settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu t-talb?

Tweġiba


L-aktar definizzjoni bażika tat-talb hi “titkellem m’Alla.” It-talb mhuwiex xi meditazzjoni jew riflessjoni passiva; huwa indirizz dirett lil Alla. Huma l-komunikazzjoni tar-ruħ umana mas-Sid li ħalaq ir-ruħ. It-talb huwa l-mod primarju għall-fidil fi Kristu Ġesù biex jikkomunika l-emozzjonijiet u xewqat tiegħu ’l Alla u jixxierek m’Alla.

It-talb jista’ jkun jinstema’ jew fis-skiet, fil-privat jew fil-pubbliku, formali jew informali. Kull talb irid ikun offrut bil-fidi (Ġakbu 1:6), f’isem il-Mulej Ġesù (Ġwanni 16:23), u fis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu (Rumani 8:26). L-International Standard Bible Encyclopedia jpoġġiha hekk, “It-talb Kristjan, fit-tifsira sħiħa tiegħu li nsibu fil-Patt il-Ġdid, hu talb indirizzat lil Alla l-Missier, f’isem Kristu l-Medjatur, u permezz tal-grazzja tal-Ispirtu li jgħammar fina” (“Prayer” ta’ J. C. Lambert). Il-ħżiena m’għandhomx ħajra għat-talb (Salm 10:4), imma wlied Alla għandhom xewqa naturali biex jitolbu (Luqa 11:1).

Fil-Bibbja t-talb hu deskritt bħala tfittxija għall-favur t’Alla (Esodu 32:11), tferrigħ ta’ ruħna lill-Mulej (1 Samwel 1:15), tlissin lejn is-sema’ (2 Kronaki 32:20), qorbien lejn Alla (Salm 73:28), u l-liwi ta’ għarkupptejna quddiem il-Missier (Efesin 3:14).

Pawlu kiteb, “Tkunu ansjużi dwar xejn, anzi f’kollox, bit-talb u bis-suppliki mar-ringrazzjamenti, ħallu r-rikjesti tagħkom ikunu mgħarrfin lil Alla. U s-sliem t’Alla, li jissupera kull fehma, se jgħassilkom qlubkom u mħuħkom fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6–7).

F’kollox? Iva, Alla jridna nitkellmu miegħu dwar kollox. Kemm imissna nitolbu ta’ spiss? It-tweġiba biblika hi “itolbu kontinwament” (1 Tessalonkin 5:17). Imissna nżommu konversazzjoni għaddejja m’Alla l-ġurnata kollha. Il-petizzjonijiet imsemmija fil-Missierna nistgħu niżvolġuhom fit-talb tagħna, u nżommuhom bħala gwida. Fil-Bibbja m’hemmx xi formula speċjali ta’ kif titlob. Imissna nitolbu u daqshekk. Nistgħu nitolbu jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. It-talb ikabbar u jissoda r-relazzjoni tagħna m’Alla u juri ċar l-afdar u d-dipendenza assoluta tagħna fuqu.

It-talb huwa l-mod kif il-Kristjan jikkomuika m’Alla. Nitolbu biex infaħħru ’l Alla, nirringrazzjawh u ngħidulu kemm inħobbuh. Nitolbu biex ingawdu l-preżenza tiegħu u naqsmu miegħu x’inhu għaddej minn ħajjitna. Nitolbu biex inressqulu l-petizzjonijiet u nfittxu l-gwida u nistaqsuh għall-għerf. Alla togħġbu dil-komunikazzjoni ma’ wliedu, bl-istess mod kif aħna nitgħaxxqu meta nikkomunikaw ma’ wliedna. Xirka m’Alla hi l-qalba tat-tat-talb. Spiss ninsew kemm it-talb suppost ikun sempliċi.

Meta nissupplikaw lil Alla, inkunu qed nuru u ngħidu ’l Alla fejn ninsabu verament u x’nixtiequ li naraw iseħħ. F’talbna, irridu nammettu li Alla akbar minna u fl-aħħar mill-aħħar jaf x’inhu l-aħjar fi kwalunkwe sitwazzjoni (Rumani 11:33–36). Alla hu twajjeb u jitlob minna li nafdawh. Fit-talb, essenzjalment, ngħidu, “mhux ir-rieda tiegħi, iżda tiegħek, tkun magħmula.” Iċ-ċavetta għat-talb mismugħ hu li titlob skont ir-rieda t’Alla u skont Kelmtu. It-talb mhux li tgħaddi tiegħi, imma aktarx xewqa li nkun konformi b’mod aktar sħiħ mar-rieda t’Alla (1 Ġwanni 5:14–15; Ġakbu 4:3).

Fil-Bibbja hemm ħafna eżempji ta’ talb u bosta eżortazzjonijiet biex nitolbu (ara Luqa 18:1; Rumani 12:12; u Efesin 6:18). Id-dar t’Alla trid tkun dar tat-talb (Marku 11:17), u n-nies t’Alla poplu ta’ talb: “Imma intom, maħbubin, ibnu lilkom infuskom ’il fuq fil-fidi l-iżjed qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu lilkom infuskom fl-imħabba t’Alla” (Ġuda 1:20–21).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu t-talb?
© Copyright Got Questions Ministries