settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu essenzjalment il-messaġġ tal-evanġelju?

Tweġiba


Il-kelma “vanġelu” tfisser “aħbar tajba,” il-messaġġ tal-maħfra għad-dnub permezz tat-tpattija li wettaq Kristu fuq is-salib. Huwa l-pjan ta’ salvataġġ, imfassal minn Alla nnifsu, għall-fidwa ta’ dawk kollha li jafdaw fl-Iben divin tiegħu sabiex ikunu rikonċiljati ma’ Alla qaddis u ġust. Il-kontenut essenzjali tal-evanġelju hu preżentat ċar fl-Iskrittura Mqaddsa.

Fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, l-appostlu Pawlu jagħmel preżentazzjoni sempliċi u qawwija tal-evanġelju. “Issa ngħarrafkom, l-aħwa, l-evanġelju li pritkajtilkom, li wkoll irċevejtu, li fih tinsabu wkoll weqfin, li permezz tiegħu wkoll intom salvati, jekk iżżommu sħiħ il-kelma li pritkajtilkom, altrimenti tkunu emmintu għalxejn. Għax għaddejtilkom bħala primarjament importanti dak li wkoll irċevejt: illi Kristu miet għal dnubietna skont l-Iskritturi, u illi ndifen, u illi kien irxoxtat fit-tielet jum skont l-Iskritturi.”

F’din is-silta naraw tliet elementi essenzjali tal-messaġġ mogħti għas-salvazzjoni tagħna. L-ewwel, il-frażi “miet għal dnubietna” hi importanti ħafna. Bħalma nitgħallmu mir-Rumani 3:23 aħna l-bnedmin kollha rribellajna kontra Alla u ma żammejniex l-istandard etiku mogħti lilna. Ir-realtà tad-dnub jeħtieġ tkun rikonoxxuta minn dawk kollha li javviċinaw lejn it-tron t’Alla għas-salvazzjoni tagħhom. Il-midneb għandu bżonn jistqarr kemm jinsab bla tama, ħati quddiem Alla. Altrimenti ma jirċevix maħfra. Irid jifhem illi l-paga tad-dnub hi l-mewt (Rumani 6:23). Mingħajr din il-verità fondamentali, ebda preżentazzjoni tal-vanġelu mhi kompluta.

It-tieni, il-persuna u l-ħidma ta’ Kristu huma komponenti indispensabbli tal-evanġelju. Ġesù hu kemm Alla veru (Kolossin 2:9) kif ukoll bniedem veru (Ġwanni 1:14). Għex ħajja bla dnub, xi ħaġa li aħna ma stajniex nagħmlu (1 Pietru 2:22), u minħabba f’hekk hu l-uniku wieħed illi seta’ jmut minflok il-midinbin. Id-dnub kontra Alla infinit iddomanda sagrifiċċju infinit. Għalhekk il-bniedem finit ikollu jħallas il-piena; dan jista’ jagħmlu biss b’kastig fl-infern għall-eternità. Jew inkella Kristu infinit iħallas għalih darba għal dejjem – bis-salib tiegħu. Ġesù ħa l-passjoni biex jiskonta d-dejn li niesu għandhom m’Alla minħabba dnubiethom. Dawk li jilqgħu s-sagrifiċċju tiegħu bil-fidi jirtu s-saltna t’Alla u jsiru wliedu (Ġwanni 1:12).

It-tielet, il-qawmien ta’ Kristu hu element essenzjali tal-vanġelu. Ir-resurrezzjoni hi prova tal-qawwa t’Alla. Biss dak li ħalaq il-ħajja kapaċi jerġa’ jroddha wara l-mewt; hu waħdu kapaċi jirriversja l-kruha li fiha l-mewt; hu biss kapaċi jneħħi n-niggieża tal-mewt u jegħleb fuq il-qabar (1 Korintin 15:54-55). Differenti mir-reliġjonijiet l-oħra, il-Kristjaneżmu biss jippossiedi Fondatur illi jittraxxendi l-mewt u jwiegħed lis-segwaċi tiegħu illi jagħtihom ir-rebħa fuqha. Ir-reliġjonijiet l-oħra kienu lkoll mibdija minn bnedmin li jinsabu fil-qabar.

Finalment, Kristu joffri salvazzjoni bħala għotja b’xejn (Rumani 5:15; 6:23). Nirċevuha bil-fidi biss, apparti mill-opri tajba jew merti daparti tagħna (Efesin 2:8-9). Bħalma jgħarrafna l-appostlu Pawlu, “hu s-setgħa t’Alla għas-salvazzjoni ’l kull min jemmen, kemm għal-Lhudi l-ewwel kif ukoll għall-Grieg” (Rumani 1:16). L-istess awtur jgħidilna illi “jekk tistqarr b’fommok li Ġesù huwa s-Sid, u temmen f’qalbek illi Alla qajmu mill-imwiet, se tkun salvat; għax bil-qalb wieħed jemmen għall-ġustifikazzjoni tiegħu, u bil-fomm wieħed jistqarr għas-salvazzjoni” (Rumani 10:9-10).

Dawn, mela, huma l-elementi essenzjali tal-vanġelu: id-dnub tal-bnedmin kollha, il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib biex issir tpattija għad-dnubiet, il-qawmien ta’ Kristu biex jipprovdi l-ħajja eterna għal dawk kollha li jafdawh u jsegwuh, u l-offerta tal-għotja tas-salvazzjoni għal kull min jemmen.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu essenzjalment il-messaġġ tal-evanġelju?
© Copyright Got Questions Ministries