settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-Perseveranza tal-Qaddisin – hija biblika?

Tweġiba


Il-perseveranza tal-qaddisin huwa l-isem li jiġbor fil-qosor dak li tgħallem il-Bibbja dwar is-sigurtà eterna tal-fidil. Iwieġeb il-mistoqsija, “Ladarba persuna tkun salvata, tista’ titlef is-salvazzjoni tagħha?” Il-perseveranza tal-qaddisin hija l-ittra P fl-akronimu TULIP, li spiss jintuża biex jelenka l-ħames punti tal-Kalviniżmu. Minħabba li t-terminu “il-perseveranza tal-qaddisin” jista’ jinftiehem ħażin, xi wħud jippreferu jużaw termini bħal “il-preservazzjoni tal-qaddisin” jew “is-sigurtà eterna.” Kull wieħed minn dawn it-termini jenfasizza xi aspett ta’ dak li tgħallem il-Bibbja dwar is-sigurtà tal-fidil. L-importanti mhux l-isem fih innifsu. Studju bir-reqqa tal-Bibbja juri li, meta mifhuma sew, id-dottrina tal-perseveranza tal-qaddisin tagħti deskrizzjoni preċiża ta’ dak li tgħallem il-Bibbja fuq dan is-suġġett.

L-aktar espressjoni sempliċi ta’ din id-duttrina hija l-frażi: “Ladarba salvat, salvat għal dejjem.” Il-Bibbja tgħallem li dawk li jitwieldu mill-ġdid ikomplu jafdaw fi Kristu għal dejjem. Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fihom, jipproteġi u jippreserva lill-fidil għal dejjem. Din il-verità mill-isbaħ tidher f’Efesin 1:13-14, fejn naqraw li l-fidili huma “siġillati bl-Ispirtu s-Santu tal-wegħda, li hu l-garanzija tal-wirt tagħna sal-fidwa tal-pussess mixtri, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.” Meta nitwieldu mill-ġdid, nirċievu l-Ispirtu s-Santu li huwa l-garanzija divina li jtemm ix-xogħol tajjeb li beda fina (Filippin 1:6). Biex nitilfu s-salvazzjoni wara li nirċievu l-Ispirtu s-Santu, Alla jrid jikser il-wegħda tiegħu jew jiċħad il-“garanzija” tiegħu — xi ħaġa li ma jistax jagħmel. Għalhekk, il-fidil huwa eternament sigur għax Alla huwa eternament fidil.

Din id-duttrina tkun mifhuma sew meta wieħed japprezza l-imħabba unika u speċjali li Alla għandu għal uliedu. Rumani 8:28-39 jgħidilna li 1) ħadd ma jista’ jġib akkuża kontra l-magħżulin t’Alla; 2) xejn ma jista’ jifred lill-magħżulin mill-imħabba ta’ Kristu; 3) Alla jaħdem kollox flimkien għall-ġid tal-magħżulin; u 4) dawk kollha li Alla jiġġustifika se jkunu glorifikati. Alla jħobb lil uliedu, il-magħżulin tiegħu, tant li xejn u ħadd ma jista’ jifridhom minnu.

Dil-verità tidher ukoll f’siltiet oħra tal-Iskrittura. Fi Ġwanni 10:27-30, Ġesù jgħid, “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u jsegwuni, u jien nagħtihom il-ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt; u ħadd mhu se jaħtafhomli minn idi. Missieri, li tahomli, hu ikbar minn kulħadd; u ħadd mhu kapaċi jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier ħaġa waħda aħna.” Għal darb’oħra, fi Ġwanni 6:37-47, Ġesù jiddikjara li dawk kollha li l-Missier ta lill-Iben, jiġu għandu u li Ġesù jqajjimhom fl-aħħar jum.

Evidenza oħra mill-Iskrittura tas-sigurtà eterna tal-fidil tinsab fi Ġwanni 5:24, fejn Ġesù jgħid, “Tassew, tassew, ngħidilkom, min jisma’ kelmti, u jemmen f’dak li bagħatni, għandu l-ħajja eterna, u ma jiġix għall-ġudizzju, anzi jkun għadda mill-mewt għall-ħajja.” Innota li l-ħajja eterna mhix xi ħaġa li niksbu fil-futur iżda hija xi ħaġa li nippossiedu mill-mument li nemmnu. Min-natura tagħha, il-ħajja eterna trid iddum għal dejjem, inkella ma tistax tkun eterna. Din is-silta tgħid li, jekk nemmnu l-evanġelju, diġà għandna l-ħajja eterna, u li mhux se niġu għall-ġudizzju — għalhekk jista’ jingħad li wlied Alla huma eternament siguri.

