settings icon
share icon
Mistoqsija

Nikkontribwixxu xi ħaġa għas-salvazzjoni tagħna nfusna?

Tweġiba


Hemm żewġ modi kif nistgħu nħarsu lejn dil-mistoqsija – mill-perspettiva prattika u mill-perspettiva biblika. L-ewwel, minn perspettiva prattika, ħa nassumu li persuna tikkontribwixxi xi ħaġa għas-salvazzjoni eterna tagħna. Kieku dan possibbli, min jieħu l-krettu fil-ġenna? Kieku b’xi mod nikkontribwixxu għas-salvazzjoni tagħna nfusna, jirriżulta li aħna nieħdu l-krettu u l-prosit. U jekk nieħdu l-krettu, dan ċertament inqass mill-krettu dovut lil Alla. Kieku hu possibbli nikkontribwixxu xi ħaġa biex naslu l-ġenna, appena naslu hemm intaptpu fuq spallejna stess għax ikun irnexxielna nottienu ċ-ċittadinanza smewwitija. Nibdew inkantaw, “Infaħħar lili nnifsi, għax irnexxieli nsalva lili nnifsi.” Ma nistgħux nimmaġinaw illi l-erwieħ fil-ġenna qegħdin iqimu lilhom ifushom aktarx milli ’l Alla. Il-Mulej innifsu ddikjara, “Il-glorja tiegħi ma nagħtihiex lil ħaddieħor” (Isaija 42:8,11).

Mill-perspettiva biblika, l-umanità ma tikkontribwixxi xejn għas-salvazzjoni tagħha. Il-problema tagħna hi l-istat midneb li ninsabu fih. It-teologi normalment jirreferu għall-qagħda tagħna bħala “depravità totali.” B’hekk qed nirreferu għall-umanità bħala midinba u avversiva għall-Ħallieq tagħha, hekk illi ma tista’ tagħmel xejn biex taqla’ l-favur m’Alla. Minħabba l-ħażen u l-ħtija tagħna, minna nfusna ma rridu li jkollna x’naqsmu xejn m’Alla (ara speċjalment Rumani 1:18-32). Peress li l-bnedmin huma totalment depravati, jagħżlu illi jgħixu fid-dnub, iħobbu u jiddefendu d-dnub, jippreferuh, u sikwit jiftaħru bih.

Minħabba dil-qagħda skabruża, il-bniedem jeħtieġlu l-intervent dirett t’Alla. Dan l-intervent seħħ u ġie provdut minn Ġesù Kristu, il-medjatur bejn il-midinbin u Alla ġust (1 Timotju 2:5). Bħalma għidna diġà, l-umanità ma tridx taf b’Alla, iżda Alla jinteressah u jimportah wisq minnha. Minħabba f’hekk bagħat lil Ibnu Ġesù Kristu biex imut għall-ħażen tal-midinbin. Hu s-sostitut perfett, mogħti minn Alla għalina (1 Timotju 2:6). Peress li Ġesù miet u rxoxta, permezz tal-fidi fih nistgħu nkunu ġustifikati, ċoè Alla jiddikjarana ġusti f’għajnejh (Rumani 5:1). Billi jafda fih il-fidil hu mifdi, mixtri mis-suq tal-ilsiera, u liberat biex jgħix għal Alla (1 Pietru 1:18-19).

Dawn l-atti li għadna kif semmejna – sostituzzjoni, ġustifikazzjoni, fidwa – huma xi wħud mill-barkiet li Alla provdielna, bla kontribut jew parteċipazzjoni daparti tagħna. Il-Bibbja hi ċarissma illi aħna l-midinbin ma nistgħu nikkontribwixxu xejn għas-salvazzjoni, ħlief dnubietna li jagħmlu s-salvazzjoni neċessarja. Appena naħsbu li nistgħu jew kapaċi nikkontribwixxu, essenzjalment inkunu qed ngħidu li qed naħdmu għas-salvazzjoni, xi ħaġa totalment kontradittorja għad-dikjarazzjonijiet diretti tal-Bibbja (ara Efesin 2:8-9). Imqar il-fidi nfisha hi għotja grazzjuża mingħand Alla. Is-salvazzjoni hi għotja b’xejn mingħand Alla (Rumani 6:23). Ladarba hi għotja, m’hemm xejn x’tista’ tagħmel biex taqlagħha. Aċċetta l-għotja! Dawk milħuqa mill-grazzja divina jaċċettawha. “Dawk kollha li rċevewh (lil Ġesù), tahom il-jedd isiru tfal t’Alla, lil dawk li jemmnu f’ismu, li huma mweldin mhux mid-dmija, lanqas mir-rieda tal-laħam, lanqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġwanni 1:12-13).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Nikkontribwixxu xi ħaġa għas-salvazzjoni tagħna nfusna?
© Copyright Got Questions Ministries