settings icon
share icon
Mistoqsija

Meta l-Bibbja tgħidilna tiġġudikawx, x’qed tfisser?

Tweġiba


Il-kmand ta’ Ġesù biex ma niġġudikawx lil ħaddieħor probabbilment huwa l-aktar kliem tiegħu kkwotat, avolja kważi dejjem ikun kkowotat bl-addoċċ u mingħajr ma jitqies il-kuntest. Hawn hi d-dikjarazzjoni ta’ Ġesù: “Tiġġudikawx, sabiex ma tkunux iġġudikati” (Mattew 7:1). Ħafna jużaw dal-vers biex mingħalihom isikktu ’l dawk li jikkritikawhom, u jinterpretaw kliem Ġesù hekk: “Int m’għandekx dritt tgħidli li jien żbaljat.” Jekk il-kmand ta’ Ġesù biex ma “niġġudikawx” niżolawh, faċilment nistgħu nifhmuh li qisu qed jimpedixxi kull evalwazjoni negattiva. Madankollu, fil-passaġġ hemm wisq aktar minn dawk il-ħames kelmiet.

Il-kmand tal-Bibbja biex ma niġġudikawx lil oħrajn ma jfissirx li ma nistgħux nużaw id-dixxerniment biex ngħaddu ġudizzju. Eżatt wara li Ġesù qal, “Tiġġudikawx,” jgħid, “Tagħtux dak li hu qaddis lill-klieb, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer” (Mattew 7:6). Ftit wara, fl-istess prietka, jgħid ukoll, “Oqogħdu attenti mill-profeti foloz . . . Mill-frott tagħhom tagħrfuhom” (versi 15–16). Kif se jirnexxilna nidentifikaw min huma l-“klieb” u l-“ħnieżer” u l-“profeti foloz” jekk mhux billi nkunu kapċi nagħddu ġudizzju fuq id-dottrini u l-għemil tagħhom? Ġesù qed jagħtina l-permess biex nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Mhux biss, imma l-kmand tal-Bibbja biex ma niġġudukawx ma jfissirx li l-azzjonijiet kollha huma moralment l-istess jew li l-verità hi relattiva. Il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-verità hi oġġettiva, eterna, u inseparabbli mill-karattru t’Alla. Kull ħaġa li tikkontradixxi dik il-verità hija gidba – però, sintendi, biex xi ħaġa nsejħulha “gidba” rridu niġġudikaw. Bl-istess mod, biex ngħidu li l-adulterju jew l-omiċidju huma dnub, bilfors irridu niġġudikaw – b’hekk inkunu qed naqblu m’Alla. Meta Ġesù qal biex ma niġġudikawx lil oħrajn, ma riedx ifisser li ħadd, meta jibbaża fuq id-definizzjoni t’Alla ta’ x’inhu dnub, ma jista’ jidentifika d-dnub għal dak li hu.

Mhux biss, imma l-kmand tal-Bibbja biex ma niġġudikawx lanqas ifisser li m’għandux ikun hemm xi tip ta’ mekkaniżmu li bih niddiljaw mad-dnub. Fil-Bibbja hemm ktieb sħiħ jismu L-Imħallfin. L-imħallfin fil-Patt il-Qadim tqajmu minn Alla nnifsu (Imħallfin 2:18). Is-sistema ġudizjarja moderna, li tinkludi wkoll l-imħallfin, hi parti neċessarja tas-soċjetà. Meta qal, “Tiġġudikawx,” Ġesù ma kienx qed jgħid, “Kollox jgħaddi.”

F’post ieħor, Ġesù jagħti ordni diretta biex niġġudikaw: “Tiġġudikawx skont l-apparenza, iżda ġġudikaw b’ġudizzju ġust” (Ġwanni 7:24). Hawn għandna ħjiel dwar tip ta’ ġudizzju korrett u dak ħażin. Meta nikkunsidraw dal-vers, flimkien m’oħrajn, ikollna stampa tat-tip ta’ ġudizzju midneb.

