Mistoqsija
Għaliex sola fide hi importanti?
Tweġiba
Sola fide tfisser “bil-fidi biss.” Hi verità importanti għax hi waħda mill-karatteristiċi jew punti prinċipali li tiddistingwi l-vanġelu bibliku minn vanġeli foloz. L-evanġelju glorjuż t’Alla jeħtieġ illi ngħassuh u niddefenduh, għax hu kwistjoni ta’ ħajja eterna jew mewt. Hu kruċjali għal kull wieħed u waħda minna illi nifhmu sew l-evanġelju, sabiex nemmnuh u ngħixuh. Hu tant importanti illi l-appostlu Pawlu seta’ jikteb fil-Galatin 1:9, “Bħalma għidna qabel, nerġa’ ngħid anke issa: jekk xi ħadd qed ixandrilkom evanġelju kuntrarju għal dak li rċevejtu, ħa jkun misħut.” Pawlu kien qed jindirizza l-istess kustjoni illi tindirizza d-dottrina magħrufa bħala sola fide – b’liema mezz il-midneb hu dikjarat minn Alla bħala ġust? Bil-fidi biss jew bil-fidi u b’taħlita ta’ opri? Pawlu jagħmilha ċara fil-Galatin u r-Rumani illi aħna l-midinbin inkunu ġustifikati (dikjarati ġust) permezz tal-fidi biss fi Kristu waħdu, u mhux billi nosservaw il-liġi (Galatin 2:16). Il-bqija tal-Bibbja taqbel miegħu.
Sola fide hi waħda mill-ħames solas li eventwalment iddefinixxew u ġabru fil-qosor il-kustjonijiet ewlenin tar-Riforma Protestanta. Kull waħda minn dawn il-frażijiet Latini jirrappreżentaw qasam essenzjali ta’ dottina, u saru punt ta’ kontenzjoni bejn ir-Riformisti u l-Knisja Kattolika Rumana. Sal-lum għadhom iservu biex jiġbru fil-qosor dottrina indispensabbli, essenzjali għall-evanġelju, kif ukoll għall-ħajja u l-prattika Nisranija.
Il-kelma Latina sola tfisser “biss” jew “waħdu” u d-dottrini Kristjani essenzjali rappreżentati minn dawn il-ħames frażijiet Latini jagħtuna sommarju preċiż tat-tagħlim bibliku fuq dawn is-suġġetti kruċjali: sola Scriptura – bl-Iskrittura biss; sola fide – bil-fidi biss; sola gratia – bil-grazzja biss; solus Christus – bi Kristu biss; u soli Deo gloria – għall-glorja t’Alla waħdu. Kull waħda hi vitalment importanti, u lkoll huma minsuġa sfiq flimkien. Jekk tiżvija minn waħda se taqa’ fi żball serju f’dottrina essenzjali oħra, u r-riżultat kważi dejjem se jkun vanġelu falz li mhux kapaċi jsalva.
Sola fide jew “bil-fidi biss” hu punt ewlieni ta’ differenza mhux biss bejn il-Protestanti u l-Kattoliċi, iżda wkoll bejn il-Kristjaneżmu bibliku u kważi kull reliġjon u tagħlim ieħor. It-tagħlim li aħna dikjarati ġusti minn Alla (ġustifikati) permezz tal-fidi biss u mhux bl-opri tagħna hi dottrina prinċipali fil-Bibbja, u linja li tiddividi l-kulti mill-Kristjaneżmu bibliku. Filwaqt li r-reliġjonijiet u l-kulti jgħallmu lin-nies x’opri jmisshom jagħmlu biex isalvaw, il-Bibbja tgħallem illi ċertament m’aħniex salvati b’għemilna, iżda biss bil-grazzja t’Alla permezz tal-fidi, għotja grazzjuża mingħandu (Efesin 2:8-9). Il-Kristjaneżmu bibliku hu distint mir-reliġjonijiet etniċi għax hu ċċentrat fuq x’wettaq Alla permezz tal-ħidma mitmuma ta’ Ibnu Ġesù, mentri r-reliġjonjiet tad-dinja huma msejsa fuq il-kisbiet umani. Jekk nabbandunaw id-dottrina tal-ġustifikazzjoni bil-fidi biss, nabbandunaw l-unika mogħdija tas-salvazzjoni. “Issa ’l min jaħdem, is-salarju mhux kreditat lilu bħala favur, iżda bħala obbligazzjoni. Imma ’l min ma jaħdimx, imma jafda f’dak li jiġġustifika lill-empji, il-fidi tiegħu hi kreditata għall-ġustifikazzjoni tiegħu” (Rumani 4:4-5). Il-Bibbja tgħallem li dawk li jafdaw fi Kristu Ġesù għall-ġustifikazzjoni bil-fidi biss huma mlibbsa bil-ġustizzja u l-qdusija tiegħu. Għax “lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21). Mill-banda l-oħra, dawk li jipprovaw jistabbilixxu l-ġustizzja tagħhom stess jew iħalltu l-fidi mal-opri, se jirċievu l-kastig dovut għal dawk kollha li jonqsu mill-istandard perfett t’Alla.
