Mistoqsija
Is-siġurtà eterna hi liċenzja għad-dnub?
Tweġiba
L-aktar oġġezzjoni komuni għad-dottrina tas-sigurtà eterna (it-twemmin li s-salvazzjoni ma tistax tintilef) hi li din apparentement tippermetti lin-nies jgħixu kif ifettlilhom u xorta jkunu salvati. Filwaqt li din “teknikament” abbli veru, fir-realtà mhijiex. Persuna li verament ġiet mifdija minn Kristu ma tgħixx ħajja kkaratterizzata bi dnub volontarju u kontinwu. Irridu niddistingwu bejn kif għandu jgħix il-Kristjan u xi jrid jagħmel xi ħadd biex jirċievi s-salvazzjoni.
Il-Bibbja ċara; is-salvazzjoni hi bil-grazzja biss, permezz tal-fidi biss, f’Ġesù Kristu waħdu (Ġwanni 3:16; Efesin 2:8-9; Ġwanni 14:6). Fil-mument li persuna temmen verament fi Kristu Ġesù, tkun salvata u sikura f’dik is-salvazzjoni. Meta tgħid illi s-salvazzjoni nirċevuha bil-fidi, imma mbagħad trid titkompla bl-opri, m’intix tkun bibliku. L-appostlu Pawlu jindirizza dil-kwestjoni fil-Galatin 3:3 meta jistaqsi, “Daqshekk intom stupidi? Bdejtu bl-Ispirtu, u issa qegħdin tkunu perfezzjonati bil-laħam?” Jekk aħna salvati bil-fidi, allura s-salvazzjoni tagħna tinżamm u hi assigurata wkoll permezz tal-fidi. Ma nistgħux nimmeritaw is-salvazzjoni tagħna. Għaldaqstant, lanqas nistgħu naqilgħu t-tkomplija tas-salvazzjoni tagħna. Huwa Alla li jżommilna s-salvazzjoni tagħna (Ġuda 24). Huwa d-driegħ t’Alla li jżommna sodi fil-pala t’idejh (Ġwanni 10:28-29). Xejn mhu se jifridna mill-imħabba t’Alla (Rumani 8:38-39).
Kull forma ta’ ċaħda tas-sigurtà eterna, fil-qofol tagħha, hi twemmin li aħna rridu nsostnu s-salvazzjoni tagħna bl-opri tajba u bl-isforzi tagħna. Din kompletament antitetika għas-salvazjoni bil-grazzja. Aħna salvati bil-merti ta’ Kristu, mhux tagħna nfusna (Rumani 4:3-8). Meta nikkljemjaw illi rridu nobdu Kelmet Alla jew ngħixu ħajja qaddisa biex immantnu s-salvazzjoni tagħna l-istess qisu qed ngħidu li l-mewt ta’ Ġesù ma kinitx suffiċjenti biex tiskonta l-piena għal dnubietna. Mewtu hi assolutament biżżejjed biex tħallas għal dnubietna kollha - dawk passati, preżenti, u futuri, qabel is-salvazzjoni u wara s-salvazzjoni (Rumani 5:8; 1 Korintin 15:3; 2 Korintin 5:21).
Allura dan ifisser li Kristjan jista’ jgħix kif ifettillu u xorta jkun salvat? Essenzjalment din mistoqsija ipotetika, għaliex il-Bibbja tagħmilha ċara li Kristjan ġenwin ma jgħixx “kif ġie ġie.” Il-Kristjani ħlejjaq ġodda (2 Korintin 5:17). Il-Kristjani jesibixxu fi mġibithom il-frott tal-Ispirtu (Galatin 5:22-23), mhux l-atti tal-laħam (Galatin 5:19-21). L-1 Ġwanni 3:6-9 jiddikjara b’mod ċar li Kristjan ġenwin ma jgħixx fi dnub kontinwat. Għall-akkuża li l-grazzja tippromwovi d-dnub, l-appostlu Pawlu wieġeb bid-dikjarazzjoni, “X’se ngħidu mela? Nissoktaw fid-dnub sabiex tiżdied il-grazzja? B’ebda mod! Aħna li mitna għad-dnub, kif se nkomplu ngħixu fih iżjed?” (Rumani 6:1-2).
Is-sigurtà eterna mhix liċenzja biex wieħed jidneb. Aktarx, hi s-sigurtà li tkun taf illi l-imħabba t’Alla hi ggarantita lil dawk li jafdaw fi Kristu. Li nagħrfu u nifhmu d-don tremend tas-salvazzjoni mingħand Alla hi l-oppost ta’ li tingħata liċenzja għad-dnub. Kif jista’ xi ħadd, li jaf il-prezz li Ġesù Kristu ħallas għalina, jibqa’ jgħix ħajja midinba (Rumani 6:15-23)? Kif jista’ jkun illi xi ħadd li fehem l-imħabba bla tarf u ggarantita t’Alla lejn dawk kollha li jemmnu, jaqbdu dik l-imħabba u jċappsuha lura ma’ wiċċ Alla? It-tali jkun qed juri mhux li s-sigurtà eterna tatu liċenzja biex jidneb, iżda aktarx li qatt ma esperjenza s-salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu. “Kull min jgħammar fih ma jkomplix jidneb; kull min ikompli jidneb la rah u lanqas għarfu” (1 Ġwanni 3:6).
English
Is-siġurtà eterna hi liċenzja għad-dnub?