settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser tikber fil-grazzja?

Tweġiba


It-2 Pietru 3:18 jgħidilna biex “nikbru fil-grazzja u t-tagħrif ta’ Sidna u s-Salvatur Ġesù Kristu.” Tikber fil-grazzja jfisser timmatura bħala Kristjan. Aħna salvati bil-grazzja, permezz tal-fidi (Efesin 2:8–9), u nimmaturaw u aħna santifikati bil-grazzja biss. Nafu li l-grazzja hija barka li ma jistħoqqilniex. Hija l-grazzja t’Alla li tiġġustifikana, tqaddisna u eventwalment tigglorifikana fil-ġenna. Il-proċess ta’ santifikazzjoni, li nsiru aktar nixbhu lil Kristu, hu sinonimu mal-kobor fil-grazzja.

Nikbru fil-grazzja bil-qari tal-Kelma t’Alla u billi nħalluha “tgħammar ġewwa fina bl-għana” (Kolossin 3:16) u billi nitolbu. Dawk l-azzjonijiet fihom infushom ma jimmaturawniex, però Alla juża dawn id-dixxiplini spiritwali biex jgħinna nikbru. Għaldaqstant, il-maturità tagħna ma tiddependix fuq dak li nagħmlu aħna, imma fuq dak li Alla jagħmel fina, permezz tal-grazzja tiegħu. Importanti nifhmu u napplikaw il-grazzja t’Alla għal ħajjitna. M’għandniex infixkluha billi nitkabbru, għaliex Alla jgħidilna li hu jopponi lis-suppervi, imma jagħti grazzja lill-umli (Ġakbu 4:6). Il-grazzja hi dak l-attribut t’Alla li jippermettilna ninħelsu min-natura midinba tagħna u nsegwuh. Tagħtina l-qawwa u tipproteġina. Mingħajr il-grazzja t’Alla, il-favur tiegħu, inkunu mitlufin u bla tama f’did-dinja. Aktar ma jkollna grazzja u aktar ma nitolbuhielu, aktar nimmaturaw bħala Kristjani.

Tikber fil-grazzja ma jfissirx takkwista aktar grazzja mingħand Alla. Il-grazzja t’Alla qatt ma tiżdied; hija infinita, ma tistax tkun aktar, u skont in-natura t’Alla, qatt ma tista’ tkun inqas. Tana l-uniku Iben tiegħu sabiex kull min jemmen fih ikun salvat (Ġwanni 3:16). Jista’ jkun hemm aktar grazzja minn din? Iżda tikber fil-grazzja jfisser ngħaddu ’l quddiem fil-fehma tagħna dwar x’għamel Ġesù u napprofondixxu l-apprezzament tagħna għall-grazzja li ngħatajna. Aktar ma nitgħallmu dwar Ġesù, aktar napprezzaw kulma għamel, u aktar ma napprezzaw imħabbtu għalina u s-sagrifiċċju favur tagħna, aktar nipperċepixxu l-grazzja t’Alla li ma tintemm qatt.

Pietru jikkonferma wkoll li għandna bżonn nikbru fl-għarfien dwar Ġesù u jkollna dik ir-relazzjoni intima miegħu għaliex aktar ma nkunu nafuh, aktar se jkun jispikka hu f’ħajjitna. Fil-Kolossin 3:1–4 Pawlu qal: “Ladarba mela kontu rxoxtati mal-Kristu, fittxu l-ħwejjeġ ta’ fuq, fejn hu l-Kristu, bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla; aħsbu dwar il-ħwejjeġ ta’ fuq, mhux il-ħwejjeġ fuq l-art. Għax mittu, u ħajjitkom issa hi moħbija mal-Kristu f’Alla; meta l-Kristu, li hu ħajjitkom, hu manifestat, imbagħad intom ukoll se tkunu manifestati miegħu fil-glorja.”

L-Iskritturi fihom it-tagħrif kollu li qatt nistgħu neħtieġu biex nitgħallmu dwar Alla, dwar Ibnu, u dwar l-Ispirtu tiegħu, għallinqas sakemm għadna f’dil-ħajja. Ix-xewqa t’Alla għal dawk li hu jsalva hi s-santifikazzjoni u t-trasformazzjoni tagħhom. Iridna nsiru aktar qaddisa bħalu. Irid jittrasformana fl-immaġni ta’ Ibnu. Il-mod li dan isir hu billi nimmeditaw fuq l-Iskritturi u napplikaw il-prinċipji tagħhom għal ħajjitna hekk kif inċedu għall-konvinzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina. Imbagħad nikkonfermaw it-2 Korintin 3:18: “U aħna lkoll, b’wiċċna mikxuf, naraw qisu f’mera l-glorja tas-Sid, qed inkunu ttrasformati fl-istess immaġni tiegħu, minn glorja għal glorja, bħalma mingħand is-Sid, l-Ispirtu.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser tikber fil-grazzja?
© Copyright Got Questions Ministries