settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tgħid il-Bibbja dwar it-talb għall-mejtin?

Tweġiba


It-talb għall-mejtin mhuwiex konċett bibliku. Talbna ma jiswa’ xejn lil persuna kemm-il darba tkun mietet. Ir-relatà hi, li mal-mument tal-mewt, id-destin etern tal-individwu jiġi kkonfermat. Jew ikun salvat permezz tal-fidi fi Kristu u hu fil-ġenna fejn qed jesperjenza mistrieħ u hena fil-preżenza t’Alla, inkella jinsab itturmentat fl-infern. Il-ġrajja tar-raġel għani u Lazzru t-tallab tipprovdilna illustrazzjoni vivida ta’ din il-verità. Ġesù tkellem ċar, u uża din l-istorja biex jgħallem li wara l-mewt l-inġusti huma separati eternament minn Alla, li jiftakru r-rifjut tagħhom tal-vanġelu, jinsabu fit-turment, u li l-kundizzjoni tagħhom ma tistax tkun irranġata (Luqa 16:19-31).

Spiss jiġri li dawk li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż jiġu inkuraġġuti jitolbu għal dawk li jkunu mietu u għall-familji tagħhom. Sintendi, imissna nitolbu għal dawk li huma mnikkta minħabba xi telfa, imma għall-mejtin, assolutament le. Ma jmissu jkun hawn ħadd li jaħseb illi xi ħadd kapaċi jitlob għalih, u b’hekk jipproduċi xi tip ta’ riżultat favorevoli wara li jkun miet. Il-Bibbja tgħallem li l-istat etern tal-umanità hu determinat matul ħajjitna fuq l-art. “Ir-ruħ li tidneb, tmut. . . . Il-ġustizzja tal-ġust tkun fuqu, u l-ħażen tal-ħażin ikun fuqu” (Eżekjel 18:20).

L-awtur tal-epistola lill-Ebrej jgħidilna, “Bħalma l-bnedmin huma appuntati li jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju” (Ebrej 9:27). Hawn nifhmu li ebda bidla fil-kundizzjoni tal-istat spiritwali tal-individwu ma tista’ sseħħ wara l-mewt—la minnu u lanqas permezz tal-isforzi tal-oħrajn. Inutli titlob għal dawk ħajjin, li qed jikkommettu “dnub li jwassal għall-mewt” (1 Ġwanni 5:16), jiġifieri, dnub kontinwu mingħajr ma jkun hemm tfittxija għall-maħfra t’Alla, allura kif jista’ t-talb għal dawk diġà mejtin ikunilhom ta’ benefiċċju, la m’hemmx pjan tas-salvazzjoni post-mortem?

Il-punt hu li kull wieħed u waħda minna għandna ħajja waħda biss, u aħna responsabbli għall-mod kif ngħixu din il-ħajja. Ħaddieħor abbli jinfluwenzalna l-għażliet li nagħmlu, imma fl-aħħar mill-aħħar aħna rridu nagħtu kont għall-għażliet tagħna. Hekk kif il-ħajja tispiċċa, m’hemmx aktar għażliet xi jsiru; m’għandniex għażla għajr li niffaċċjaw il-ġudizzju. It-talb tal-oħrajn abbli jesprimi x-xewqat tagħhom, però mhumiex se jbiddlu r-riżultat finali tal-qagħda tagħna. Iż-żmien biex titlob għal xi ħadd hu waqt li għadu ħaj u allura għad fadal il-possibbiltà li qalbu, l-attitudnijiet u l-imġieba tiegħu jiġu mibdula (Rumani 2:3-9).

Ħaġa naturali li jkollok xewqa li titlob meta tkun għaddej minn perjodi ta’ wġigħ, tbatija, u telf ta’ xi għeżież jew ħbieb, però aħna nafu l-limiti tat-talb validu kif inhuma rivelati fil-Bibbja. Il-Bibbja hi l-uniku manwal uffiċċjali għat-talb, u tgħallimna li t-talb għall-mejtin hu għalxejn. Madankollu l-prattika tat-talb għall-mejtin insibuha osservata f’ċertu oqsma tal-“Kristjaneżmu.” It-teoloġija Kattolika Rumana, pereżempju, tippermetti kemm it-talb lill-mejtin kif ukoll talb għall-mejtin. Però anke awtoritajiet Kattoliċi jammettu li mhemm ebda awtorizzazzjoni ċara fis-66 ktieb kanoniku tal-Iskrittura favur it-talb għall-mejtin. Minflok, biex jiddefendu din il-prattika, jappellaw għall-Apokrifa (2 Makkabej 12:45), it-tradizzjoni tal-knisja, id-digriet tal-Konċilju ta’ Trento, eċċ.

Il-Bibbja tgħallem li dawk li ċedew għar-rieda tas-Salvatur (Ebrej 5:8-9) wara mewthom jidħlu direttament u immedjatament fil-preżenza tal-Mulej (Luqa 23:43; Filippin 1:23; 2 Korintin 5:6, 8). Allura, xi bżonn għandhom għat-talb tan-nies fuq l-art? Filwaqt li nissimpatizzaw ma’ min tilef xi ħadd għażiż, irridu nżommu f’moħħna li “issa ż-żmien aċċettabbli; ara, issa jum is-salvazzjoni” (2 Korintin 6:2). Filwaqt li l-kuntest jirreferi għall-era sħiħa tal-vanġelu, il-vers jgħodd ukoll għal kull individwu li mhuwiex lest u preparat biex jiffaċċja l-inevitabbli—il-mewt u l-ġudizzju li jiġi eżatt wara (Rumani 5:12; 1 Korintin 15:26; Ebrej 9:27). Il-mewt hi finali, u warajha, ebda ammont ta’ talb ma jiswa’ għas-salvazzjoni għall-persuna li tkun irrifjutatha f’ħajjitha.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tgħid il-Bibbja dwar it-talb għall-mejtin?
© Copyright Got Questions Ministries