Mistoqsija
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X'inhu l-awtokontroll?
Tweġiba
L-aħħar karatteristika fil-Galatin 5:22-23, deskritta bħala frott tal-Ispirtu, hi l-awtokontroll. Il-frott tal-Ispirtu hu l-bidla fil-karattru tagħna li tiġi riżultat tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina. Aħna ma nsirux Kristjani bis-saħħa tagħna, u lanqas nistgħu nikbru waħidna. Filippin 2:13 jgħid li “Alla hu dak li qed jopera fikom kemm ir-rieda kif ukoll l-aġir għall-għoġba tiegħu.” Kwalunkwe ħaġa tajba li nagħmlu hi frott tax-xogħol tal-Ispirtu f’ħajjitna.
L-awtokontroll, jew rażna fuqna nfusna, ovvjament, hi l-abbiltà li tikkontrolla lilek innifsek. Tinvolvi l-moderazzjoni, restrizzjoni, u l-kapaċità li tgħid “le” għax-xewqat baxxi u l-passjonijiet karnali tagħna.
Waħda mill-provi li Alla qed jaħdem f’ħajjitna hi l-abbiltà li nikkontrollaw ħsibijietna, id-diskors tagħna, u azzjonijietna. Mhux għax aħna min-natura għandna rieda fjakka. Però n-natura mwaqqa’ tagħna hi taħt l-influwenza tad-dnub. Il-Bibbja ssejħilha jasar għad-dnub (Rumani 6:6). Definizzjoni waħda tad-dnub hi “li timla bżonn leċitu permezz ta’ mezzi illeċiti.” Mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, m’aħniex kapaċi nkunu nafu u lanqas nagħżlu kif l-aħjar nissodisfaw ħtiġijietna. Anke kieku konna nafu x’suppost l-aħjar, bħal ngħidu aħna t-tipjip, bżonn ieħor, il-kumdità, tieħu preċedenza u terġa’ tjassarna.
Meta nkunu salvati permezz tas-sagrifiċċju ta’ Kristu nkunu ħielsa (Galatin 5:1). Dik il-libertà tinkludi, fost affarijiet oħra, il-ħelsien mid-dnub. “Il-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, sabiex jinqered il-ġisem tad-dnub, ħalli ma nitjassrux iżjed għad-dnub” (Rumani 6:6). Issa, hekk kif l-Ispirtu jagħtina s-setgħa, nirrifjutaw id-dnub.
Il-fidili jeħtieġu l-awtokontroll għaliex id-dinja hemm barra u l-forzi interni ikomplu jattakkaw (Rumani 7:21-25). Bħal belt vulnerabbli, neħtieġu d-difiżi. Sur madwar belt qadima kien iddisinjat biex iżomm l-għadu barra. Bewwieba max-xtabi kienu jiddeċiedu min seta’ jitħalla jidħol u min kellu jibqa’ barra. Is-suldati u x-xtabi kienu jinforzaw dawk id-deċiżjonijiet. F’ħajjitna, dawn id-difiżi abbli jinkludu li nevitaw relazzjonijiet fil-qrib mal-midinbin, laqgħat ma’ fidili oħra, u l-meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla li tagħti l-ħajja. M’aħniex se nuru l-awtokontroll jekk kontinwament nibqgħu nilagħbu ma’ dak li jħallina fil-jasar.
L-awtokontroll naturalment iwassal għall-perseveranza (2 Pietru 1:6) hekk kif nistmaw it-tajjeb li jiġi maż-żmien minflok il-gratifikazzjoni istantanja tad-dinja. L-awtokontroll hu don li jilliberana. Jeħlisna biex ingawdu l-benefiċċji ta’ ġisem san. Jilliberana biex inkunu nistgħu nistrieħu fis-sigurtà ta’ amministrazzjoni tajba. Jilliberana wkoll minn kuxjenza ħatja. L-awtokontroll jirrestrinġi l-prattika tax-xewqat boloħ tagħna, u nsibu l-libertà biex inħobbu u ngħixu kif oriġinarjament kien pjanat għalina.
English
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X'inhu l-awtokontroll?