Mistoqsija
Ir-resurrezzjoni se tkun spiritwali jew fiżika?
Tweġiba
Ir-resurrezzjoni futura hi twemmin fondamentali tal-Kristjaneżmu. Għall-fidil, ir-resurrezzjoni mhix tkomplija tal-ħajja preżenti tagħna imma passaġġ għal eternità m’Alla fil-ġenna. Skont il-Bibbja, ir-resurrezzjoni għad tkun waħda fiżika.
Ir-resurrezzjoni fiżika tal-fidili tissemma fl-Evanġelji u l-Epistoli Pawlini. Fl-1 Korintin 15 insibu affermazzjoni ċarissima ta’ resurrezzjoni fiżika. Pawlu jikteb dwar ir-resurrezzjoni futura tal-mejtin, u jqabbilha mar-resurrezzjoni ta’ Kristu. Fl-1 Korintin 15:42–44, jgħid hekk:
“Hekk ukoll se jkun fir-resurrezzjoni tal-mejtin. Il-ġisem hu miżrugħ fil-korruzzjoni, hu rxoxtat fl-inkorruttibilità; hu miżrugħ fid-diżunur, hu rxoxtat fil-glorja; hu miżrugħ fid-dgħufija, hu rxoxtat fis-setgħa; hu miżrugħ ġisem naturali, hu rxoxtat ġisem spiritwali.”
Pawlu jispjega kif il-fidili għad jitqajmu mill-mewt b’iġsma spiritwali, f’kuntrast għall-iġsma “naturali” li fihom mietu. Dan ma jfissirx li għad ikollna iġsma immaterjali; aktarx, l-iġsma tagħna għad ikunu inkorruttibbli u glorifikati, f’kuntrast mal-iġsma preżenti.
Ir-resurrezzjoni ta’ Kristu hi prototip tar-resurrezzjoni tagħna. Wara l-kruċifissjoni tiegħu, Ġesù qam fiżikament mill-qabar. Il-kittieba tal-Evanġelji rrekordjaw numru sew ta’ dehriet wara l-irxoxt meta Ġesù irrelata fiżkament mad-dixxipli tiegħu. Pereżempju, f’Luqa 24:39, Ġesù jistieden lid-dixxipli tiegħu jaraw ġismu u jmissuh: “Araw idejja u saqajja, illi jien hu, jien innifsi; missuni u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam bħalma taraw li għandi jien.” Ġesu ma kienx spirtu bla ġisem; ġismu issa ma kienx aktar affettwat mill-mewt u t-taħsir ta’ ġisem mortali (ara l-1 Korintin 15:1–19, 50–58). Ġesù qam mill-qabar fiżikament, u aħna għad nesperjenzaw l-istess tip ta’ resurrezzjoni (Rumani 6:5; Filippin 3:21).
Fir-Rumani 8:11, Pawlu jikteb, “U jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak li qajjem lill-Kristu mill-imwiet għad jagħti wkoll il ħajja lill-iġsma mortali tagħkom permezz tal-Ispirtu tiegħu li jgħammar ġewwa fikom.” Il-fatt li l-Ispirtu jgħammar fina l-fidili huwa kemm realtà preżenti kif ukoll wegħda ta’ resurrezzjoni fiżika.
Ir-resurrezzjoni fiżika tal-fidili tagħtina t-tama, tassigurana li l-mewt mhix it-tmiem tal-ħajja iżda passaġġ għal stat ta’ eżistenza aktar glorjuż. Fl-1 Tessalokin 4:16–17, Pawlu jiddeskrivi r-resurrezzjoni futura hekk: “Għax is-Sid innifsu għad jinżel mis-sema b’għajta ta’ kmand, bil-leħen tal-arkanġlu, u bit-trumbetta t’Alla; u l-mejtin fi Kristu se jqumu l-ewwel, imbagħad aħna l-ħajjin u li nitħallew se nkunu maħtufin flimkien magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mas-Sid fl-ajru, u hekk se nkunu dejjem mas-Sid.” Kemm il-ħajjin kif ukoll il-mejtin għad ikunu magħqudin m’Alla fil-hena smewwitija.
Mela, ħa nħarsu ’l quddiem għall-jum meta l-iġsma korruttibbli tagħna jsiru inkorruttibbli, l-iġsma ta’ għajb tagħna jkunu glorifikati, u l-iġsma dagħjfa tagħna jsiru setgħana. Għad inkunu ġodda komlpetament u adatti għall-eternità.
English
Ir-resurrezzjoni se tkun spiritwali jew fiżika?