settings icon
share icon
Mistoqsija

Suppost inħobbu l-midneb u nobogħdu d-dnub?

Tweġiba


Ħafna Kristjani jużaw l-għajta “Ħobb lill-midneb; obgħod id-dnub.” Dan il-qawl ma ssibux fil-Bibbja bl-istess kelmiet; madankollu, f’Ġuda 22-23 insibu idea simili: “U ħennu għal xi wħud li qed jiddubitaw; salvaw lill-oħrajn billi taħtfuhom min-nar; u ħennu għal oħrajn bil-biża’, filwaqt li tobogħdu saħansitra t-tonka mtebbgħa mil-laħam.” Skont din l-istruzzjoni, l-evanġeliżmu tagħna għandu jkunu karatterizzat mill-ħniena lejn il-midneb u mibegħda sana lejn id-dnub u l-effetti tiegħu.

Għandu jkollna kumpassjoni lejn il-midinbin li għalihom miet Kristu, u rridu wkoll inżommu lilna nfusna “bla tebgħa mid-dinja” - parti minn dak li jagħmel reliġjon “pura u mhix kontaminata” (Ġakbu 1:27). Però nirrealizzaw ukoll li aħna umani imperfetti u li d-differenza bejna u bejn Alla fejn għandhom x’jaqsmu l-imħabba u l-mibegħda hi vasta. Anke bħala Kristjani, ma nistgħux inħobbu perfettament, jiġifieri, mingħajr malizzja. Imma Alla kapaċi jagħmel dawn it-tnejn perfettament, għaliex hu Alla. Kapaċi jobgħod mingħajr ħsieb midneb. Għaldaqstant, jista’ jobgħod id-dnub u l-midneb b’mod perfettament qaddis u xorta jaħfer bi mħabba lill-midneb appena jindem u jemmen (Malakija 1:3; Apokalissi 2:6; 2 Pietru 3:9).

Il-Bibbja tgħallem espliċitament li Alla hu mħabba. L-1 Ġwanni 4:8–9 jgħid, “Min ma jħobbx ma jafx ’l Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan l-imħabba t’Alla kienet manifestata fostna, illi Alla bagħat lill-uniku Iben tiegħu fid-dinja sabiex ngħixu permezz tiegħu.” Huwa fatt misterjuż, għalkemm veru, li Alla kapaċi jħobb u jobgħod perfettament lil xi ħadd fl-istess waqt. Dan ifisser li kapaċi jħobbu bħala xi ħadd li ħalaq u jista’ jifdi, kif ukoll jobogħdu għan-nuqqas ta’ fidi u l-istil ta’ ħajja midinba tiegħu. Aħna, ta’ umani imperfetti, m’aħniex kapaċi nagħmlu hekk; allura, jmissna nfakkru lilna nfusna biex “inħobbu l-midneb; nobogħdu d-dnub.”

Eżattament dan kif jaħdem? Nobogħdu d-dnub billi nqisuh għal dak li hu, ma nipparteċipawx fih, u nikkundannawh bħala kuntrarju għan-natura t’Alla. Id-dnub ta’ min jobogħdu, u mhux niskużawh jew inqisuh bħala xi ħaġa ħafifa. Lill-midinbin inħobbuhom billi nirrispettawhom (1 Pietru 2:17), nitolbu għalihom (1 Timotju 2:1), u nwasslulhom lil Kristu. Hu att ta’ mħabba vera meta tqis lil xi ħadd b’rispett u manswetudni avolja ma tapprovax la l-istil ta’ ħajtu u lanqas l-għażliet midinba tiegħu.

Ma nkunux qed nuru mħabba jekk inħallu l-persuna mwaħħla fid-dnub. Ma nkunux qed nobogħdu jekk ngħidu lill-individwu illi hu jinsab fid-dnub. Fil-fatt, il-verità hi eżattament l-oppost. Id-dnub iwassal għall-mewt (Ġakbu 1:15), u lill-midneb inħobbuh billi nitkellmu l-verità fl-imħabba (Efesin 4:15). Nobogħdu d-dnub billi nirrifjutaw li napprovawh, ninjorawh, jew niskużawh.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Suppost inħobbu l-midneb u nobogħdu d-dnub?
© Copyright Got Questions Ministries