settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu l-frott tal-Ispirtu s-Santu?

Tweġiba


Galatin 5:22-23 jgħidilna, “Imma l-frott tal-Ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, is-sliem, il-paċenzja, il-benevolenza, it-tjieba, il-fedeltà, il-manswetudini u l-awtokontroll.” Il-frott tal-Ispirtu huwa r-riżultat tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Kristjan. Il-Bibbja tagħmilha ċara illi kull min jemmen fi Kristu Ġesù jirċievi l-Ispirtu s-Santu f’dak il-preċiż mument (Rumani 8:9; 1 Korintin 12:13; Efesin 1:13-14). Wieħed mill-għanijiet prinċipali li l-Ispirtu s-Santu jiġi fil-ħajja tal-Kristjan hu biex jibdel dik il-ħajja. Huwa xogħol l-Ispirtu s-Santu li jikkonformana mal-immaġni ta’ Kristu, u jagħmilna aktar nixbhuh.

Il-frott tal-Ispirtu s-Santu hu f’kuntrast dirett mal-għemejjel tan-natura midinba fil-Galatin 5:19-21, “Issa l-atti tal-laħam huma evidenti, li huma: iż-żena, l-impurità, id-deboxxaġni, l-idolatrija, is-seħer, l-għadwiet, il-ġlied, il-ġelosija, l-għadbiet, ir-rivalitajiet, id-dissensi, il-fazzjonijiet, l-għira, is-sokor, l-orġji u l-ħwejjeġ jixbhu ’l dawn, li nwissikom, bħalma wissejtkom minn qabel, illi dawk li jipprattikaw it-tali ħwejjeġ mhumiex se jirtu saltnet Alla.” Dal-passaġġ jiddeskrivi l-bnedmin kollha, xi ftit jew wisq, li ma jafux lil Kristu u għaldaqstant mhumiex taħt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Il-laħam midneb tagħna jipproduċi ċertu tip ta’ frott li jirrifletti n-natura tagħna, u l-Ispirtu s-Santu jipproduċi tipi ta’ frott li jirrifletti n-natura tiegħu.

Il-ħajja Kristjana hi taqbida bejn in-natura midinba u n-natura ġdida mogħtija minn Kristu (2 Korintin 5:17). Billi aħna bnedmin mwaqqa’, għadna maqbudin f’ġisem li jixxennaq għal dak li hu midneb (Rumani 7:14-25). Bħala Kristjani, għandna l-Ispirtu s-Santu qed jipproduċi fina l-frott tiegħu u għandna l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu disponibbli biex nikkonkwistaw l-għemejjel tan-natura midinba (2 Korintin 5:17; Filippin 4:13). Kristjan qatt mhu se jkun kompletament vittorjuż filli jagħti evidenza tal-frott tal-Ispirtu s-Santu. Madankollu, wieħed mill-iskopijiet tal-ħajja Kristjana hu li progressivament tippermetti l-Ispirtu s-Santu jipproduċi aktar u aktar frott minn tiegħu f’ħajjitna - u li tħalli l-Ispirtu s-Santu jegħleb ix-xewqat midinba. Il-frott tal-Ispirtu s-Santu hu dak li Alla jixtieq li ħajjitna jesibixxu u, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, dan possibbli!

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu l-frott tal-Ispirtu s-Santu?
© Copyright Got Questions Ministries