settings icon
share icon
Mistoqsija

X’hemm ħażin filli bħala Kristjan infendi għal rasi?

Tweġiba


“Il-knisja ma ddoqqlix.” “Jien kapaċi nqim lil Alla waħdi. X’nambihom nies oħra?” Dikjarazzjonijiet bħal dawn, espressi b’konvinzjoni, nisimgħuhom u nistaqsu humiex b’xi mod validi. Għandna bżonn inkunu involuti ma’ Kristjani oħra fi Knisja lokali biex inservu ’l Alla b’mod effettiv? Wara kollox, is-salvazzjoni hi deċiżjoni tal-individwu. Għaliex wara jmissna ninvolvu nies oħra? X’hemm ħażin li nfendu għal rasna?

Veru, relazzjoni m’Alla hija deċiżjoni intensament personali. Ħadd ma jista’ jagħtina l-fidi biex nemmnu ħlief Alla (Efesin 2:8–9; Ġwanni 6:44). L-attività fi knisja ma timpressjonax lil Alla u lanqas taqla’ l-favur tiegħu. Iħobbna u jberikna abbażi tal-fidi tagħna fid-demm imxerred ta’ Ibnu għal dnubietna (Efesin 1:7; Kolossin 1:13–14). L-ubbidjenza u s-sottomissjoni lejn l-Ispirtu s-Santu huma deċiżjonijiet individwali li ma jistgħux isirulna minn ħaddieħor. Alla jżommna lkoll kontabbli għall-amministrazzjoni ta’ kulma tana (2 Korintin 5:10; Mattew 16:27; Rivelazzjoni 22:12).

Madankollu, meta niddaħħlu fil-familja t’Alla, bit-twelid ġdid, (Ġwanni 3:3), insiru ħlejjaq ġodda (2 Korintin 5:17). Meta nesperjenzaw it-twelid ġdid inkunu nixbhu sriep li nżajna l-qoxra l-qadima tagħna. L-ispirtu tagħna jintefaħ bil-preżenza t’Alla, u dak l-Ispirtu ġdid joħnoq il-mogħdijiet qodma. Xewqatna jinbidlu. Il-perspettiva tagħna tinbidel. Filwaqt li qabel għexna biss biex nissodisfaw lilna nfusna, issa għandna xewqa biex nogħġbu lil Ġesù u nigglorifikawh (1 Korintin 10:31). Jekk ebda bidla ma sseħħ wara li suppost seħħet konverżjoni, wisq probabbli ebda riġenerazzjoni ma seħħet. C.S. Lewis qal, “Jekk il-konverżjoni ma ġġib ebda miljorament fl-azzjonijiet esterni tal-bniedem ikolli naħseb li l-konverżjoni tiegħu fil-parti l-kbira kienet immaġinarja.” Parti minn dik il-bidla hija x-xewqa li tkun ma’ dawk li wkoll iħobbu u jaqdu lil Ġesù. Li tkun Kristjan iżolat mhix in-norma.

Hemm bosta raġunijeit għala kull fidil imwieled mill-ġdid imissu jkun involut ma’ Kristjani oħra. L-ewwel nett, il-Patt il-Ġdid hu mimli b’eżortazzjonijiet biex “inħobbu lil xulxin” - il-ħafna “lil xulxin” jirreferu għal ħutna l-Kristjani (Ġwanni 13:34–35; 1 Pietru 1:22; 1 Ġwanni 4:11). L-imħabba tagħrafha l-aħjar fl-azzjoni (ara l-1 Korintin 13:1–8). Għandna nfittxu modi attivi kif nuru l-imħabba altruwistika lejn xulxin. Kristjani iżolati li jevitaw assoċjazjoni ma’ fidili oħra ma jistgħux jagħmlu hekk.

It-tieni, il-parti l-kbira tal-kotba tal-Patt il-Ġdid huma ittri miktubin lill-knejjes, mhux lill-Kristjani iżolati. Għalkemm Alla jħobbna bħala individwi, l-Iskrittura tirreferi għalina bħala “l-knisja” (Efesin 5:25, 32). L-epistoli, indirizzati lill-gruppi ta’ Kristjani, jinkludu struzzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom iġibu ruħhom il-membri fil-grupp. L-ittri kellhom jinqraw lill-ġemgħa u jinftiehmu l-aħjar fil-kuntest ta’ knisja li qed taħdem flimkien. Bħala unità, il-Kristjani huma l-għarusa ta’ Kristu (2 Korintin 11:2; Rivelazzjoni 19:7). Il-maġġor parti tal-Patt il-Ġdid huwa struzzjoni kif tista’ tħejji lilha nfisha għall-għarus tagħha, Kristu.

