għad “nirċievu l-kuruna tal-ħajja li s-Sid wiegħed lil dawk li jħobbuh” (Ġakbu 1:12). It-tiġrib ġej mingħand il-Missier smewwieti tagħna li jaħdem kollox għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh u li huma msejħa biex ikunu wlied Alla (Rumani 8:28).
It-tiġrib, jew il-provi li ngħaddu minnhom, jiġu b’diversi modi. Li nsiru Kristjani spiss jinvolvi li nitwarrbu mill-kumdità tagħna lejn dak li mhux magħruf. Il-perseveranza fit-tiġrib tirriżulta fil-maturità u l-kompletezza. Għalhekk Ġakbu kiteb, “Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju” (Ġakbu 1:2). L-ippruvar tal-fidi jista’ jiġi f’doża żgħira u irritazzjonijiet ta’ kuljum; u jista’ jkun ukoll afflizzjonijet severi (Isaija 48:10), kif ukoll attakki minn Satana (Ġobb 2:7). Ikun xi jkun l-għajn tat-tiġrib, dejjem hu ta’ benefiċċju għalina li ngħaddu mit-tiġrib li Alla jippermetti.
Ir-rakkont ta’ Ġobb hu eżempju perfett kif Alla jippermetti li wieħed mill-qaddisin tiegħu jiġġarrab mix-xitan. Ġobb issaporta fit-tul it-tiġrib kollu tiegħu, u “f’dan kollu ma dinibx, u ma qalx kliem iblaħ fuq Alla” (Ġobb 1:22). Madankollu, ir-rakkont dwar l-ittestjar ta’ Ġobb hu prova li l-abbiltà ta’ Satana biex iġarrabna dejjem hi limitata mill-kontroll sovran t’Alla. Ebda demonju ma jista’ jafflittana lil hinn minn dak li Alla ħatar. Il-provi kollha tagħna jaħdmu favur l-għan perfett t’Alla u għall-benefiċċju tagħna.
Insibu ħafna eżempji tar-riżultati pożittivi tat-tiġrib. Is-salmista jqabbel it-tiġrib mal-irfinar tal-fidda (Salmi 66:10). Dwar il-fidi tagħna, Pietru jgħid li hi “iżjed prezzjuża mid-deheb,” u minħabba f’hekk “tnikkittna b’tiġrib varju” (1 Pietru 1:6–7). Meta Alla jittestja l-fidi tagħna, jikkawża li nikbru bħala dixxipli b’saħħitna, li verament ngħixu bil-fidi u mhux b’dak li naraw (2 Korintin 5:7).
Meta nġarrbu l-maltempati tal-ħajja, imissna nkunu nixbhu s-siġra li tniżżel għeruqha aktar ’l isfel sabiex ikollha qabda aħjar mal-blat. Jeħtieġ “inniżżlu għeruqna” aktar fil-fond fil-Kelma t’Alla u naqbdu mal-wegħdi tiegħu sabiex inkunu nistgħu nissaportu, ikunu x’ikunu l-maltempati li jaħbtu għalina.
Fuq kollox, imissna nitfarrġu tabilħaqq meta nafu li Alla qatt mhu se jippermetti li nkunu mġarrba aktar milli kapaċi nifilħu għalih bl-għajnuna tiegħu. Il-grazzja tiegħu suffiċjenti għalina, għax is-setgħa tiegħu hi pperfezzjonata fid-dgħufija tagħna (2 Korintin 12:9). “Minħabba f’hekk,” Pawlu qal, “nitgħaxxaq bid-dgħufijiet, bl-insulti, bil-privazzjonijiet, bil-persekuzzjonijiet u d-diffikultajiet għal Kristu; għax meta jien dgħajjef, imbagħad inkun setgħan.”
English
Il-għala Alla jġarrabna?