settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi jfisser temmen f’Ġesù?

Tweġiba


Nistgħu nitkellmu dwar afdar f’Ġesù minn diversi angoli. F’sens wieħed, tafda fih ifisser temmen fih għas-salvazzjoni eterna tiegħek (Ġwanni 3:16). Nemmnu min hu – Alla f’sura umana – u nqiegħdu l-fiduċja tagħna fih bħala s-Salvatur. U nemmnu x’għamel – illi miet għal dnubietna u qam minn bejn l-imwiet. Ladarba ma nistgħux insalvaw lilna nfusna mid-dnub u l-mewt (Rumani 3:10-20), nafdaw fih biex isalvana hu (Ġwanni 11:25). Ma nistgħux nirċievu l-ħajja eterna għal dejjem fil-preżenza t’Alla qabel ma nkunu afdajna f’Ġesù bħala l-Feddej u naċċettaw il-maħfra tiegħu (Efesin 1:7).

Sussegwentement għas-salvazzjoni, tafda f'Ġesù jfisser tikkommetti jew tiddedika ħajtek totalment għalih. Appena nitwieldu mill-ġdid insiru segwaċi ta’ Kristu. Bħala dixxipli tiegħu nqiegħdu l-konfidenza kompluta tagħna fih u f’Kelmtu. Tafda f’Ġesù jfisser temmen kwalunkwe tagħlim li għaddielna u taċċetta Kelmtu bħala verità. “Għalhekk Ġesù qal lil-Lhud li kienu emmnuh, ‘Jekk intom tibqgħu fil-kelma tiegħi, intom verament dixxipli tiegħi, u għad tkunu tafu l-verità, u l-verità se tilliberakom’” (Ġwanni 8:31-32). Aktar ma nkunu nafu u ngħammru fit-tagħlim tiegħu, aktar se nobduh, u aktar tikber il-konfidenza tagħna fih hekk kif nesperjenzaw il-ħelsien fih.

Wegħda affidabbli li Ġesù ħallielna hi illi min jirrikorri għandu jsib il-mistrieħ. “Ejjew għandi, intom ilkoll li titħabtu u tinsabu mgħobbijin, u jien se nserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom, u tgħallmu minni, għax jien manswet u umli fil-qalb, u ‘se ssibu l-mistrieħ għall-erwieħ tagħkom.’ Għax il-madmad tiegħi faċli, u t-tagħbija tiegħi hi ħafifa” (Mattew 11:28-30). Il-madmad tal-injam kien użat biex żewġ barrin jimxu ma’ xulxin, jiġbdu flimkien u jkunu effettivi f’xogħolhom. Fiż-żmien meta Ġesù qal dal-kliem, il-bdiewa kienu sikwit jorbtu annimal bla esperjenza u vigoruż ma’ annimal ixjeħ u aktar dixxiplinat. L-annimal bla esperjenza jitgħallem minn sieħbu, u l-ieħor jikseb benefiċċju biex tinġarr it-tagħbija.

Il-mistrieħ, mod ieħor kif tesprimi afdar, hu stat li fih immilu fuq Ġesù għas-saħħa u nitgħallmu mingħandu. Jaqsam it-tagħbija magħna aħna u nivvjaġġaw. Meta nkunu għajjiena jew imtaqqla żżejjed, nersqu qribu u nsibu rpoż għal ruħna. B’dan il-mod, nafdaw f’Ġesù, billi niddependu fuqu għal kwalunkwe bżonn f’ħajjitna, speċjalment meta nkunu eżawriti u mitluqin. Ġesù hu l-irpoż tal-fidili tiegħu (Ebrej 4:1-11).

Ġesù jifhem dgħufijietna u jaf illi se nissaraw biex nafdaw fih. Minħabba f’hekk l-Iskrittura tgħid, “Tkunu ansjużi dwar xejn, anzi f’kollox, bit-talb u bis-suppliki mar-ringrazzjamenti, ħallu r-rikjesti tagħkom ikunu mgħarrfin lil Alla. U s-sliem t’Alla, li jissupera kull fehma, se jgħassilkom qlubkom u mħuħkom fi Kristu Ġesù” (Filippin 4:6-7). Meta nersqu lejn Alla bi qlub ansjużi fit-talb, hu joffrilna s-sliem. Il-preżenza tiegħu tagħtina l-paċi. Il-pass ma jgħidilniex illi dejjem se jagħtina x’nitolbu, iżda jwiegħed is-sliem illi jgħasses fuq qlubna u mħuħna. Tafda f’Ġesù jfisser tersaq lejh bil-fidi u temmen illi hu tajjeb u affidabbli, kif ukoll għandu pjan tajjeb għal ħajjitna u l-futur tagħna. M’għandniex għalfejn ninkwetaw dwar l-għada. Meta nafdaw fih, iferra’ l-paċi tiegħu fina.