Aħna msejħin ukoll “il-ġisem ta’ Kristu.” Dal-ġisem għandu diversi partijiet, l-istess bħalma għandu ġisem fiżiku (1 Korintin 12:27). Ebda parti tal-ġisem ma tista’ teżisti waħidha. Il-qalb ma tistax tinqata’ għaliha; il-geddum ma jistax jissopravivi waħdu. Kull wieħed mill-partijiet jeħtieġ il-parteċipazzjoni tal-partijiet l-oħra kollha biex jiffunzjonaw kif suppost. L-istess jgħodd għall-membri fil-ġisem ta’ Kristu. Ġesù jforni lil kull wieħed minna b’ċerti doni li jridna nużaw sabiex bihom igawdi l-ġisem kollu (1 Korintin 12:12–30). Rumani 12:4–5 jgħid, “Għax kif f’ġisem wieħed għandna ħafna membri, imma l-membri kollha m’għandhomx l-istess funzjoni, hekk aħna, għalkemm ħafna, nifformaw ġisem wieħed fi Kristu, u individwalment membri ta’ xulxin.” F’dal-passaġġ m’hemmx lok għal Kristjani iżolati.

It-tielet raġuni għala Kristjaneżmu iżolat mhix idea tajba hi għax neħtieġu l-inkuraġġiment u l-kontabbiltà provduti minn aħwa fi Kristu, irġiel u nisa (Ebrej10:24–25). Spiss, dawk li jevitaw l-involviment fil-knisja lokali jgħixu b’oqsma difettużi u fortizzi spiritwali li qajla jindunaw bihom. Billi ma jpoġġux lilhom infushom kontabbli lejn fidili oħra, il-Kristjani iżolati m’għandhom lil ħadd li jsaħħaħilhom id-dgħufijiet tagħhom. Difetti bħalma huma l-kburija, l-avidità, l-invidja, ir-rabja, u spirtu kritiku spiss ikomplu jikbru fil-qalb ta’ dak li jirriġetta s-sorveljanza spiritwali mingħand dawk li kapaċi jiggwidawh b’ġentilezza lura għall-ubbidjenza, bla ma jkunu sfidati (Galatin 6:1).

Il-Kristjan iżolat huwa wieħed solitarju li jitlef il-gwadann li hemm fil-predikazzjoni, okkażjoniiet ta’ qima korporata, u opportunitajiet biex iservi. Proverbji 27:17 jgħid, “Il-ħadid jinsenn bil-ħadid; hekk bniedem isinn bniedem ieħor.” Insiru aktar misnuna bħala għodda utli għal Alla meta nitgħallmu minn xulxin, nitolbu għal xulxin, u ninvestu lilna nfusna fil-ħajja tal-oħrajn. Il-knejjes lokali joffru ħafna opportunitajiet biex nużaw id-doni tagħna u nigglorifikaw lil Alla. Meta dawn il-konnessjonijiet jiġu evitati, il-Kristjan iżolat, kif ukoll il-ġisem lokali, jiddgħajfu.

Finalment, għandna għadu qawwi li “jissajja bħal iljun igargar, ifittex lil xi ħadd biex jiddevorah” (1 Pietru 5:8). Il-metafora tal-iljun fl-Iskrittura taħdem għaliex in-nies t’Alla spiss huma mqabbla man-nagħaġ (Salmi 95:7; 100:3; 1 Pietru 2:25; Marku 6:34). Bħama jaf kull ragħaj tajjeb, in-nagħaġ l-aktar li jkunu sikuri hu meta jibqgħu fil-merħla, taħt is-sorveljanza attenta ta’ ragħaj twajjeb. L-1 Pietru 5:2 jeżorta lill-mexxejja: “Irgħu l-merħla t’Alla fostkom, billi tissorveljawha – mhux b’ġegħil, iżda voluntarjament, skont ir-rieda t’Alla; lanqas b’regħba għall-qligħ materjali, iżda bil-ħeġġa.” Sopristant huwa msejjaħ ir-ragħaj ta’ merħla. Hija r-responsabbiltà tiegħu quddiem Alla li jitma’, irawwem, jipproteġi, u jinkuraġġixxi n-nagħaġ li Alla fdalu. Nagħġa iżolata, maqtugħa mill-merħla, hi vulnerabbli għall-għadu. L-ilpup u l-iljuni normalment ma jattakkawx merħla qawwija. Jistennew lil xi nagħġa li taqa’ lura, imwarrba minn mar-ragħaj u s-sigurtà tal-merħla.

Il-Kristjani għandhom bżonn jinvolvu lilhom infushom ma’ fidili oħra sabiex jibqgħu sani u produttivi. Satana ma jirnexxilux jisraq ruħ li tappartieni għal Alla (Ġwanni 10:29), iżda kapaċi jagħmlilna ħajjitna kważi kważi inutli għas-saltna billi jikkonvinċina li m’għandniex bżonn xirka, inkuraġġiment spiritwali, jew xprunar minn ħaddieħor. Jieħu gost iġib l-inkwiet, l-imrar, diżappunt, kburija, u spirtu kritiku biex iżomm in-nagħaġ individwali ’l bogħod mill-merħla (Efesin 4:30–31; 1 Pietru 2:1; Kolossin 3:5–10). Imbagħad jattakkahom bl-iskuraġġiment u l-qerq ħalli jelimina kull ħjiel tat-teżor smewwieti li l-iżolat ikun akkumula għalih innifsu (Mattew 6:20; 10:41; Luqa 12:33; Rivelazzjoni 22:12). Għad inqattgħu l-eternità sħiħa nqimu flimkien mal-qaddisin t’Alla. Vallapena nitgħallmu ngawdu lil xulxin minn issa.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’hemm ħażin filli bħala Kristjan infendi għal rasi?
© Copyright Got Questions Ministries