settings icon
share icon
Mistoqsija

Jekk jien salvat u dnubieti kollha nħafruli, allura nista’ nkompli nidneb?

Tweġiba


L-appostlu Pawlu wieġeb mistoqsija simili fir-Rumani 6:1-2, “X’se ngħidu mela? Nissoktaw fid-dnub sabiex tiżdied il-grazzja? B’ebda mod! Aħna li mitna għad-dnub, kif se nkomplu ngħixu fih iżjed?” L-idea li xi ħadd “jafda f’Ġesù Kristu” għas-salvazzjoni mbagħad jibqa’ jgħix kif kien jgħix qabel, hi assolutament barranija għall-Bibbja. Il-fidili fi Kristu huma ħlejjaq ġodda (2 Korintin 5:17). L-Ispirtu s-Santu jibdilna; qabel konna nipproduċu l-atti tal-ġisem (Galatin 5:19-21), issa qed nipproduċu l-frott tal-Ispirtu (Galatin 5:22-23). Il-ħajja Kristjana hi ħajja mibdula għaliex il-Kristjan hu mibdul.

Id-differenza ewlenija bejn il-Kristjaneżmu u kull reliġjon oħra hi illi l-Kristjaneżmu hu bbażat fuq dak li Alla għamel għalina permezz ta’ Ġesù Kristu - kisba divina. Kull reliġjon oħra hi bbażata fuq dak li jmissna nagħmlu biex naqilgħu l-favur u l-maħfra t’Alla - kisba umana. Kull reliġjon oħra tgħallem li biex nimmeritaw l-imħabba u l-ħniena t’Alla rridu nagħmlu ċertu affarijiet u nieqfu nagħmlu ħwejjeġ oħra. Il-Kristjaneżmu, il-fidi fi Kristu, jgħallem li hemm xi affarijiet li rridu nagħmlu u oħrajn li rridu nieqfu nagħmlu minħabba dak li għamel Kristu għalina.

Kif jista’ xi ħadd, li nħeles mill-piena tad-dnub, minn eternità fl-infern, jerġa’ lura biex jgħix l-istess ħajja li oriġinarjament żammitu fit-triq lejn l-infern? Kif jista’ jkun li xi ħadd, imnaddaf mit-tniġġis tad-dnub, ikun jixtieq jirritorna fl-istess fossa ta’ vizzju u ħażen? Kif jista’ jkun li xi ħadd, li jaf x’għamel Ġesù Kristu għan-nom tagħna, jibqa’ jgħix daqslikieku s-Salvatur mhuwiex importanti? Kif jista’ jkun lil xi ħadd, li jirrealizza kemm Kristu kellu jsofri minħabba dnubietna, jibqa’ jidneb qisu dawk it-tbatijiet ma jfissru xejn?

Rumani 6:11-15 jiddikjara, “Hekk ukoll intom istmaw lilkom infuskom li intom mejtin għad-dnub, imma ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù. Mela tħallux id-dnub isaltan fil-ġisem mortali tagħkom ħalli tobdu l-leblibiet ħżiena tiegħu, lanqas tippreżentaw il-membri tagħkom għad-dnub, bħala strumenti tal-inġustizzja, iżda ppreżentaw lilkom infuskom lil Alla bħala ħajjin mill-imwiet, u offru l-membri tagħkom bħala strumenti ta’ ġustizzja lil Alla. Għax id-dnub mhux se jiddomina fuqkom, għax m’intomx taħt il-liġi, iżda taħt il-grazzja. Xiex mela? Nistgħu nidinbu, għax m’aħniex taħt il-liġi iżda taħt il-grazzja? B’ebda mod!”

Għall-ikkonvertiti ġenwini, mela, li jkomplu jgħixu fid-dnub mhijiex għażla. Billi l-konverżjoni tagħna rriżultat f’natura kompletament ġdida, ix-xewqa tagħna mhix li nibqgħu ngħixu fid-dnub. Veru, għadna nidinbu, iżda minflok nibqgħu nitħabblu fil-ħażen kif konna nagħmlu qabel, issa nobogħduh u nixtiequ li ninħelsu minnu. L-idea li “nabbużaw” mis-sagrifiċċju ta’ Kristu għalina billi nkomplu ngħixu fid-dnub ma tgħaddilniex minn moħħna. Kristjani li m’għandhomx ix-xewqa li jgħixu għal Kristu, iżda għall-kuntrarju jsibu lilhom infushom qed jgħixu ħajja li ma tingħarafx minn dik tal-infidili, imisshom jeżaminaw ruħhom biex jaraw jekk qattx tabilħaqq irċevew lil Kristu bħala Salvatur. “Eżaminaw lilkom infuskom biex taraw jekk intomx fil-fidi; lilkom infuskom ittestjaw! Jew ma tirrealizzawx dan dwarkom infuskom, illi Ġesù Kristu jinsab fikom?” (2 Korintin 13:5).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Jekk jien salvat u dnubieti kollha nħafruli, allura nista’ nkompli nidneb?
© Copyright Got Questions Ministries