L-afdar tagħna f’Ġesù jikber bl-esperjenza (2 Korintin 1:10), aħna u naraw lil Alla jaħdem kollox f’ħajjitna – kemm il-ġid u d-deni – għall-għan finali tiegħu (Rumani 8:28). Ġesù jridna ngħixu jum wara jum bil-fidi fih (2 Korintin 5:7; Galatin 2:20). Hekk il-ħajja Kristjana ssir test u opportunità biex nafdawh. “Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju, billi tafu illi l-ipprovar tal-fidi tagħkom jiżviluppa l-perseveranza. U ħa jkollha l-perseveranza r-riżultat perfett tagħha, sabiex tkunu perfetti u kompluti, bla ma jonqoskom xejn” (Ġakbu 1:2-4).

Ġesù jgħidilna, “Tħallux qalbkom tkun iddisturbata; afdaw f’Alla; afdaw ukoll fija” (Ġwanni 14:1). Nistgħu nkunu nafu illi jħobbna u jwiegħed illi jibqa’ dejjem magħna (Mattew 28:20), iżda ma nistgħux narawh. Matul staġuni ta’ gwaj, jistgħu jidħlu d-dubju u biża’ u jagħmluhielna diffiċli napplikaw dan it-tagħrif. Pietru jinkuraġġina illi nistgħu nafdaw f’Ġesù mqar meta ma narawhx bl-għajnejn fiżiċi. “B’dan teżultaw bil-kif, avolja għal ftit ħin bħalissa, jekk hu meħtieġ, tnikkittu b’tiġrib varju, sabiex il-prova tal-fidi tagħkom – iżjed prezzjuża mid-deheb, li jinqered allavolja hu ttestjat bin-nar – tinstab ġenwina u tirriżulta għat-tifħir u l-glorja u l-unur fir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li għalkemm ma rajtuhx, tħobbuh, u għalkemm bħalissa ma tarawhx, imma temmnu fih u teżultaw b’ferħ inesprimibbli u glorjuż, filwaqt li tottienu r-riżultat tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni t’erwieħkom” (1 Pietru 1:6-9).

Avolja ma narawhx fiżikament, l-Ispirtu s-Santu jagħmilna kapaċi naraw lil Ġesù bl-għajnejn ta’ qalbna (Efesin 1:18-20). Finalment, il-fatt li ma nistgħux narawh bħalissa jagħmel l-afdar tagħna aktar sikur. Minħabba f’hekk Ġesù jgħid, “Imberkin dawk li ma rawx u madankollu emmnu” (Ġwanni 20:29).

L-appostlu Pawlu esprima ruħu tajjeb ferm meta fissrilna x’jiġifieri tafda f’Ġesù: “Għax l-afflizzjoni ħafifa u mumentanja tagħna qed tipproduċi għalina toqol etern ta’ glorja lil hinn minn kull paragun, filwaqt li aħna nħarsu mhux lejn il-ħwejjeġ viżibbli, iżda lejn il-ħwejjeġ inviżibbli, għax il-ħwejjeġ viżibbli huma temporanji, imma l-ħwejjeġ inviżibbli huma eterni” (2 Korintin 4:17-18).

Ġesù qed jgħallimna biex nafdawh f’kollox u f’kull żmien, b’qalbna kollha (Proverbji 3:5-6), sabiex il-fidi tagħna tissoda. “Afda fis-Sid għal dejjem, għax is-Sid, is-Sid innifsu, hu l-blata eterna” (Isaija 26:4). Aħna u nitgħallmu nafdawh iżjed, nidentifikaw ruħna aktar mad-deskrizzjoni tas-salmista tal-fidil mistrieħ f’dirgħajn il-Mulej: “Żgurament jien taffejt u kkwitajt lil ruħi, bħal tifel miftum m’ommu; bħal tifel miftum hi ruħi ġewwa fija” (Salm 131:2).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi jfisser temmen f’Ġesù?
© Copyright Got Questions Ministries