settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser il-fidwa ta’ Kristu?

Tweġiba


Kull bniedem jeħtieġ il-fidwa. Il-kondizzjoni naturali tagħna hi mgħaddsa fil-ħtija, għax ilkoll kemm aħna dnibna u ma żammejniex l-istandard li tana Alla fil-liġi tiegħu (Rumani 3:23). Il-fidwa ta’ Kristu teħlisna mill-ħtija; il-fidili huma ġustifikati b’xejn bil-grazzja t’Alla permezz tal-fidwa li wettaq Kristu bis-salib tiegħu (Rumani 3:24).

Il-benefiċċji tal-fidwa jinkludu l-ħajja eterna (Rivelazzjoni 5:9-10), il-maħfra sħiħa tad-dnubiet (Efesin 1:7), qagħda ġusta quddiem Alla (Rumani 5:17), il-ħelsien mis-saħta tal-liġi miksura (Galatin 3:13), l-adozzjoni fil-familja t’Alla (Galatin 4:5), is-salvataġġ mill-jasar għad-dnub (Titu 2:14; 1 Pietru 1:14-18), is-sliem m’Alla (Kolossin 1:18-20), u l-għotja tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fi qlubna (1 Korintin 6:19-20). Tkun mifdi, allura, tfisser tkun maħfur, qaddis, ġustifikat, ħieles, adottat u rikonċiljat. Ara wkoll Salm 130:7-8; Luqa 2:38 u Atti 20:28.

Il-kelma “feda” tfisser “xtara,” jew “xtara ’l barra.” Kienet tintuża speċifikament għal meta xi lsir kien jinxtara u allura jinħeles mill-iskjavitù tiegħu. L-applikazzjoni tal-fidwa għall-mewt ta’ Kristu fuq is-salib hi impressjonanti ħafna. Jekk aħna “mifdija,” allura l-qagħda preċedenti tagħna kienet waħda ta’ jasar. Alla ħallas għal-libertà tagħna, u issa l-fidili m’għadhomx fil-jasar tad-dnub jew taħt il-kundanna tal-liġi. L-użu metaforiku tal-fidwa nsibuh fil-Galatin 3:13 u 4:5.

Il-kelma “riskatt” hi relatata mal-konċett tal-fidwa. Ġesù ħallas il-prezz għar-rilaxximent jew ħelsien tagħna mid-dnub u l-kastig tiegħu (Mattew 20:28; 1 Timotju 2:6). Miet biex ma mmutux aħna, ċoè biex ma nispiċċawx f’mewt eterna fl-infern. Difatti, il-Bibbja hi ċara ħafna illi l-fidwa hi possibbli biss b’demmu, voldiri bil-mewt tiegħu (Kolossin 1:14).

Il-ġenna se tkun mimlija b’erwieħ li qabel kienu kkaptivati għad-dnub u bla ebda mertu daparti tagħhom, imma li huma mifdija, maħfura u meħlusa minn Kristu. L-iskjavi għad-dnub isiru qaddisin. Mhux għaġeb illi se nkantaw kanzunetta ġdida – kanzunetta ta’ tifħir lill-Feddej li darba nqatel minħabba niesu (Rivelazzjoni 5:9). Konna lsiera għad-dnub, ikkundannati għall-firda eterna minn m’Alla. Ġesù ħallas il-prezz jew riskatt biex jifdina. Ir-riżultat huwa l-ħelsien mill-jasar għall-ħażen u d-dnub; m’għadniex fil-periklu ta’ kundanna eterna minħabba d-dnub.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser il-fidwa ta’ Kristu?
© Copyright Got Questions Ministries