M’hemmx bażi skritturali soda kontra s-sigurtà eterna tal-fidili. Filwaqt li hemm xi versi li, jekk toftomhom mill-kuntest tagħhom, jagħtu l-impressjoni li wieħed jista’ “jaqa’ mill-grazzja” jew jitlef is-salvazzjoni, meta dawn il-versi jiġu kkunsidrati bir-reqqa fil-kuntest, joħroġ ċar li dak mhux il-każ. Ilkoll nafu lil xi ħadd li għal xi żmien esprima fidi fi Kristu u deher li hu Nisrani ġenwin, imma aktar tard tbiegħed mill-fidi u issa ma jridx ikollu x’jaqsam ma’ Kristu jew mal-knisja. L-istess nies jistgħu jaslu biex saħansitra jiċħdu l-eżistenza t’Alla. Għal dawk li ma jridux jaċċettaw x’tgħid il-Bibbja dwar is-sigurtà tal-fidil, l-apostati huma prova li d-duttrina tas-sigurtà eterna mhijiex korretta. Madankollu, il-Bibbja turi mod ieħor, u tgħallem li nies bħal dawn, u ċoè li stqarrew lil Kristu bħala Salvatur f’xi żmien f’ħajjithom imma aktar tard ċaħduh, qatt ma kienu verament salvati. Pereżempju, l-1 Ġwanni 2:19 jgħid, “Huma ħarġu minna, imma ma kinux minna; għax kieku kienu minna, kienu jibqgħu magħna; iżda ħarġu minna, biex jidher ċar li mhux kollha kemm huma huma verament minna.” Il-Bibbja hija ċara li mhux kull min jistqarr li hu Nisrani huwa ġenwin. Ġesù nnifsu jgħid li mhux kull min jgħid, “Mulej, Mulej,” jidħol fis-saltna tas-smewwiet (Mattew 7:21-22). Aktar milli prova li nistgħu nitilfu s-salvazzjoni, il-każijiet ta’ nies li darba stqarrew lil Kristu imma issa spiċċaw tbiegħdu minnu, għandhom iħeġġuna biex nittestjaw il-ġenwinità tas-professjoni tal-fidi tagħna (2 Korintin 13:5), u niżguraw is-sejħa u l-għażla tagħna billi neżaminaw ħajjitna kontinwament u nibqgħu nikbru fil-qdusija (2 Pietru 1:10).

Wieħed mill-kunċetti żbaljati dwar id-duttrina tal-perseveranza tal-qaddisin huwa li din twassal għal “Insara karnali.” Dawn “l-Insara” jemmnu li ladarba huma eternament siguri jistgħu jgħixu stil ta’ ħajja li jixtiequ, anke fid-dnub, u fl-aħħar nett xorta jmorru l-ġenna. Din hi fehma żbaljata u abbuż tad-duttrina u dak li tgħallem il-Bibbja. Persuna li temmen li tista’ tgħix kif jogħġobha għax darba stqarret lil Kristu mhux qed turi fidi vera (1 Ġwanni 2:3-4). Is-sigurtà eterna tagħna tistrieħ fuq it-tagħlim bibliku li dawk kollha li jiġġustifika, Alla se jigglorifikahom ukoll (Rumani 8:29-30). Dawk li huma salvati tabilħaqq se jkunu konformi max-xbieha ta’ Kristu permezz tal-proċess ta’ santifikazzjoni (1 Korintin 6:11). Meta persuna tkun salvata, l-Ispirtu s-Santu jeħlisha mill-jasar tad-dnub, jagħtiha qalb ġdida, u xewqa għall-qdusija. Għalhekk, Nisrani veru jixxennaq għal Alla u jfittex li jkun ubbidjenti lejh. Meta jiżbalja, l-Ispirtu s-Santu jikkonvinċih mid-dnub, u jindem minnu. L-Insara ma jgħixux kif iridu — imġieba bħal dik hija impossibbli għal kull min ingħata natura ġdida (2 Korintin 5:17).

Id-duttrina tal-perseveranza tal-qaddisin tippreżenta b’mod preċiż dak li tgħallem il-Bibbja dwar dan is-suġġett importanti. Jekk xi ħadd huwa verament salvat, hu ngħata l-ħajja mill-Ispirtu s-Santu, u għandu qalb ġdida b’xewqat ġodda. Ma jistax ikun li wieħed “imwieled mill-ġdid” aktar tard ikun “mhux imwieled.” Ġesù wiegħed li ma jitlef l-ebda waħda min-nagħaġ tiegħu. Id-duttrina tal-perseveranza tal-qaddisin tirrikonoxxi li l-Insara ta’ vera jipperserveraw fil-fidi. Sforz l-imħabba eterna għal uliedu, Alla jħarishom mit-telfien ta’ dejjem. Din il-konvinzjoni sserraħ fuq il-fatt li Ġesù, “l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi” (Lhud 12:2), huwa kapaċi jsalva kompletament lil dawk li l-Missier tah (Lhud 7:25), u għaldaqstant iżommhom salvati tul l-eternità.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-Perseveranza tal-Qaddisin – hija biblika?
© Copyright Got Questions Ministries