settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi l-importanza tal-attendenza fil-knisja?

Tweġiba


Il-Bibbja tħeġġiġna biex nattendu l-knisja sabiex inqimu ’l Alla ma’ ħutna fil-fidi, u sabiex nitgħallmu Kelmtu għall-edifikazzjoni spiritwali tagħna. Fil-knisja bikrija, l-aħwa “iddedikaw erwieħhom għat-tagħlim tal-appostli u għax-xirka, fi qsim il-ħobż u fit-talb” (Atti 2:42). Aħna messna nimxu fuq dan l-eżempju ta’ devozzjoni u nagħmlu l-istess bħalhom. Dak iż-żmien l-Insara ma kellhomx binjiet apposta għal-laqgħat (knejjes); madankollu huma kienu jiltaqgħu regolarment ma’ xulxin, u anke jieklu flimkien bil-ferħ u b’qalb sinċiera. Irrispettivament mill-post fejn jiltaqgħu, l-Insara jikbru u jissaħħu permezz tax-xirka bejniethom u t-tagħlim tal-Kelma t’Alla.

Aktar minn suġġeriment tajjeb, l-attendenza fil-knisja hi r-rieda t’Alla għal uliedu. “Bla ma nabbandunaw il-ġmigħ tagħna flimkien, bħalma hi d-drawwa ta’ xi wħud, iżda ninkuraġġixxu ’l xulxin, aktar u aktar meta tarawh joqrob il-jum (Ebrej 10:25). Anke fil-knisja bikrija kien hemm xi wħud li jfallu milli jattendu għal-laqgħat. Il-Bibbja twissina biex ma nagħmlux hekk. Ilkoll neħtieġu l-inkoraġġiment ta’ ħutna fil-knisja. Il-fatt li qed joqrob l-aħħar jum, meta għad jirritorna Kristu, għandu jqanqalna biex inkunu aktar impenjati li nattendu l-knisja.

Il-knisja tagħti l-opportunità lill-aħwa sabiex iħobbu lil xulxin (1 Ġwanni 4:12), jinkoraġġixxu lil xulxin (Ebrej 3:13); jistimulaw lil xulxin għall-imħabba u l-opri tajba (Ebrej 10:24); iservu lil xulxin (Galatin 5:13), jgħallmu lil xulxin (Rumani 15:14), jonoraw wieħed lil ieħor (Rumani 12:10), u li jkunu benevolenti u kumpassjonali ma’ xulxin (Efesin 4:32).

Meta wieħed jafda f’Ġesù Kristu għas-salvazzjoni, dan isir membru tal-ġisem ta’ Kristu (1 Korintin 12:27). Issa sabiex il-ġisem jiffunzjona sewwa, il-partijiet kollha jridu jkun f’posthom u jagħtu sehemhom (1 Korintin 12:14-20). Mhux biżżejjed li nattendu l-knisja; jeħtieġ ukoll li ninvolvu ruħna f’xi ministeru biex inservu lill-oħrajn billi nħaddmu d-doni li tana Alla (Efesin 4:11-13). Kristjan ma jilħaqx il-maturità spiritwali jekk ma jħaddimx id-doni tiegħu; barra minn hekk, aħna lkoll neħtieġu l-assistenza u l-inkoraġġiment ta’ xulxin (1 Korintin 12:21-26).

Għaldaqstant, l-attendenza, il-parteċipazzjoni u x-xirka fil-knisja għandhom ikunu aspetti regolari fil-ħajja tan-Nisrani. L-attendenza ta’ kull ġimgħa mhix imposta bħallikieku xi toqol fuqna. Għall-kuntrarju, in-Nisrani jifraħ bil-privileġġ li jiltaqa’ fil-knisja sabiex iqim lil Alla, jirċievi l-Kelma, u jixxierek ma’ ħutu.

Ġesù huwa l-ġebla tax-xewka tal-knisja, u aħna l-ġebel ħaj li qed ninbnew f’dar spiritwali; aħna saċerdozju qaddis ħalli noffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla b’Ġesù Kristu (ara 1 Pietru 2:5-6). Ladarba aħna l-ġebel tad-​dar spiritwali t’Alla, aħna għandna konnessjoni naturali maʼ xulxin, u din ir-​rabta hija evidenti fl-assemblea tal-knisja.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi l-importanza tal-attendenza fil-knisja?
© Copyright Got Questions Ministries