Mistoqsija
Xi tgħid il-Bibbja dwar in-nuqqas ta’ talb?
Tweġiba
It-talb huwa n-nifs vitali għal kull Kristjan. Isostnih fil-mixja tiegħu m’Alla. It-talb jgħaqqadna miegħu. Huwa mod attiv kif inħobbu u ningħaqdu mal-oħrajn, u fil-qalb ta’ dak li jitlob, it-talb jagħmel il-wisa’ għal Alla, biex jikkoreġih u jiggwidah. Il-Bibbja tgħidilna biex “nitolbu kontinwament” (1 Tessalonkin 5:17), allura nidinbu jekk ma nżommux attitudni kostanti ta’ talb u komunjoni m’Alla. Kwalunkwe ħaġa li tfixkel l-għaqda tagħna m’Alla jew twassal biex nistrieħu fina nfusna hi ħażina.
Nistgħu nħarsu lejn l-azzjonijiet t’Adam u Eva fil-Ġenesi 3 bħala tip tan-nuqqas ta’ talb. Kielu mis-siġra tat-tagħrif tat-tajjeb u l-ħażin u stħaw wisq jitkellmu m’Alla meta ġie jiltaqa’ magħhom fil-ġnien. Inqatgħu minn m’Alla fi dnubhom; il-komunikazzjoni tagħhom miegħu sfat interrotta. “In-nuqqas ta’ talb” t’Adam u Eva kien dnub, u kien ikkawżat mid-dnub.
Tista’ timmaġina xi ħadd li jikklejmja illi hu l-aqwa ħabib tiegħek imma qatt ma jitkellem miegħek? Anke jekk kien hemm xi tip ta’ ħbiberija, żgurament se tiddgħajjef. Bl-istess mod, relazzjoni m’Alla titfaqqar u tidbiel mingħajr komunikazzjoni. In-nuqqas ta’ talb u r-relazzjoni tajba m’Alla ma jmorrux flimkien. In-nies t’Alla jkollhom xewqa naturali biex jikkomunikaw ma’ Sidhom. “O Sid, filgħodu se tisma’ leħni; filgħodu se nordna t-talba tiegħi lilek u ngħasses bil-ħerqa” (Salm 5:3). L-ordnijiet bibliċi biex nitolbu huma akkumpanjati b’wegħdi meraviljużi: “Is-Sid hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk kollha li jsejħulu fil-verità” (Salm 145:18).
L-aqwa eżempju ta’ ħajja ta’ talb għalina hu Kristu. Hu nnifsu kien raġel ta’ talb (ara Luqa 3:21; 5:16; 9:18, 28; 11:1), u għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu (Luqa 11:2–4). Jekk Bin il-Bniedem ħass il-bżonn li hu jitlob, kemm aktar imissna naraw l-istess bżonn għalina nfusna?
Nuqqas ta’ talb jinjora d-don ta’ interċessjoni li Alla tana. Aħna msejħin nitolbu għal ħutna fi Kristu (Ġakbu 5:16). Pawlu ta’ spiss talab lin-nies t’Alla biex jitolbu għalih (Efesin 6:19; Kolossin 4:3; 1 Tessalonkin 5:25), u hu talab għalihom b’fedeltà (Efesin 1:16; Kolossin 1:9). Il-profeta Samwel ikkunsidra t-talb għall-poplu ta’ Iżrael bħala parti neċessarja tal-ministeru tiegħu: “U jien, barra minni, li nidneb kontra l-Mulej, billi ma nibqax nitlob għalikom” (1 Samwel 12:23). Skont Samwel, in-nuqqas ta’ talb hu dnub.
In-nuqqas ta’ talb hu sfida kontra l-kmand t’Alla biex inħobbu ’l xulxin. U mhux biss suppost nitolbu għal dawk li nsibuha faċli biex nitolbu għalihom. “Mela, l-ewwel u qabel kollox, neżorta biex ikunu magħmulin suppliki, talb, petizzjonijiet u ringrazzjamenti għall-bnedmin kollha” (1 Timotju 2:1). Ġesù jgħidilna wkoll li rridu nitolbu għal dawk li jippersegwitawna (Mattew 5:44). Dan hu l-messaġġ ta’ Kristu, li nitolbu u nissapportjaw lill-oħrajn bit-talb, anke dawk li diffiċli tħobbhom.
It-talb jagħmel il-wisa’ għall-vuċi t’Alla li twiddeb. In-nuqqas ta’ talb idgħajjef l-abbiltà tagħna li nisimgħu lil Kristu meta jpespes kelma ta’ korrezzjoni jew tixlija fl-ispirtu tagħna. Ebrej 12:2 ifakkarna li Kristu hu “l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi.” Mingħajr l-Ispirtu li jgħix fina, insibu ruħna fi triq imħarbta mexjin biss wara l-ġudizzji personali. Hekk kif nitolbu li sseħħ ir-rieda t’Alla “kif fis-sema hekk ukoll fuq l-art” (Mattew 6:10), l-istinazzjoni tar-rieda tagħna tinkixef.
Mattew 26:41 joffrilna ammonizzjoni oħra: “Ibqgħu għassu u itolbu, sabiex ma tidħlux fit-tiġrib.” Nuqqas ta’ talb iċajpar qlubna għat-tentazzjonijiet ta’ madwarna u jwassalna f’aktar dnub. Huwa permezz tal-illuminazzjoni u d-direzzjoni tal-Ispirtu li nsiru għorrief għall-mogħdijiet ta’ qlubna. U huwa biss fis-setgħa tal-Ispirtu li t-talbiet tagħna jkunu effettivi (ara Rumani 8:26–27).
It-talb hu n-nifs vitali u l-konnessjoni tagħna m’Alla. Meta Kristu mexa fostna wriena l-oppost tan-nuqqas ta’ talb, u tana mudell ta’ x’jiġifieri l-ħajja mimlija talb.
English
Xi tgħid il-Bibbja dwar in-nuqqas ta’ talb?