Mistoqsija
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhi l-paċenzja?
Tweġiba
Fil-Patt il-Ġdid insibu żewġ kelmiet Griegi tradotti “paċenzja.” Hupomonē tfisser “toqgħod taħt,” bħal meta wieħed iżomm sħiħ taħt xi toqol. Tirreferi għall-kostanza f’ċirkostanzi diffiċli. Makrothumia, użata fil-Galatin 5:22, hi kelma fformata minn makros (“kostanza”) u thumos (“passjoni” jew “dispożizzjoni”). Il-“paċenzja” fil-Galatin 5:22 litteralment tfisser “tissaporti fit-tul,” fis-sens li hija “l-abbiltà li tikkontrolla t-tempra jew is-sabar tiegħek għal tul ta’ żmien.” Persuna paċenzjuża kapaċi ġġarrab ħafna wġigħ u tbatija mingħajr ma tilmenta. Iddum ma tinkorla hekk kif tistenna ’l Alla jipprovdilha l-faraġ u jikkastiga l-għemil ħażin. Billi hi frott tal-Ispirtu, il-makrothumia tkun tagħna biss permezz tal-qawwa u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna.
Il-paċenzja tiġi minn post ta’ qawwa. Persuna abbli jkollha l-abbiltà li tivvendika ruħha jew taqla’ l-inkwiet, imma l-paċenzja ġġib l-awtokontroll u l-ħsieb kwiet. Meta titlef il-paċenzja hu sinjal ta’ dgħufija. Inkunu paċenzjużi f’sitwazzjonijiet diffiċli minħabba t-tama ta’ ħelsien futur li ġej; nuru paċenzja ma’ xi ħadd diffiċli. Nagħżlu li nħobbu t-tali persuna u nixtiqulu l-aħjar għalih.
Hekk kif l-Ispirtu jipproduċi l-paċenzja fina, qed jagħmilna aktar nixbhu ’l Kristu. It-2 Tessalonkin 3:5 jitkellem dwar “il-kostanza tal-Kristu.” Anke bħalissa, Kristu qed jistenna bis-sabar it-twettiq tal-pjan tal-Missier: wara li Ġesù “offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem, poġġa fuq il-leminija t’Alla, għalliġej jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes għal saqajh” (Ebrej 10:12-13). Imissna nkunu paċenzjużi, bħalma hu paċenzjuż.
Alla paċenzjuż mal-midinbin. Rumani 2:4 jgħid li l-paċenzja t’Alla maħsuba biex tmexxina għall-indiema. Rumani 9:22 jippontana lejn il-fatt li l-paċenzja t’Alla żżommu lura milli jeqred “ir-reċipjenti tar-rabja tiegħu.” Pawlu jigglorifika s-Sid għall-paċenzja kollha tiegħu li salvat lilu, “il-midneb ewlieni” (1 Timotju 1:16). Pietru jenfasizza l-paċenzja t’Alla fl-1 Pietru 3:20, u juri kif Alla wera paċenzja immensa man-nies ħżiena fi żmien Noè, billi ttardja kemm jista’ jkun il-ġudizzju tiegħu (Ġenesi 6). Illum, “il-paċenzja tas-Sid tagħti ċ-ċans lin-nies ikunu salvati” (2 Pietru 3:15).
Ġakbu jħeġġeġ lill-fidili biex ikunu paċenzjużi u ma jilmentawx sal-miġja tas-Sid. Jippreżenta lill-profeti bħala mudelli tal-paċenzja (Ġakbu 5:7-11). Il-profeti tal-Patt il-Qadim tkellmu kontinwament il-Kelma t’Alla lill-udjenzi abbużivi u li ma ridux jisimgħu. Ġeremija kien mitfugħ ġo bir (Ġeremija 38:1-16), Elija tant għejja fit-taqbida ma’ Ġeżebel li xtaq imut (1 Slaten 19:1-8), u Danjel kien mixħut fil-ħofra tal-iljuni - minn sultan li kien ħabibu (Danjel 6:16-28). Waqt li Alla dewwem il-ġudizzju, Noè profetizza l-qirda li kienet ġejja, u f’120 sena ma kellux konvertit wieħed (2 Pietru 2:5).
L-oppost tal-paċenzja hi l-aġitazzjoni, l-iskuraġġiment, u x-xewqa għall-ivvendikar. Alla ma jridx li Wliedu jgħixu fl-aġitazzjoni imma fis-sliem (Ġwanni 14:27). Irid ikeċċi l-iskuraġġiment u minfloku jġib it-tama u t-tifħir (Salmi 42:5). M’għandniex nivvendikaw erwieħna, anzi jmissna nħobbu lil oħrajn (Rumani 12:19; Levitiku 19:18).
Alla paċenzjuż, u l-Ispirtu tiegħu jipproduċi l-frott tal-paċenzja fina. Meta nkunu paċenzjużi nkunu qed nagħmlu wisa’ biex Alla jaħdem fi qlubna u fir-relazzjonijiet tagħna. Ħa nċedu l-iskeda tagħna u nafdaw f’dik t’Alla. Inroddu ħajr lil Alla għal dak, u għal min, daħħal f’ħajjitna. Inħallu ’l Alla jkun Alla.
English
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhi l-paċenzja?