Ġudizzju superfiċjali hu ħażin. Jekk niġġudikaw lil xi ħadd sempliċement fuq dak li jidher minn barra nidinbu (Ġwanni 7:24). Inkunu boloħ jekk naqbdu nikkonkludu xi ħaġa mingħajr ma nkunu investigajna l-fatti minn qabel (Proverbji 18:13). Xmun il-Fariżew iġġudika l-mara fuq l-apparenza u r-reputazzjoni biss, però ma setax jara li l-mara kienet ġiet maħfura; u minħabba l-ġudizzju inġust tiegħu Xmun irċieva ċanfira mingħand Ġesù (Luqa 7:36–50).

Ġudizzju hu ħażin. Qabel il-kmand ta’ Ġesù f’Mattew 7:1 biex ma niġġudikawx insibu tixbiha mal-ipokriti (Mattew 6:2, 5, 16) u warajha twissija kontra l-ipokresija (Mattew 7:3–5). Meta nuru d-dnub ta’ ħaddieħor filwaqt li aħna stess inkunu qed nikkommettu l-istess dnub, nikkundannaw lilna nfusna (Rumani 2:1).

Ġudizzju aħrax, u krudili hu ħażin. Dejjem imissna nkunu “ġentili man-nies kollha” (Titu 3:2). Huma dawk li jħennu illi għad jirċievu l-ħniena (Mattew 5:7), u, kif wissa Ġesù, “Bl-istess mod kif tiġġudikaw se tkunu ġġudikati, u bil-kejl li tkejlu se jkun imkejjel lilkom” (Mattew 7:2).

Ġudizzju b’kunfidenza fit-tjubija personali hu ħażin. Aħna msejħin għall-umiltà, u “Alla jopponi lis-suppervi” (Ġakbu 4:6). Fil-parabbola ta’ Ġesù dwar il-Farizew u l-pubblikan, il-Fariżew kien kunfidenti fit-tjubija tiegħu nnifsu, u minn dik il-pożizzjoni għolja ta’ kburija ġġudika lill-pubblikan. Madankollu, Alla jara l-qalb u rrifjuta li jaħfer id-dnub tal-Farizew (Luqa 18:9–14).

Ġudizzju falz hu ħażin. Il-Bibbja tipprojbixxi b’mod ċar xhieda falza (Proverbji 19:5). “Tikkalunjaw lil ħadd” (Titu 3:2).

Il-Kristjani spiss huma akkużati li “jiġġudikaw”, jew li huma intolleranti, meta jsemmgħu leħinhom kontra d-dnub. Però mhux ħażin illi nopponu d-dnub. Meta ninsistu bla kompromess fuq l-istandard tal-ġustizzja ovvjament inkunu qed niddefinixxu wkoll x’inhu inġust, u għaldaqstant nipprovokaw il-kritika ta’ dawk li jippreferu d-dnub mit-tjieba. Ġwanni l-Battista ġab fuqu l-korla t’Erodja meta tkellem kontra l-adulterju tagħha m’Erodi (Marku 6:18–19). Eventwalment sikktek lil Ġwanni, imma ma setgħetx issikket il-verità (Isaija 40:8).

Il-fidili huma mwissja biex ma jiġġudikawx lil oħrajn inġustament jew mhux skont is-sewwa, imma Ġesù jfaħħar “ġudizzju ġust” (Ġwanni 7:24). Irridu niddixxernu (Kolossin 1:9; 1 Tessalonkin 5:21). Jeħtieġ nipprietkaw il-fehma sħiħa t’Alla, u dan jinkludi t-tagħlim tal-Bibbja dwar id-dnub (Atti 20:27; 2 Timotju 4:2). Irridu nikkonfrontaw bil-ġentilezza aħwa fi Kristu li jiżvijaw (Galatin 6:1). Irridu nipprattika id-dixxiplina fil-knisja (Mattew 18:15–17). Irridu nitkellmu l-verità fl-imħabba (Efesin 4:15).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Meta l-Bibbja tgħidilna tiġġudikawx, x’qed tfisser?
© Copyright Got Questions Ministries