Mistoqsija
Xi tfisser li mingħajr viżjoni l-poplu tiegħi jintilef?
Tweġiba
Il-Verżjoni Awtorizzata tittraduċi Proverbji 29:18 hekk, “Fejn m’hemmx viżjoni, il-poplu jkun bla lġiem; iżda min iħares il-liġi, imbierek hu!” Xi wħud jużaw dal-vers biex jenfasizzaw l-importanza tal-viżjoni fit-tmexxija. Mingħajr pjan fit-tul – mingħajr viżjoni – il-poplu kkundannat li jiġġerra bla skop.
Sintendi, veru li jekk ikollox idea fejn sejjer, dan ikun ta’ għajnuna biex tasal fil-post. Proverbji 29:18 mhux jitkellem dwar li jkollok viżjoni għan-negozju jew għall-ministeru. Traduzzjonijiet oħra jiċċaraw il-ħsieb ta’ Proverbji 29:18 għall-qarrej modern. L-jpoġġiha hekk: “Fejn mhemmx rivelazzjoni, l-poplu jneħħi kull trażżin; imma mbierek dak li jisma’ mill-istruzzjoni tal-għerf.” L-ESV tgħid, “Fejn mhemmx viżjoni profetika l-poplu jneħħi t-trażżin, iżda mbierek min josserva l-liġi.”
F’dal-vers, il-“viżjoni” tirreferi għall-komunikazzjoni divina li tiġi f’ħolma, rivelazzjoni, jew profezija. L-istess kelma Ebrajka użata fil-Proverbji 29:18 insibuha wkoll fl-1 Samwel 3:1 fil-kuntest ta’ nuqqas rari tal-kelma tal-Mulej u l-infrekwenza tal-viżjonijiet profetiċi. Hi użata wkoll biex tintroduċi l-kotba profetiċi ta’ Isaija, Abdija, kif ukoll bosta viżjonijiet li kellu Danjel. In-nuqqas ta’ viżjoni, allura, hi n-nuqqas tal-kelma rivelata t’Alla.
Proverbji 29:18 jgħid li fejn mhemmx viżjoni “l-poplu jintilef.” Il-kelma tradotta “jintilef” jew “ikun bla lġiem” fl-oriġinal tfisser “tħoll” u allura tfisser ukoll “tikxef jew tesponi.” L-istess kelma nsibuha fl-Esodu 32:25 u l-inċident tal-għoġol dehbi: “U malli Mosè ra li l-poplu tħassar; għax Arun ħallieh jitħassar biex jaqa’ fl-għajb fost l-għedewwa tiegħu (l-enfasi miżjuda). Insibuha użata wkoll fil-Ktieb tal-Levitiku rigward il-kxif tar-ras jew li wieħed ikollu xagħru mħabbel (Levitiku 10:6; 13:45; 21:10). Xi proverbji oħra wkoll jużaw l-istess kelma biex ifissru “tinjora” jew “tittraskura” l-istruzzjoni (Proverbji 1:25; 8:33; 13:18; 15:32) u biex “tevita” l-mogħdija tal-ħżiena (Proverbji 4:15).
B’dan kollu allura nifhmu li, mingħajr il-Kelma t’Alla, il-bnedmin ikunu “laxki” – jiġifieri, imorru fejn ifetlilhom. Jgħixu bla rażan. Fl-aħħar nett, ħajja bħal din, twassal għall-mewt għaliex meta wieħed jinjora l-mogħdija t’Alla ikun qed jinjora t-triq għall-ħajja (Rumani 6:23). Allura x’inhu r-rimedju għal dan il-ġiri sfrenat u letali?
Il-parti li jmiss ta’ Proverbji 29:18 tgħidilna: “Imbierek min josserva l-liġi.” Nitbierku meta nħarsu d-direttivi t’Alla. Salm 19 jelabora fuq il-perfezzjoni u l-affidabilità ta’ Kelmet Alla. Il-preċetti tas-Sid “huma sewwa, iferrħu l-qalb; il-kmandament tas-Sid hu pur, idawwal l-għajnejn” (Salmi 19:8). Hawnhekk, David is-salmista, jkompli jiddeskrivi d-digrieti t’Alla bħala “aktar prezzjużi mid-deheb” u “oħla mill-għasel” (vers 10). Jikteb, “Bihom l-ilsir tiegħek hu mwissi; fiż-żamma tagħhom hemm premju kbir” (vers 11). Biex ħadd ma jitfixkel, din mhix xi sejħa għal-legaliżmu. Il-ħajja mhix fl-abbiltà tagħna li nobdu xi lista ta’ ħwejjeġ li suppost nagħmlu u oħrajn li rridu nevitaw. F’Salm 19 naraw indikazzjonijiet ta’ relazzjoni m’Alla. David isejjaħ lilu nnifsu l-ilsir t’Alla (vers 13), u lil Alla jsejjaħlu “Sid, blata tiegħi u Feddej tiegħi” (vers 14). Meta Ġesù semma’ l-akbar kmandament, irrefera għall-kmand biex inħobbu ’l Alla (Marku 12:28–34). L-ubbidjenza lejn Alla u ż-żamma ta’ Kelmtu jnixxu minn relazzjoni fejn aħna maħbubin minn Alla u fejn aħna nħobbuh lura (1 Ġwanni 4:7–10).
Ebrej 1:1–2 jgħid; “B’ħafna modi u b’diversi manjieri Alla kellem żmien ilu lil missirijietna bil-profeti, iżda fl-aħħar ta’ dawn il-jiem kellimna b’Ibnu, li kkostitwieh il-werriet ta’ kollox, li permezz tiegħu wkoll għamel id-dinjiet.” Ġesù ġie fid-dinja bħala l-Kelma ħajja t’Alla (Ġwanni 1:1, 14). Alla tana wkoll il-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. Meta ma naqrawhiex u ma ngħixuhiex, insiru “bla viżjoni.” Meta ninjoraw Kelmet Alla, nibdew ngħixu bla rażan, u dan ipoġġina f’periklu. Għall-kuntrarju, meta nagħtu kas Kelmet Alla, inkunu mbierka. Ġesù qal, “Bħalma ħabbni l-Missier, jien ukoll ħabbejtkom; ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk iżżommu l-kmandamenti tiegħi, se tibqgħu fl-imħabba tiegħi, bħalma jien żammejt il-kmandamenti ta’ Missieri u nibqa’ fl-imħabba tiegħu. Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun mimli” (Ġwanni 15:9–11). Alla tana Kelmtu, u jsejħilna biex inkunu fidili lejha. Fiż-żamma tal-Kelma t’Alla, insibu l-ferħ fih.
English
Xi tfisser li mingħajr viżjoni l-poplu tiegħi jintilef?