Mistoqsija
Għaliex sola gratia hi important?
Tweġiba
Sola gratia hi important għax hi waħda mill-karatteristiċi li jisseparaw il-vanġelu bibliku u vera mill-bosta vanġeli foloz li impossibbli jsalvawk. Bħala waħda mill-ħames solas li eventwalment iddefinixxew il-kwistjonijiet ewlenin tar-Riforma Protestanta, din id-dottrina hi essenzjali llum daqskemm kienet sekli ilu. Il-kelma Latina sola tfisser “biss,” u d-dottrini Kristjani essenzjali rappreżentati minn dawn il-frażijiet Latini jiġbru fil-qosor, b’mod preċiż, it-tagħlim bibliku fuq dawn is-suġġetti kruċjali: sola Scriptura – bil-Bibbja biss; sola fide – permezz tal-fidi biss; sola gratia – bil-grazzja biss; solus Christus – bi Kristu waħdu; u soli Deo Gloria – għall-glorja t’Alla waħdu. Kull waħda hi vitali, u lkoll huma marbuta sfiq flimkien. Jekk tiżvija minn waħda se taqa’ fl-errur band’ oħra, f’dottrina essenzjali oħra, u r-riżultat ikun vanġelu falz, bla qawwa biex isalvak.
B’sola gratia nkunu qed nagħrfu illi l-Bibbja tgħallem kif it-totalità tas-salvazzjoni tagħna hi għotja pura, frott il-grazzja divina. Bħalma naqraw fl-Efesin 2:8-9: “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla; mhux bl-opri, sabiex ħadd ma jiftaħar. Għax aħna għemilu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri t-tajba, li Alla pprepara minn qabel, sabiex nimxu fihom.” Biha nkunu qed nistqarru illi s-salvazzjoni mill-għadab t’Alla hi bbażata fuq il-grazzja u l-ħniena tiegħu, u mhux fuq xi tjieba tagħna nfusna. Raġuni waħda għala xi wħud jirriġettaw din id-dottrina important hi illi ma jridux jaċċettaw x’tgħallem fiċ-ċar l-Iskrittura Mqaddsa dwar il-kondizzjoni bażika tan-natura umana mindu Adam waqa’ fid-dnub. Il-Bibbja tgħid illi l-qalb umana hi qarrieqa u ħażina għall-mewt (Ġeremija 17:9), u li m’hemm ħadd li hu ġust, u lanqas hemm ħadd li jifhem jew ifittex lil Alla (Rumani 3:10-11). Aktarx milli jagħrfu kemm huma bla tama u f’disprament morali apparti mill-grazzja t’Alla, ħafna nies iridu jemmnu illi għandhom rwol xi jwettqu għas-salvazzjoni tagħhom. Iżda l-Bibbja hi ċara illi ma nistgħux naqilgħu favur m’Alla bil-merti tagħna; is-salvazzjoni hi għotja tal-grazzja tiegħu waħdu.
Il-verità ta’ sola gratia jew salvazzjoni bil-grazzja biss nebbħet lil John Newton biex jikteb l-innu tant sabiħ, Grazzja tal-Għaġeb. Hi grazzja tant meraviljuża illi Alla kapaċi jsalva lill-agħar midinbin miżerabbli. Hi grazzja li tbellahna għax Alla jesibixxi mħabbtu għalina b’dan il-mod: meta konna għadna midinbin, Kristu miet għalina (Rumani 5:8). Din id-dottrina hi important għaliex tikkomunika b’mod korrett il-fatt illi Alla jsalvana minħabba ħnientu u tjubitu, u mhux minħabba kwalunkwe ħaġa li tagħmilna attraenti jew denji li nkunu salvati. Ma nistgħux nikkomprendu kemm hi meraviljuża l-grazzja tiegħu lejna qabel ma nifhmu kemm tabilħaqq aħna midinbin.
Sola gratia hi importanti. Jekk inwarrbu dil-verità nkunu qed nirriġettaw l-uniku vanġelu li kapaċi jsalvana. L-alternttiva għal sola gratia hi vanġelu li jiddependi fuq it-tjieba tal-bniedem minflok fuq il-grazzja jew il-favur t’Alla. Dan mhu aħbar tajba xejn. Sola gratia tagħmel il-vanġelu bxara tassew fenomenali. Tgħina nifhmu illi filwaqt li l-Bibbja tgħarrafna li m’hemm ħadd li jfittex lil Alla (Rumani 3:11), l-aħbar tajba hi illi Alla jfittex il-midinbin. Ġesù qal illi ġie fostna biex ifittex u jsalva lill-mitlufin (Luqa 19:10), mhux jistenna lill-mitlufin ifittxu lilu. Huwa Alla li jieħu l-inizjattiva u jaġixxi l-ewwel. Alla jiġbed lill-midneb miżerabbli lejh; jagħtih ħajja ġdida, meta jkun għadu “mejjet fit-trasgressjonijiet u d-dnubiet.” Alla jikkawża illi persuna tkun imwielda mill-ġdid biex hekk tkun tista’ tidħol f’saltnatu.
Finalment, sola gratia hi important għax hi l-pedament għall-assigurazzjoni tagħna bħala fidili. Biha aħna ċerti li Alla salvana u jibqa’ jżommna sat-tmiem. Jekk niċħdu sola gratia, ma jista’ jkollna ebda assigurazzjoni vera tas-salvazzjoni. Ladarba kulma nagħmlu hu mtebba’ bid-dnub, kif jista’ jkollna konfidenza illi għandna biżżejjed fidi biex insalvaw? Ħajr lil Alla! Il-Bibbja tiżvelalna vanġelu msejjes, mhux fuq x’għamilna jew nistgħu nagħmlu aħna, iżda fuq x’wettaq Ġesù Kristu favur il-midinbin, fuq il-Kalvaru. Il-bxara tajba hi illi Kristu żarna, għex ħajja perfetta, miet fuq is-salib, u qam mill-mewt sabiex jagħtina ħajja ġdida. Minn midinbin maqtugħa minn Alla, iħabbibna miegħu. Jeħlisna minn dnubietna u jagħtina l-ħajja eterna fl-għaqda miegħu. Hi r-raġuni għala nistgħu nkunu nafu illi Ġesù mhux se jitlef lil ebda wieħed jew waħda li l-Missier tah, iżda jqajjem lil niesu kollha fl-aħħar jum (Ġwanni 6:39).
Grazzja tal-Għaġeb
ta’ John Newton (1725-1807).
Grazzja tal-għaġeb, o xi ħleww’
Li fdiet l-imsejken jien!
Mitluf kont jien ’mm’ issa misjub,
Bla dawl, ġejt nara jien.
Fil-qalb għallmitni l-biża’ hi
U ntwieżnu il-biżgħat;
Dehret grazzja w għożżejtha jien
Meta għandu intbgħatt!
Perikli, nases u tiġrib,
Minnhom għaddejt s’issa;
Il-grazzja li wasslitni s’hawn
Twassalni wkoll id-dar.
Meta jkun ilna ż-żminijiet
Inleqqu daqs ix-xemx,
Inkomplu nfaħħru lill-Etern
B’tifħir li ma jintemmx.
English
Għaliex sola gratia hi important?