settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex importanti nistqarru soli Deo gloria?

Tweġiba


Soli Deo gloria hi waħda mid-dottrini importanti enfasizzata matul ir-Riforma Protestanta. Soli Deo gloria, flimkien mal-erba’ soli l-oħra spjegati mir-Riformisti, jisseparaw il-vanġelu bibliku minn twemmen falz dwar is-salvazzjoni tagħna. Il-kelma Latina soli tfisser “waħdu” jew “biss.” (Minn soli llum għandna kelmiet bħalma hi l-kelma “solitarju.”) Il-frażi soli Deo gloria tfisser “għall-glorja t’Alla waħdu.”

Din il-frażi tirreferina għas-salvazzjoni tagħna fi Kristu. Meta r-Riformisti tkellmu dwar is-salvazzjoni tagħna “għall-glorja t’Alla waħdu,” enfasizzaw il-grazzja divina. Is-salvazzjoni hi kollha kemm hi frott tal-grazzja u l-ħniena t’Alla. Ma nsalvawx minħabba xi opri tagħna kwalunkwe (Efesin 2:8-9). Frażi kruċjali f’din ir-referenza hi “biex ħadd ma jiftaħar.” Mela, il-grazzja t’Alla li provditilna salvazzjoni perfetta teskludi kull kburija jew ftaħir uman. Pawlu jiddefendi bi qlubija l-fatt illi Alla jgħoddna bħala ġusti quddiemu permezz tal-fidi biss fi Kristu waħdu, apparti mil-liġi. “Fejn hu mela l-ftaħir? Hu eskluż. Permezz ta’ liema liġi? Tal-opri? Le, iżda bil-liġi tal-fidi. Għax inżommu li l-bniedem hu ġustifikat bil-fidi apparti mill-opri tal-liġi” (Rumani 3:27-28).

M’hemm ebda wisa’ għall-glorja t’Alla fil-pjan divin għas-salvazzjoni. Il-glorja u l-krettu huma t’Alla waħdu. Ġesù qal, “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġwanni 15:5). Kieku hu possibbli għal xi ħadd biex jottieni s-salvazzjoni bl-għemejjel tal-liġi, billi jipprova jobdiha, allura jkollu raġun jiftaħar (Rumani 4:2). Iżda difatti huwa impossibbli. M’aħniex kapaċi nsalvaw lilna nfusna. Mejtin fi dnubietna u ħtijietna (Efesin 2:1), ma nistgħu nagħmlu xejn biex naġevolaw lilna nfusna lejn il-ħajja eterna. Iżda ħa jkun imfaħħar u manjifikat il-Mulej Alla! L-għotja tiegħu hi l-ħajja eterna fi Kristu Ġesù Sidna (Rumani 6:23). Il-glorja u s-sebħ huma tiegħu waħdu, mhux tagħna. Soli Deo gloria!

Is-salvazzjoni tal-midinbin kienet l-idea t’Alla, il-kisba ta’ dik is-salvazzjoni hi l-ħidma t’Alla, l-għoti ta’ dik is-salvazzjoni hi l-grazzja t’Alla, u t-twettiq ta’ dik is-salvazzjoni hi l-wegħda t’Alla. Mill-bidu sat-tmiem, “is-salvazzjoni tappartieni għas-Sid” (Salm 3:8; qabbel ma’ Rivelazzjoni 7:10). Ġesù tkellem dwar il-bidu tas-salvazzjoni tagħna bħala twelid ġdid (Ġwanni 3:3). Bħalma tarbija ma tista’ tieħu ebda krettu għal twelidha, ma nistgħu nikklejmjaw ebda krettu talli aħna mweldin mill-ġdid. Is-Sultan Ħeżekija ma kienx kreditat illi salva lil Ġerusalemm mill-Assirjani (2 Slaten 19). Fir-realtà kien Alla nnifsu li għeleb lill-għedewwa. Xadrak, Mexek u Abednegu ma kinux kreditati talli salvaw lilhom infushom mill-forn tan-nar (Danjel 3); kien Alla illi ppriżervahom fil-fjammi. Il-glorja tappartieni għal Alla waħdu. Soli Deo gloria.

Fit-teoloġija Riformista, id-dottrina ta’ soli Deo Gloria għandha x’taqsam mill-qalb mad-dottrina tal-grazzja effettiva. Il-grazzja t’Alla tressaqna lejn is-salvazzjoni u saħansitra tagħmilna kapaċi nemmnu. Iva, indimna minn dnubietna, iżda biss għax il-grazzja divina għamlitna kapaċi nduru lejn Kristu. Poġġejna l-fiduċja tagħna fis-Salvatur, iżda dan irnexxielna nagħmluh peress li l-grazzja t’Alla tatna l-kapaċità. M’hemm ebda ħidma li nistgħu nagħmlu b’xi mod biex naqilgħu s-salvazzjoni tagħna jew b’xi mod nagħtu kontribut, ċkejken kemm hu ċkejken, biex naslu għall-maħfra u s-salvazzjoni. Aħna msejħin u miżmumin bil-qawwa t’Alla waħdu, “sabiex fiż-żminijiet li ġejjin juri l-għana inkomparabbli tal-grazzja tiegħu espressa fil-bontà lejna fi Kristu Ġesù” (Efesin 2:7). Soli Deo gloria.

Il-kompożitur Ġermaniż, Johann Sebastian Bach (1685-1750) fehem illi l-mużika hi għotja mingħand Alla biex tintuża għall-glorja u l-foħrija tiegħu. Mal-kompożizzjonijiet mużikali u sagri tiegħu kien iħobb jikteb l-inizjali, SDG, ċoè Soli Deo Gloria. Fid-dehra tiegħu tal-ġenna, l-appostlu Ġwanni ra “l-erbgħa u għoxrin anzjan jaqgħu quddiem dak bilqiegħda fuq it-tron, u jaduraw lill-Ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u jitfgħu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron u jgħidu, ‘Denju int, is-Sid u Alla tagħna, biex tirċievi l-glorja u l-unur u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħwejjeġ kollha, u minħabba r-rieda tiegħek eżistew u nħolqu’” (Rivelazzjoni 4:19-11). Imqar l-abitanti tal-ġenna ma jżommux il-kuruni tagħhom; jagħtu glorja u ġieħ lil min ħaqqu – lil Alla waħdu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex importanti nistqarru soli Deo gloria?
© Copyright Got Questions Ministries