settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu l-evanġeliżmu personali?

Tweġiba


L-evanġeliżmu personali huwa l-att fejn persuna taqsam l-evanġelju ma’ persuna oħra. Hemm diversi metodi ta’ evanġeliżmu personali, u dan suġġett jaħraq fil-Kristjaneżmu. Kotba, lezzjonijiet, u seminars sħaħ huma dedikati għas-suġġett kif wieħed jagħti xhieda, jirbaħ l-erwieħ, u jgħin lil ħaddieħor isib is-salvazzjoni permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu. Mhux kull metodu huwa effettiv jew irrikkmandat mill-Bibbja; skont Dr. John MacArthur, għalliem tal-Bibbja, “Ġesù kien jeħel fil-klassi tal-evanġeliżmu personali kważi f’kull seminarju jew kulleġġ tal-Bibbja li naf bih.”

Skont survey tal-2016 mill-aġenzija Barna, 73 fil-mija tal-Amerikani jikklejmjaw li huma Kristjani. Madankollu, meta ġew applikati testijiet bibliċi għal dawn il-klejms, 31 fil-mija minnhom biss attwalment jikkwalifikaw bħala Kristjani prattikanti. Il-Bibbja ma tirrikonoxxi ebda tip ieħor (Matthew 7:19–21; 1 Ġwanni 3:7–10). Jidher ċar, li dak li ġie kkonsidrat bħala evanġeliżmu personali tul dawn l-aħħar ġenerazzjonijiet ma kienx effettiv.

Meta Ġesù prattika “l-evanġeliżmu personali,” spiss deher qisu qed jagħmilha aktar iebsa għal dawk li wrew interess (Luqa 9:57–62). L-inkontru maż-żagħżugħ għani f’Mattew 19:16–24 hu eżempju tajjeb kif turi lil xi ħadd lil ma jemminx x’jiswa d-dixxipolat veru. Dan it-tip ta’ evanġeliżmu personali huwa rari llum il-ġurnata. Ġesù ma kienx interessat f’dak li llum insibuh bħala “fidi rħisa.” Xi metodi moderni ta’ evanġeliżmu personali tant huma mekkaniċi li s-salvazzjoni hi preżentata kważi qisha xi arranġament tan-negozju: “Għid din it-talba tal-midneb u – abrakatabra! – għandek il-ħajja eterna!” Din l-istedina abbli tipproduċi bosta riżultati. Però wieħed ikollu jistaqsi, hija s-salvazzjoni vera? L-istatistika tal-aġenzija Barna turi mod ieħor.

Pawlu huwa mudell eċċellenti għall-evanġeliżmu. Wara l-konverżjoni radikali tiegħu lejn Kristu (Atti 9), ħajtu nbidlet radikalment. Il-mottu ġdid għal ħajtu kien kontenut f’dan il-kliem minn Galatin 2:20: “Jien imsallab ma’ Kristu; u jien ma ngħixx iżjed, imma Kristu jgħix fija; u l-ħajja li issa ngħix fil-ġisem ngħixha bil-fidi li hi f’Bin Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” Pawlu għex l-evanġeliżmu. Kulma għamel wettqu għall-glorja t’Alla (1 Korintin 10:31). Fittex modi kif iwassal il-verità kull fejn kien imur, fi kwalunkwe kuntest kulturali (1 Korintin 9:20–22). L-appostli l-oħra prattikaw l-evanġelilżmu personali bl-istess mod. Xi drabi kellhom rispons qawwi, u knejjes twaqqfu immedjatament fil-post (Atti 9:35, 42; 11:24). Drabi oħra, l-ewwel Kristjani sfaw imkażbra, imsawta, arrestati, jew mitfugħin ’il barra mir-raħal (2 Korintin 11:23–28; Atti 16:22–23). Mela, anke l-aqwa metodi tal-evanġeliżmu personali mhux dejjem se jipproduċu konverżjonijiet.

