Mistoqsija
X’inhi l-grazzja salvivika?
Tweġiba
Bħala idjoma, “il-grazzja salvivika” tirreferi għal dik il-kwalità feddejja li tagħmel persuna jew ħaġa aċċettabbli. Iżda din mhijiex it-tifsira biblika. Il-kelma “grazzja” fil-Bibbja tfisser “assistenza divina u bla mistħoqqa mogħtija lill-bnedmin għar-riġenerazzjoni jew it-taqdis tagħhom,” jew, “il-benevolenza t’Alla lejn nies ma ħaqqhomx.” Biblikament “grazzja salvivika” hi l-grazzja t’Alla li ssalva persuna.
L-Iskrittura tgħid illi l-grazzja, il-favur mhux meritat tal-Mulej, hi neċessarja għaliex bl-opri tal-liġi ebda bniedem ma jkun ġustifikat quddiemu (Rumani 3:20). L-uniku mod kif nirċievu l-grazzja salvivika t’Alla hu permezz tal-fidi fi Kristu. “Imma issa, apparti l-liġi, il-ġustizzja t’Alla hi manifestata, mixhuda mil-Liġi u l-Profeti, iva, il-ġustizzja t’Alla permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu għal dawk kollha li jemmnu” (Rumani 3:21-22).
Appena Alla jaħfrilna u jsalvana jibda jqaddisna, proċess li bih jikkonformana għall-immaġni ta’ Kristu. Fil-mument tas-salvazzjoni, bil-grazzja permezz tal-fidi, Alla jagħmilna ħlejjaq ġodda (2 Korintin 5:17). U jwiegħed illi qatt ma jabbanduna lil uliedu: “billi jien kunfidenti minn din l-istess ħaġa, illi dak li beda xogħol tajjeb fikom għad itemmu sal-jum ta’ Kristu Ġesù” (Filippin 1:6).
M’għandna xejn fina nfusna illi jirrikkmandana quddiem Alla (Rumani 3:10-11). M’għandna ebda “grazzja salvivika” fina nfusha. Billi fondamentalment aħna inaċċettabbli quddiem Alla, nistaqsu flimkien mad-dixxipli oriġinali ta’ Ġesù, “Mela kif nistgħu nsalvaw?” It-tweġiba ta’ Ġesù tassigurana immensament: “Dak li hu impossibbli għall-bnedmin hu possibbli għal Alla” (Luqa 18:26-27). Is-salvazzjoni hi ħidmet Alla. Jagħtina u jfornina bil-grazzja li neħtieġu. Il-grazzja salvivika tagħna hi fi Kristu nnifsu. Isalvana bil-mewt tiegħu fuq is-salib, mhux bil-mertu tagħna.
Faċli nimmaġinaw illi bil-fidi tagħna aħna nikkontribwixxu b’xi mod żgħir għas-salvazzjoni tagħna. Wara kollox, il-mertu ta’ Kristu jeħtieġ ikun applikat minna bil-fidi, u jidher li l-fidi tiġi minna. Iżda Rumani 3:10-12 jgħid illi ħadd minna ma jfittex lil Alla. U Efesin 2:8 jgħid, “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla.” Ebrej 12:2 jgħid illi Ġesù hu l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi tagħna. Il-grazzja salvivika t’Alla hi kompletament l-għotja tiegħu. Imqar l-abbiltà tagħna biex naċċettaw il-grazzja salvivika tiegħu hi wkoll għotja lilna mingħand Alla.
English
X’inhi l-grazzja salvivika?