settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex important nitolbu għall-oħrajn?

Tweġiba


It-talb għall-oħrajn - u dan japplika għat-talb inġenerali - hi xi ħaġa faċli biex niddubitawha. Għaliex nitolbu jekk Alla diġà għandu għal qalbu l-aħjar interessi tagħna? Huwa aktar għaref minna, bil-kif. Għaliex għandu bżonn li aħna nitolbu. Ma jkunx aħjar kieku sempliċement nafdawh biex jagħmel dak li hu l-aħjar? Veru li Alla hu aktar għaref minna (1 Korintin 1:25) u li rridu nafdawh (Proverbji 3:5–6). Hu minħabba dawk l-istess raġunijiet li għandna bżonn nitolbu, għaliex li nitolbu għalina nfusna u għall-oħrajn hi xi ħaġa li Alla jikkmandana nagħmlu.

It-talb għall-oħrajn hu rrakkomandat bħala sors ta’ qawwa, flimkien mal-istqarrija. L-awtur sagru jgħidilna li “t-talba effettiva tal-ġust hi setgħana ħafna” (Ġakbu 5:16) Mela, dan ifisser li t-talb tan-nies sewwa biss jinstema’? Le, il-kelma “ġust”fil-Bibbja tirreferi għal dawk li għandhom il-fidi u huma mlibbsa bil-ġustizzja ta’ Kristu (Rumani 5:1; 3:21–22; 4:2–3).

Ġesù qalilna biex nitolbu f’ismu (Ġwanni 14:13–14). Jekk tagħmel xi ħaġa “f’isem” xi ħadd ieħor, ifisser li tagħmilha skont xewqatu. Għaldaqstant, parti integrali tat-talb hu li nkunu nafu ’l Alla u nifhmuh. Issa nistgħu naraw għala t-talb għal ħaddieħor huwa importanti. It-talb mhuwiex l-akkwist ta’ kulma trid jew li żżomm lil ħaddieħor sikur, b’saħħtu, u bla problemi l-ħin kollu. It-talb mod potenti kif insiru nafu lis-Salvatur tagħna, u jressaq lill-fidili qrib xulxin. Talb effettiv għall-oħrajn iqarribna lejn Alla, għaliex hu bbażat fuq għarfien tar-rieda tiegħu (1 Ġwanni 5:14). Iqarribna wkoll lejn l-oħrajn, hekk kif insiru nafu aktar dwarhom u niffokaw fuq bżonnijiethom.

Għal ħafna minna, it-talb għall-oħrajn hu espress xi ħaġa hekk: “Mulej, lil sieħbi pprovdilu xogħol, karozza, saħħa u siġurtà.” Jekk inkunu nafu lil xi ħadd sew, abbli nitolbu għaż-żwieġ tiegħu jew relazzjonijiet oħra. M’hemm xejn ħażin filli titlob għall-ħwejjeġ bħal dawn; fil-fatt, il-Bibbja tinkuraġġina biex nitolbu għal kull ħaġa u hekk insikktu l-ansjetajiet (Filippin 4:6). Sewwa nagħmlu jekk nitolbu għas-saħħa u biex jiġru ħwejjeġ tajba (3 Ġwanni 1:2).

Madankollu, ħafna mit-talb irrekordjat fil-Bibbja hu mod ieħor. Meta Ġesù kien qed jitlob għall-oħrajn, talab għall-fidi tagħhom (Luqa 22:32), talab għal kontra t-tentazzjoni f’ħajjithom (Luqa 22:40), talab għall-unità (Ġwanni 17:11), u talab għat-taqdis tagħhom (Ġwanni 17:17). Pawlu talab għas-salvazzjoni tal-mitlufin (Rumani 10:1); talab biex l-aħwa jżommu fit-triq it-tajba (2 Korintin 13:7); talab biex il-fidili jkunu magħmulin potenti bis-setgħa permezz tal-Ispirtu s-Santu, mgħarrqin u msejsin fl-imħabba, biex ikunu jafu l-imħabba t’Alla, u jimtlew sal-milja kollha t’Alla (Efesin 3:14–19). Dan hu kollu talb għal barkiet spiritwali; kollha “f’isem Ġesù” u skont ir-rieda tal-Missier. Hu talb garantit li se jsib tweġiba “iva” fi Kristu (2 Korintin 1:20).

It-talb għall-oħrajn hu importanti għaliex iwettaq kmand li nsibu fil-Patt il-Ġdid. Imissna nitolbu għall-bnedmin kollha (1 Timotju 2:1). Imissna nitolbu għall-mexxejja tal-gvern (1 Timotju 2:2). Imissna nitolbu għall-mitlufin (1 Timotju 2:4) u għal ħutna l-Kristjani (Efesin 6:18). Imissna nitolbu għall-ministri tal-evanġelju (Efesin 6:19–20) u għall-knisja ppersegwitata (Ebrej 13:3). Meta nitolbu għall-oħrajn il-fok tagħna jixxiftja minn fuqna nfusna għall-bżonnijiet ta’ dawk madwarna. Hekk kif “nerfgħu t-toqol ta’ xulxin,” se “nwettqu l-liġi ta’ Kristu” (Galatin 6:2). Ibda itlob għall-oħrajn mil-lum u għin fil-bini tal-ġisem ta’ Kristu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex important nitolbu għall-oħrajn?
© Copyright Got Questions Ministries