settings icon
share icon
Mistoqsija

X’tgħid il-Bibbja dwar l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit?

Tweġiba


L-ewtanasja, li kultant tissejjaħ “mercy killing,” hija kwistjoni diffiċli u sensittiva. Fuq naħa, ma rridux nieħdu l-ħajja ta’ persuna b’idejna u ntemmuha qabel iż-żmien. Min-naħa l-oħra, ma rridux intawlu l-proċess tal-mewt aktar milli meħtieġ—jiġifieri, irridu nħarsu l-ħajja, imma ma nġebbdux il-proċess tal-mewt. Meta għandna nħallu li wieħed imut u ma nagħmlu xejn aktar biex intawlulu ħajtu?

Is-suwiċidju assistit hu suġġett jixbaħ l-ewtanasja. F’dan il-każ, min ifittex suwiċidju assistit jagħmel l-ewtanasja lilu nnifsu bl-għajnuna ta’ ħaddieħor, sabiex jiżgura mewta malajr u bla tbatija. Il-persuna li tassisti għas-suwiċidju tagħmel il-preparazzjonijiet u tipprovdi t-tagħmir meħtieġ; imma l-proċess jinbeda u hu mitlub minn dak li jixtieq imut. Peress li ma jieħux sehem dirett fil-qtil, l-assistent jevita akkużi ta’ omiċidju. Dawk li jappoġġjaw is-suwiċidju assistit jipprovaw jagħtuh interpretazzjoni pożittiva billi jużaw termini bħal “mewt b’dinjità.” Imma “mewt b’dinjità” xorta waħda tibqa’ mewt, “suwiċidju assistit” jibqa’ suwiċidju, u s-suwiċidju huwa ħażin.

Qed ngħixu fi żmien li xi wħud jiddeskrivuh bħala "kultura tal-mewt.” L-abort “on demand’ ilu pprattikat f’ħafna pajjiżi għal għexieren ta’ snin. Issa hemm min qed jipproponi bis-serjetà l-infantiċidju. U l-ewtanasja qed tiġi promossa bħala mezz validu biex jissolvew problemi soċjali u finanzjarji. L-enfasi fuq il-mewt bħala tweġiba għall-problemi tad-dinja hija ċ-ċaħda tal-mudell bibliku. Skont il-Bibbja, il-mewt hija għadu (1 Korintin 15:26). Il-ħajja hija rigal sagru mingħand Alla (Ġenesi 2:7). Meta ta l-għażla lil Iżrael bejn il-ħajja u l-mewt, Alla qalilhom biex “jagħżel il-ħajja” (Dewteronomju 30:19). L-ewtanasja tirrifjuta r-rigal u tagħżel is-saħta.

Il-verità fondamentali li Alla huwa sovran twassalna għall-konklużjoni li l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma moralment ħżiena. Nafu li l-mewt fiżika hija inevitabbli għalina l-bnedmin (Salm 89:48; Lhud 9:27). Madankollu, Alla biss huwa sovran fuq meta u kif isseħħ il-mewt ta’ persuna. Ġobb jixhed f’Ġobb 30:23, “Għax jien naf li int twassalni sal-mewt, għall-post maħtur għall-ħajjin kollha.” Ekkleżjażti 8:8 jiddikjara, “M'hemm ħadd li għandu s-setgħa fuq nifs il-ħajja biex iżommu, jew setgħa fuq jum il-mewt.” Alla għandu l-aħħar kelma fuq il-mewt (ara l-1 Korintin 15:26, 54–56; Ebrej 2:9, 14–15; Rivelazzjoni 21:4). L-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma tentattivi tal-bniedem biex jisraq dik l-awtorità mingħand Alla.

Il-mewt tiġri b’mod naturali. Kultant Alla jippermetti li wieħed ibati għal żmien twil qabel imut; drabi oħra, it-tbatija tintemm malajr. Ħadd ma jieħu pjaċir bit-tbatija, imma dan ma jfissirx li nistgħu nieħdu d-deċiżjoni li ntemmu l-ħajja. Ħafna drabi, l-iskopijiet ta’ Alla jidhru proprju fit-tbatija. “F’jum il-hena, thenna, iżda f’jum in-niket, ikkonsidra li Alla għamel kemm wieħed kif ukoll l-ieħor” (Ekkleżjażti 7:14). Rumani 5:3 jgħallimna li t-tribulazzjonijiet iwasslu għall-perseveranza. Alla jimpurtah minn dawk li jixtiequ l-mewt sabiex jeħilsu mit-tbatija tagħhom. Alla jagħtihom skop fil-ħajja, anke sat-tmiem. Alla biss jaf x’inhu l-aħjar, u ż-żmien tiegħu, inkluż il-mument tal-mewt ta’ kull bniedem, huwa perfett.

Qatt m’għandna nfittxu li ntemmu ħajja qabel iż-żmien, imma lanqas m’għandna mmorru għall-mezzi straordinarji biex inġebbdu l-ħajja. Li nikkawżaw il-mewt b’mod attiv huwa ħażin; li ma nagħtux il-kura b’mod passiv jista’ jkun ħażin ukoll; imma li nħallu l-mewt sseħħ b’mod naturali f’persuna b’mard terminali mhux bilfors ħażin. Kull min jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ sitwazzjoni bħal din għandu jitlob ’l Alla għall-għerf (Ġakbu 1:5) biex jieħu deċiżjoni tajba. Tajjeb niftakru kliem l-eks Kirurgu Ġenerali, C. Everett Koop, li wissa li l-professjoni medika “ma tistax tkun kemm il-fejjieq kif ukoll il-qattiel tagħna” (minn KOOP, The Memoirs of America's Family Doctor, minn C. Everett Koop, M.D., Random House, 1991).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’tgħid il-Bibbja dwar l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit?
© Copyright Got Questions Ministries