Mistoqsija
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhi l-manswetudni?
Tweġiba
Galatin 5:22-23 jgħid li l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina biex inkunu nixbhu aktar lil Kristu (Efesin 4:14-16). Parti mill-frott, jew riżultati, ta’ dik il-ħidma hi l-manswetudni. Il-manswetudni, tradotta wkoll “ġentilezza,” ma tfissirx debbolizza. Aktarx, tinvolvi l-umiltà u r-radd il-ħajr lejn Alla, u mġiba edukata, u mrażżna lejn ħaddieħor. L-oppost tal-manswetudni huma r-rabja, xewqa għall-vendetta, u tkabbir tal-personalità tiegħek.
Biex wieħed ikun tabilħaqq manswet irid ikun persuna soda. Henry Wadsworth Longfellow jagħtina illustrazzjoni mill-isbaħ tal-manswetudni fil-poeżija tiegħu, Il-Ħaddied tar-Raħal. Il-karattru prinċipali fiha hu deskritt b’dal-mod:
Il-ħaddied raġel tant b’saħħtu,
Muskolati w kbar l-idejn;
Driegħ mibrum u magħqud għandu,
Bħallikieku tal-ħadid.
Madankollu, fil-knisja, hekk kif jisma’ lil bintu tkanta għanja, il-ħaddied jinġarr mill-emozzjoni, “U b’idu iebsa u ħarxa jimsaħ xi demgħa minn għajnejh.” Din hi l-manswetudni: il-qawwa ristretta, l-umiltà u l-grazzja.
Alla jridna ngħaddulu l-kontroll ta’ ħajjitna. Jekk niddependu fuq il-loġika tagħna, mhux se jkollna ħajra nissottomettu għat-tmexxija t’Alla. Madankollu, bl-għerf mogħti lilna mill-Ispirtu s-Santu, nibdew nindunaw għala jmissna nissottomettu kompletament għall-Mulej f’ħajjitna. Il-potenza umana taħt il-kontroll uman hi arma nofsha mkissra f’idejn tifel ċkejken. Iżda l-manswetudni tpoġġi l-qawwa tagħna taħt il-gwida t’Alla; hija għodda potenti għal saltnatu.
Kull individwu hu qawwi. Nistgħu nlissnu kliem li jinfluwenza lill-oħrajn. Nistgħu naġixxu f’modi li ngħinu jew inweġġgħu. Nistgħu nagħżlu liema influwenzi nħalluhom jinformaw kliemna jew l-azzjonijet tagħna. Il-manswetudni ġġiegħel u tidderieġi dik il-qawwa. Tkun manswet ifisser tirrikonoxxi li l-mogħdijiet u l-ħsibijiet t’Alla huma wisq ogħla minn tagħna (Isaija 55:9). Hi umiltà tirrealizza illi l-veduti tagħna huma msawra minn kemm inkunu affettwati mid-dnub u mill-interpretazzjoni żbaljata tal-esperjenza. Hi li taċċetta l-veduta t’Alla li tirrifletti l-verità dwar id-dinjiet spiritwali u materjali.
Hu vantaġġ favur tagħna li jkollna attitudni mansweta lejn Alla għaliex hu omnixjenti u aħna m’aħniex. “Fejn kont int meta jiena sejjist l-art?” Alla sfida lil Ġobb “Għidli, jekk int għandek daqshekk dehen” (Ġobb 38:4). Alla jaf kollox dwar il-passat, preżent, u l-futur (1 Ġwanni 3:20); aħna lanqas biss kapaċi naqtgħu r-rapport tat-temp. Bħal adolexxenti nervuż mal-ġenituri tiegħu, abbli ngħajtu, “Int ma tifhimx!” Imma Alla jifhem, wisq aktar milli naħsbu (Salmi 44:21).
Meta nkunu mimlija bil-frott tal-Ispirtu, bil-manswetudni, nikkoreġu lill-oħrajn b’ċerta faċilità minflok nargumentaw bil-mibegħda u r-rabja, għax nafu li s-salvazzjoni tagħhom hi wisq aktar importanti mill-kburija tagħna (2 Timotju 2:24-25). Se naħfru faċilment, għaliex kull offiża kontrina mhi xejn meta mqabbla mal-offiżi tagħna kontra Alla - offiżi li diġà ħafirhom (Mattew 18:23-35). Il-kompetizzjoni u s-settarjaniżmu jisparixxu, hekk kif l-għan jibda jsir inqas u inqas dwarna nfusna u aktar dwar li nippritkaw l-evanġelju (Filippin 1:15-18). Ġwanni l-Battista kien predikatur itajjar in-nar, madankollu wera manswetudni vera meta qal illi Ġesù “jeħtieġ jikber, imma jien nonqos” (Ġwanni 3:30).
Il-manswetudni tfisser ukoll li nċedi d-dritt li niġġudika x’inhu tajjeb għalija jew għall-oħrajn. Alla mhuwiex ikkonċernat dwar il-kumdità tagħna daqskemm hu kkonċernat dwar il-kobor spirtwali fina. Jaf kif għandu jkabbarna wisq aħjar minna. Il-manswetudni tfisser li naċċettaw li x-xita tinżel kemm fuq il-ħżiena kif ukoll fuq it-tajbin, u li Alla biex jilħaq qlubna u l-qlub tal-oħrajn jista’ juża metodi li ma jogħġbuniex.
Fl-aħħar nett, tgħix fi spirtu manswet lejn Alla jfisser taċċetta l-ġudizzju tiegħu dwar in-nies u l-kwestjonijiet kollha. Għandna ħabta naħsbu illi qed inkunu ġentili meta nimxu bil-mod man-nies u nipprovaw niġġustifikaw dak li Alla jsejjaħlu dnub. Inkella li nħallu ’l xi ħadd ikompli jidneb mingħajr ma nitkellmu l-verità. Però Pawlu jgħid, “Jekk wieħed jinqabad f’xi trasgressjoni, intom l-ispiritwali jmisskom tirrestawraw lit-tali bi spirtu ta’ manswetudini; biss ħares lilek innifsek, li ma tkunx imġarrab int ukoll” (Galatin 6:1). Dan ma jfissirx li tant inkunu rotob illi l-midneb ma jindunax li dineb. Ifisser li tfarraġ lil ħuk kif inhu muri fl-Iskrittura - bil-ħlewwa, bl-imħabba, billi tinkuraġġih u tkun ċar dwar il-qdusija li għaliha jsejħilna Alla.
Ġesù tana l-istampa perfetta tal-manswetudni: “Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, manswet u riekeb fuq ħmara” (Mattew 21:5), u issa joffrilna l-manswetudni tiegħu bħala rigal. Jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxina, nimtlew bil-frott tal-manswetudni.
English
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhi l-manswetudni?