Mistoqsija
In-Nisrani kif għandu jqis il-fenomeni paranormali?
Tweġiba
Il-kelma paranormali tirreferi għall-fenomeni li m’għandhomx spjegazzjoni xjentifika u li allegatament għandhom kawża sopranaturali. Il-paranormali jinkludi l-iħirsa, attività demonika, il-UFO’s, telepatija, u oħrajn. Ħafna nies jaffaxxinaw ruħhom bil-paranormali, kif jixhdu diversi films u programmi fuq dan is-suġġett. Fil-fatt, film b’baġit żgħir tal-2007 bit-titlu Paranormal Activity sar wieħed mill-aktar films li għamlu profitt f’kull żmien. Mela, kif għandna nirrispondu bħala Insara meta nisimgħu dwar iħirsa u okkorrenzi paranormali oħra?
L-idea popolari li l-ispirti tal-mejtin jibqgħu fid-dinja jew jerġgħu jiġu fostna hi żbaljata. M’hemm xejn fil-Bibbja li jissapportja dan it-twemmin. Għall-kuntrarju, il-Bibbja tgħallem li hu maqtugħ għall-bniedem li jmut darba u wara jiffaċċja l-ġudizzju (ara Ebrej 9:27). Però l-Bibbja tgħallem li jeżistu ħlejjaq spiritwali — l-anġli u d-demonji — li joperaw fostna. L-anġli huma spirti twajba li Alla jibgħat fostna biex jaqdu lilna li se nirtu s-salvazzjoni (Ebrej 1:14). Id-demonji, mill-banda l-oħra, huma anġli ħżiena, li jiġġerrew mad-dinja biex ifixklu lil ulied Alla (1 Pietru 5:8). Id-demonji huma makakki u malinni, jafu sew id-dgħufijiet tagħna, u kemm nixtiequ nissodisfaw ix-xewqat tal-ġisem. Barra minn hekk, huma jistgħu jidhru bħala anġli tad-dawl u qaddejja tas-sewwa (2 Korintin 11:14–15). Tant hi mifruxa l-influwenza tagħhom, li l-appostlu Ġwanni jgħidilna li d-dinja kollha hi taħt il-kontroll tax-Xitan (1 Ġwanni 5:19).
Xi attivitajiet paranormali li nisimgħu dwarhom m’huma xejn għajr qerq u ingann li l-pubbliku, għatxan għal dawn il-ħwejjeġ, jiblagħhom bħal mazzun. F’każijiet oħra, mingħajr l-ebda intenzjoni ħażina, xi nies jistgħu jkunu żbaljati dwar x’jaħsbu li setgħu raw jew esperjenzaw. Hemm spjegazzjoni loġika għal ħafna minn dak li jitqies paranormali. Madankollu, jista’ jkun hemm ukoll attività spiritwali ħażina, li tkun seħħet tassew, u din tkun xogħol id-demonji. Hekk jew hekk, meta naqraw jew nisimgħu dwar xi attività paranormali, m’għandniex inkunu intrigati minnha jew miġbuda lejha; imma għandna aktarx niftakru li l-ħajja Nisranija hi gwerra spiritwali, u ma ninsewx kontra min qed nitqabdu. “It-taqtigħa tagħna mhix kontra d-demm u l-laħam, iżda kontra l-ħakkiema, kontra l-awtoritajiet, kontra l-potentati dinjija ta’ dad-dlam preżenti, kontra l-forzi spiritwali tal-ħażen fl-imkejjen smewwitin” (Efesin 6:12).
Ċertament hemm ħafna nies li jaffaxxinaw ruħhom bi stejjer ta’ fatati u fantażmi. Imma mhux aħna l-Insara. Għaliex għandna nbagħbsu mal-forzi mudlama tad-dinja? Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jeqred l-għemejjel tax-Xitan (1 Ġwanni 3:8); Ġesù kien jeħtieġlu jmut fuq is-salib biex ixejnu, u jeħlisna mill-għadu tagħna. Ejja niftakru li fi Kristu aħna nies rebbieħa u ħielsa mill-ħakma tal-ħażin. Għalhekk, bħala dixxipli ta’ Kristu, għandna nevitaw kwalunkwe kuntatt mal-paranormali.
English
In-Nisrani kif għandu jqis il-fenomeni paranormali?