Mistoqsija
Lil min suppost nitolbu, lill-Missier, lill-Iben, jew lill-Ispirtu s-Santu?
Tweġiba
it-talb kollu għandu jkun indirizzat lil Alla Trinità – il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Nitolbu lit-tlieta li huma għaliex it-tlieta huma wieħed. Mas-salmista nitolbu lill-Missier, “Agħti kas il-ħoss tal-għajta tiegħi għall-għajnuna, Sultan tiegħi u Alla tiegħi, għax lilek nitlob” (Salm 5:2). Lill-Mulej Ġesù nitolbuh l-istess qisna qed nitolbu lill-Missier għaliex huma ugwali. Talb lil xi membru tat-Trinità huwa talb lil kollha. Stiefnua, kif kien qed jingħata l-martirju, talab, “Sid Ġesù, ilqa’ l-ispirtu tiegħi!” (Atti 7:59). Imissna nitolbu wkoll f’isem Kristu. Pawlu eżorta lill-fidili Efesin biex “jirringrazzjaw dejjem ’l Alla l-Missier għal kollox, f’isem Sidna Ġesù Kristu” (Efesin 5:20). Ġesù assigura d-dixxipli tiegħu li kulma jitolbu f’ismu - jiġifieri skont ir-rieda tiegħu - jingħatalhom (Ġwanni 15:16; 16:23).
Intqalilna biex nitolbu fl-Ispirtu u fis-setgħa tiegħu. L-Ispirtu jgħinna nitolbu, anke meta ma nkunux nafu kif jew għal xiex għandna nitolbu (Rumani 8:26; Ġuda 20). Forsi l-aħjar mod kif nifhmu r-rwol tat-Trinità fit-talb hu billi nitolbu lill-Missier, permezz (jew f’isem) l-Iben, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. It-tlieta huma parteċipanti attivi fit-talb tal-fidil.
Daqshekk ieħor importanti hu lil min m’għandniex nitolbu. Xi reliġjonijiet li mhumiex Kristjani jinkuraġġixxu l-aderenti tagħhom biex jitolbu lil ruxxmata allat, qraba mejtin, qaddisin, u spirti. Il-Kattoliċi Rumani huma mgħallmin jitolbu lil Marija u lill-qaddisin. It-tali talb mhuwiex Skritturali u fil-fatt huwa insult lill-Missier smewwieti tagħna. Biex nifhmu għala, kulma rridu nagħmlu hu li nħarsu lejn in-natura tat-talb. It-talb fih bosta elementi, u jekk nikkonsidraw tnejn minnhom biss—it-tifħir u r-radd il-ħajr—malajr nindunaw li l-qofol tat-talb hu l-qima. Meta nfaħħru ’l Alla, inkunu qed nadurawh għall-attributi u l-ħidma tiegħu f’ħajjitna. Meta noffrulu talb ta’ radd il-ħajr, inkunu qed inqimu t-tjieba tiegħu, ħnientu, u l-imħabba fidila tiegħu lejna. Il-qima tagħti glorja ’l Alla, l-uniku wieħed li jistħoqqlu jkun igglorifikat. Il-problema filli titlob lil xi ħadd jew xi ħaġa oħra, u mhux lil Alla, hi illi l-Mulej ma jaqsam il-glorja tiegħu ma’ ħadd. Fil-fatt, hi idolatrija li titlob lil xi ħadd jew lil xi ħaġa oħra għajr Alla. “Jien il-Mulej, dak hu ismi, u l-glorja tiegħi ma nagħtihiex lil wieħed ieħor, lanqas tifħiri lill-immaġnijiet skolpiti” (Isaija 42:8).
Elementi oħra tat-talb, bħall-indiema, stqarrija tad-dnub, u petizzjoni wkoll huma forom ta’ qima. Nindmu għax nafu li Alla huwa l-Mulej li jaħfer u jħobb u provdielna mezz ta’ maħfra fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu fuq is-salib. Nistqarru dnubietna għaliex nafu li “hu fidil u ġust sabiex jaħfer dnubietna u jnaddafna minn kull inikwità” (1 Ġwanni 1:9) u għal dan inqimuh. Niġu għandu bil-petizzjonjiet u l-interċessjonijiet għaliex nafu li jħobbna u jismagħna, u nadurawh għall-ħniena u l-miżerikorjda tiegħu filli lest li jisma’ talbna. Meta nikkonsidraw dan kollu, faċli nindunaw kif talb lil xi ħadd ieħor għajr lil Alla Trinità huwa inkonċepibbli għaliex it-talb hu forma ta’ qima. Issa l-qima hi riżervata għal Alla, u Alla waħdu. Lil min mela għandna nitolbu? It-tweġiba hi lil Alla. Huwa aktar important li nitolbu ’l Alla, u lil Alla waħdu, milli noqogħdu nistaqsu lil liema Persuna fit-Trinità jmissna nindirizzaw talbna.
English
Lil min suppost nitolbu, lill-Missier, lill-Iben, jew lill-Ispirtu s-Santu?