Mistoqsija
X’inhu l-iskop tat-talb?
Tweġiba
It-talb hu parti importanti mill-ħajja Kristjana. Huwa l-mod kif nikkomunikaw mal-Mulej u nfaħħruh. Biex nifhmu l-iskop tat-talb, l-ewwel importanti nifhmu x’mhuwiex it-talb. Fid-dinja u f’bosta kulturi hawn ħafna fehmiet żbaljati dwar it-talb, anke fost il-Kristjani, u jeħtieġ li l-ewwel nittrattaw magħhom. It-talb mhuwiex
• negozjar m’Alla. • okkażjoni biex tiddomanda xi ħaġa mingħand Alla. • opportunità biex tistaqsi biss lil Alla għal xi affarijiet. • xi eżerċizzju terapewtiku meditattiv. • attività biex iddejjaq lil Alla u taħlilu ħinu. • mod kif tikkontrolla jew timmanipula lil Alla. • mod biex tirreklama l-ispiritwalità tiegħek quddiem l-oħrajn.
Ħafna jemmnu li t-talb huwa sempliċement tittallab lil Alla biex jagħtik xi ħaġa. Għalkemm is-supplikazzjoni hi parti mit-talb (Filippin 4:6), mhix l-uniku skop tat-talb. Li titlob għall-bżonnijiet tiegħek u tal-oħrajn hu bżonjuż u jħalli benefiċċju, imma t-talb hu bil-wisq aktar. A. W. Tozer wissa, “Dejjem hemm periklu fost il-Kristjani Evanġeliċi li t-talb jiddiġenera f’ġirja għad-deheb glorifikat” (Mornings with Tozer: Daily Devotional Readings, miġbur minn Gerald Smith, Moody Publishers, 2008, imdaħħla fi Frar, 26). Imma Alla mhux xi ġenju maġiku li jagħtina kull xewqa tagħna, lanqas mhu xi Alla dgħajjef li nikkontrollawh b’talbna.
L-aqwa mod kif nitgħallmu dwar l-iskop tat-talb hu billi nistudjaw l-eżempju ta’ Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq din l-art. Talab għalih innifsu u anke għall-oħrajn, u talab biex jixxierek mal-Missier. Ġwanni 17 huwa każ famuż fejn naraw kif uża t-talb. Mhux biss talab biex il-Missier ikun glorifikat; talab ukoll għad-dixxipli tiegħu u “għal dawk li għad jemmnu fija permezz ta’ kelmithom” (Ġwanni 17:20). Aspett ieħor tat-talb ta’ Ġesù hu s-sottomissjoni tiegħu għar-rieda tal-Missier. Dan jispikka fit-talba tiegħu fil-Ġnien tal-Getsemani: “Madankollu mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mattew 26:39). Fi kwalunkwe rikjesta li jkollna, jeħtieġ nissottomettu għar-rieda t’Alla.
Apparti l-interċessjoni għall-oħrajn, it-talb hu wkoll mod kif insaħħu r-relazzjoni tagħna m’Alla. Ġesù stabbilixxa l-mudell, hekk kif talab lill-Missier tul il-ministeru kollu tiegħu fostna (Luqa 6:12; Mattew 14:23). Min ikun f’relazzjoni suppost tiġih naturali jfittex illi jikkomunika mal-persuna l-oħra, u t-talb hu l-komunikazzjoni tagħna m’Alla. Eżempji tajbin oħra fil-Bibbja ta’ nies li qattgħu ħin fit-talb huma David, Ħeżekija, u Pawlu.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-iskop maġġuri tat-talb hu l-qima. Meta nitolbu lis-Sid, u naffermawh għal dak li hu u għal dak li għamel. Dan hu att ta’ qima. Fil-Bibbja, hemm ħafna eżempji ta’ talb bħala qima, fosthom it-2 Slaten 19:15, l-1 Kronaki 17:20, Salm 86:12–13, Ġwanni 12:28, u Rumani 11:33–36. Kif nitolbu jmissu jirrifletti dan l-għan; il-fokus tagħna jmissu jkun fuq min hu Alla, u mhux fuqna nfusna.
Interessanti kif il-mudell għat-talb li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu f’Mattew 6:9–13, magħruf bħala l-Missierna, fih dawn l-elementi kollha (Mattew 6:9). L-ewwel parti tinkludi tifħir u qima ’l Alla (Mattew 6:9), imbagħad it-tieni parti tgħaddi għat-talb biex isseħħ ir-rieda t’Alla (Mattew 6:10). Wara, hemm supplika għalina nfusna u għall-oħrajn (Mattew 6:11–12), kif ukoll talba għat-tqawwija biex niddiljaw mat-tentazzjoni (Mattew 6:13). Ġesù mmudella dit-talba għad-dixxipli tiegħu, u turi l-għanijiet kollha tat-talb u l-konċentrazzjoni ewlenija tal-qima.
It-talb hu parti essenzjali tal-ħajja Kristjana, u t-talb tal-individwu jeħtieġ ikun żviluppat. It-talb mhux biss jaffetwalna ħajjitna u ħajjet l-oħrajn, imma huwa wkoll mod kif nikkomunikaw mal-Mulej u nikbru fir-relazzjoni tagħna miegħu. Fil-qalba tat-talb hemm att ta’ qima lill-Mulej. Kelmet Alla tpoġġi enfasi fuq il-qawwa u l-iskop tat-talb, u għaldaqstant, ma jmissux ikun ittraskurat.
L-awtur Warren Wiersbe jiġbor tajjeb l-iskop għat-talb: “L-iskop immedjat għat-talb huwa t-twettiq tar-rieda t’Alla fuq l-art; l-għan kbir u finali tat-talb huwa l-glorja eterna t’Alla” (minn On Earth as It Is in Heaven: How the Lord’s Prayer Teaches Us to Pray More Effectively, Baker Books, 2010, paġna 78).
English
X’inhu l-iskop tat-talb?