Nistgħu nitgħallmu ħafna dwar l-evanġeliżmu personali minn dawk l-ewwel Kristjani. Dawn li ġejjin huma xi fatturi li jikkontribwixxu għall-evanġeliżmu personali effettiv:

It-talb. Kliem sabiħ u diskors appassjonat abbli jċaqilqu lill-individwu, però ma jistgħux jibdlu qalb iebsa. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biss tista’ ġġib konvinzjoni u ndiema (2 Timotju 2:25). Il-Kristjani tal-bidu strieħu fuq talb ferventi u ddedikat qabel ażżardaw jagħmlu xi ħaġa għall-Mulej, u Alla bierak l-isforzi tagħhom (Atti 1:14; 4:31; 6:6; 13:3; Kolossin 4:4). Meta l-prattika tat-talb tagħna tkun konsistenti u sinifikanti, allura nkunu lesti biex ningaġġaw ruħna fl-evanġeliżmu personali.

L-għarfien bibliku. M’hemmx għalfejn ikollna xi lawrea universitarja jew ikollna l-abbiltà li naqraw il-Grieg antik, però neħtieġu fehma sħiħa u wiesa’ ta’ dak li tgħallem il-Bibbja. Ħafna jippermettu dan il-fattur isikkithom, isemmu n-nuqqas ta’ għarfien bibliku bħala raġuni għala ma’ jagħtux xhieda favur Kristu. Però m’hemmx raġuni għala m’għandniex nistudjaw u nitgħallmu għalina nfusna x’jgħid Alla dwar il-pjan ta’ salvazzjoni tiegħu. Il-Kristjani jmisshom ikunu esperti tal-vanġelu. It-2 Timotju 2:15 jikkmandana biex nistudjaw b’impenn quddiem Alla sabiex insiru “ bħala wieħed approvat, ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jittratta b’akkuratezza l-kelma tal-verità.” Jeħtieġ inkunu nafu l-veritajiet bażiċi tal-Iskrittura jekk irridu jkollna evanġeliżmu personali effettiv.

Storja. Ilkoll kemm aħna għandna storja. Jekk għarafna lil Kristu u esperjenzajna l-maħfra tad-dnubiet u s-setgħa trasformattiva tiegħu, allura għandna storja x’ngħidu. L-evanġeliżmu personali spiss jinkorpora testimonjanza personali. Pawlu spiss irrakkonta l-istorja tal-konverżjoni tiegħu, hekk kif fakkar l-udjenza tiegħu kemm kien ħażin u sa fejn wasslitu l-grazzja t’Alla (Filippin 3:4–6; Atti 26:9–23; 1 Korintin 15:9). Eżempju ta’ kif storja kapaċi taffettwa l-evanġeliżmu personali nsibuha fi Ġwanni 9. Ġesù fejjaq raġel imwieled għami. Il-Fariżej għafsu lill-imfejjaq b’mistoqsijiet dwar Ġesù. L-imfejjaq, però, ma bbastax iweġibhom. Finalment, frustrat, għajjat, “Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf, illi kont għami però issa nara!” (vers 25). Abbli ma nkunux nafu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li jistaqsuna, però nafu x’għamel għalina Ġesù. Nafu li darba konna għomja għall-veritajiet spiritwali, u issa qed naraw.

L-attitudni t-tajba. Saret ħafna ħsara f’isem Kristu minn nies li provaw jimpenjaw ruħhom fl-evanġeliżmu personali mingħajr imħabba u umiltà. L-1 Korintin 13:1–3 ifakkarna li nistgħu nagħmlu numru ta’ atti nobbli, imma jekk ma nagħmluhomx bi mħabba, ma nkunu wettaqna xejn. L-imħabba għal Kristu trid tkun l-ewwel (Marku 12:30), u l-imħabba għan-nies tiġi eżatt wara. Il-motivazzjoni tagħna fl-evanġeliżmu personali qatt m’għandha tkun ir-rabja, xewqa li nikkundannaw lil xi ħadd, jew bżonn biex nirbħu l-argument. Imissna niċċekkjaw qlubna qabel nintefgħu fuq xi missjoni biex nevanġelizzaw (Matthew 7:3–5). M’hemmx għalfejn inkunu perfetti, però jeħtieġ inkunu ċerti li x-xewqa tagħna hi s-salvazzjoni tal-mitlufin, mhux xi motivazzjoni li nidhru spiritwali jew li nieħdu r-raġun. Galatin 5:22–23 hi lista ta’ kwalitajiet fil-karattru tagħna li jmisshom ikunu parti mill-evanġeliżmu personali effettiv.

