settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi l-knisja?

Tweġiba


Ħafna nies illum jaħsbu li l-knisja hi binja; din il-fehma mhi biblika xejn. Il-kelma “knisja” hi traduzzjoni tal-kelma Griega ekklesia, li hi definita bħala “assemblea” jew “(nies) imsejħin ’il barra.” It-tifsira bażika hi referenza għan-nies, mhux bini. Ħaġa ironika kif meta tistaqsi liema knisja jattendu, normalment jidentifikaw binja. Rumani 16:5 jgħid, “Selluli għall-knisja li hi f’darhom.” Pawlu jirreferi għall-knisja fid-dar, mhux binja, iżda grupp ta’ fidili.

Il-knisja hi deskritta bħala l-ġisem ta’ Kristu, li tiegħu Kristu hu r-ras. Efesin 1:21-22 jgħid, “fih il-bini kollu, kompatt flimkien, qiegħed jikber f’santwarju qaddis fis-Sid, li fih intom ukoll qed tinbnew flimkien f’għamara t’Alla bl-Ispirtu.” Il-ġisem ta’ Kristu hu kompost mill-fidili kollha fi Kristu Ġesù. Il-knisja tal-Patt il-Ġdid bdiet f’Pentekoste (Atti 2) u tibqa’ sar-ritorn ta’ Kristu. Biblikament, nistgħu nistmaw il-knisja f’żewġ modi, bħala l-knisja universali jew inkella l-knisja lokali.

Il-knisja universali tikkonsisti fin-nies kollha kullimkien li għandhom relazzjoni salvivika u personali ma’ Ġesù Kristu. “Għax bi Spirtu wieħed aħna lkoll konna mgħammdin f’ġisem wieħed – sew jekk Lhud jew inkella Griegi, sew jekk ilsiera jew inkella liberi – u lkoll insqejna Spirtu wieħed” (1 Korintin 12:23). Hawn jingħad illi kull min jemmen ġenwinament hu parti mill-ġisem ta’ Kristu u rċieva l-Ispirtu s-Santu bħala evidenza. Kull min irċieva s-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù jinsab fil-knisja universali.

Il-knisja lokali hi deskritta fil-Galatin 1:1-2: “Pawlu, appostlu...u l-aħwa kollha miegħi, lill-knejjes fil-Galazja.” Hawn naraw illi fil-provinċja tal-Galazja kien hemm bosta knejjes – kellhom ministeru lokalizzat u kienu mxerrda matul ir-reġjun kollu. Kienu knejjes lokali. Hekk ukoll fi żmienna l-ġemgħat tal-aħwa f’postijiet differenti huma knejjes lokali avolja jkunu ta’ denominazzjonijiet differenti. Il-knisja universali hi komposta minn dawk kollha li jappartienu għal Kristu, mifdija minnu. Il-membri tal-knisja universali messhom ifittxu xirka u tisħiħ spiritwali fi knisja lokali.

Fil-qosor, il-knisja mhijiex binja jew denominazzjoni. Skont il-Bibbja, il-knisja hi l-ġisem ta’ Kristu – dawk kollha li qed jafdaw f’Ġesù Kristu għall-maħfra u s-salvazzjoni eterna (Ġwanni 3:16; 1 Korintin 12:13). Knejjes lokali huma ġemgħat ta’ nies li jistqarru lil Kristu u jixtiequ jimxu warajh. Xi membri ta’ knisja lokali mhux bilfors huma membri tal-knisja universali għax jistgħu ma jkunux jemmnu l-evanġelju ġenwinament. Fi knisja lokali l-fidili jistgħu japplikaw il-prinċipji tal-1 Korintin 12, jiġifieri jġibu ruħhom bħala membri fl-istess ġisem, billi jinkuraġġixxu, jgħallmu u jibnu lil xulxin fit-tagħrif u l-grazzja tas-Sid Ġesù Kristu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi l-knisja?
© Copyright Got Questions Ministries