Sola fide – id-dottrina tal-ġustifikazzjoni permezz tal-fidi biss, mingħajr opri, tirrikonoxxi sempliċement kulma hu mgħallem ripetutament fl-Iskrittura. Kull min jafda fi Kristu hu magħdud bħala ġust minn Alla (Rumani 4:5; 5:8,19). Dan jiġri apparti minn kwalunkwe għemejjel jew ubbidjenza daparti tal-midneb. Alla jiddikjara lill-fidili bħala ġusti bil-merti ta’ Kristu waħdu. Din hi distinzjoni importanti bejn it-teoloġija Kattolika (li tgħallem illi l-għemejjel ġusti huma meritevoli għas-salvazzjoni) u t-teoloġija Evanġelika (li tafferma illi l-għemejjel ġusti huma r-riżultat u l-evidenza ta’ persuna mwielda mill-ġdid, riġenerata mill-Ispirtu s-Santu u ġustifikata minn Alla permezz tal-fidi f’Ġesù.
Kemm hi importanti sola fide? Hi tant importanti għall-messaġġ tal-vanġelu u għal fehma korretta tas-salvazzjoni illi Martin Luteru ddeskrivieha bħala “l-artiklu li bih il-knisja żżomm wieqfa.” Dawk li jirriġettaw sola fide jirriġettaw l-uniku vanġelu illi kapaċi jsalvahom. Mingħajrha jkunu qed iħaddnu vanġelu falz. Din hi r-raġuni għala Pawlu jiddenunzja u jippronunzja saħta fuq dawk li jgħallmu xi ħaġa differenti inkwantu s-salvazzjoni tagħna (Galatin 1:9). Ftattant illum din id-dottrina biblika, tant importanti, hi għal darb’ oħra taħt attakk. Sikwit sola fide hi mċekkna fl-importanza tagħha flok mhi rikonoxxuta bħala dottrina essenzjali għall-Kristjaneżmu, kif inhi tabilħaqq.
“Bħalma Abraħam ‘emmen ’l Alla, u kienet kreditata lilu għall-ġustifikazzjoni tiegħu.’ Mela kunu ċerti illi dawk tal-fidi, dawn huma wlied Abraħam. U l-Iskrittura, billi pprevediet illi Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili bil-fidi, xandret l-evanġelju minn qabel lil Abraħam: ‘Fik se jkunu mberkin il-ġnus kollha.’ Għalhekk dawk tal-fidi huma mbierka ma’ Abraħam, li emmen. Għax dawk kollha li huma mill-opri tal-liġi jinsabu taħt saħta, għax hu miktub: ‘Misħut kull min ma jibqax fil-ħwejjeġ kollha miktubin fi Ktieb il-Liġi, ħalli jagħmilhom.’ Issa jidher ċar illi ħadd mhu ġustifikat quddiem Alla bil-liġi, għax, ‘Il-ġust se jgħix bil-fidi’” (Galatin 3:6-11).
English
Għaliex sola fide hi importanti?