L-ubbidjenza, mhux ir-riżultati. Spiss inkunu ttantati nirreduċu l-verità biblika fl-evanġeliżmu personali bl-għan li nqanqlu r-rispons li nixtiequ. Però kulma nkunu qed nagħmlu hu li nimminaw ix-xogħol li Alla jkun iridna nagħmlu fil-ħajja tal-persuna l-oħra. L-Iskrittura hi miżgħuda b’eżempji ta’ nies li obdew dak li Alla kkmanda, avolja r-riżultati ma kinux dak li assumew: Abraħan segwa ’l Alla sal-Kagħnan - u dritt kellu jħabbat wiċċu ma’ għaks (Ġenesi 12:10). Marija aċċettat li tkun omm il-Messija mwiegħed - imbagħad kellha tarah imżeblaħ u msallab (Luqa 1:38; Ġwanni 19:25). Pawlu tmexxa mill-Ispirtu s-Sabtu sa Filippi – fejn safa arrestat u mixħut fil-ħabs (Atti 16:6–24).

Fl-evanġeliżmu personali tagħna, tajjeb niftakru li aħna responsabbli biss lejn Alla għall-ubbidjenza tagħna, mhux għar-riżultati ta’ dik l-istess ubbidjenza. Abbli nippreżentaw il-vanġelu sewwa u bi mħabba, u l-persuna li lilha nkunu tajna xhieda abbli tisma’ u tifhem però tagħżel li ddabbar rasha. Aħna m’aħniex responsabbli għal dik ir-reazzjoni, imma għal-livell ta’ ubbidjenza involuta fil-preżentazzjoni tagħna. Ġesù, f’Luqa 8:5–15, jispjega kif il-qlub umani huma bħal tipi ta’ ħamrija. Iż-żerriegħa miżrugħa hi l-istess f’kull każ, però n-nies jirċievu l-Kelma t’Alla b’mod differenti u jirrispondu wkoll diversament. Xogħolna, bħala dawk li jiżirgħu ż-żerriegħa, hu li nippreżentaw il-verità bl-iktar mod effettiv li nafu mbagħad inħallu r-riżultati f’idejn Alla.

L-evanġeliżmu personali huwa r-responsabbiltà ta’ kull fidil. Alla jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna għal kompiti differenti u jagħnina b’doni differenti, imma l-għan hu l-istess – is-salvazzjoni tal-mitlufin (1 Korintin 12:6–7; Luqa 19:10). Ipoġġina f’pożizzjonijiet strateġiċi biex ninfluwenzaw, mhux b’xi privileġġ. Għandna ġirien, kollegi, ħbieb, u qraba li għandhom bżonn jisimgħu l-aħbar it-tajba dwar Ġesù. Sew jekk aħna msejħin immexxu xi konferenza evanġelistika inkella jekk sempliċement nikkoltivaw relazzjoni ma’ xi ġar jew ġara li mhumiex salvati, l-evanġeliżmu personali jmissu jkun l-element prinċipali Ii jimbottana f’ħajjitna. Il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu aktar minn elfejn sena ilu għadhom jgħoddu għas-segwaċi tiegħu llum: “Jeħtiġilna naħdmu l-opri ta’ min bagħatni, sakemm għadu l-jum; ġej il-lejl, meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem.” (Ġwanni 9:4). Sakemm għandna n-nifs, nistgħu ninvolvu ruħna fl-evanġeliżmu personali. Sakemm nibqgħu ċeduti għall-Ispirtu s-Santu, ċertament se jaħdem permezz tagħna (Luqa 12:12).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu l-evanġeliżmu personali?
© Copyright Got Questions Ministries