Mistoqsija
X’inhu d-dnub?
Tweġiba
Il-Bibbja tesprimi konċett kumpless ħafna tad-dnub. Tippreżentah minn angoli diversi, billi tuża kliem differenti, kemm bl-Ebrajk (fil-Patt il-Qadim) kif ukoll bil-Grieg (fil-Patt il-Ġdid). Dan l-artiklu se jesplora xi wħud minn dawn il-kelmiet biex nifhmu aħjar in-natura tad-dnub u r-relazzjoni tad-dnub mal-karattru qaddis t’Alla. Madankollu, idea ċentrali fil-Bibbja hi illi d-dnub hu kondizzjoni umana ta’ separazzjoni jew relazzjoni miksura m’Alla, kollu riżultat ta’ atteġġjament ġewwieni ta’ ribelljoni kontra Alla (Marku 7:20-23; Luqa 13:34).
L-oriġni tad-dnub uman jmur lura għall-ġrajja ta’ Adam u Eva, meta rrifjutaw illi jobdu l-kmand dirett u espliċitu t’Alla (Ġenesi 3). Ir-ribelljoni tinsab fl-għerq tad-dnub, u natura xewwiexa u midinba infettat lill-umanità kollha (bl-eċċezzjoni ta’ Ġesù) mill-waqgħa ta’ Adam lil hawn (ara Dewteronomju 9:7; Isaija 30:9; Salm 51:5; Efesin 2:1-3). Id-dnub mhuwiex ta’ min jilgħab bih. Bħalma qal il-predikatur Charles Spurgeon, “Xewka żgħira kapaċi tikkawża ħafna sofferenza. Sħaba ċkejkna tista’ tostor ix-xemx. Volpijiet żgħar iħarbtu d-dwieli; u dnubiet żgħar ikiddu l-qalb tenera.”
Perspettiva biblika waħda dwar id-dnub għandha x’taqsam mal-ksur jew il-vjolazzjoni tal-liġi divina (1 Ġwanni 3:4; Ġakbu 2:8-11). Alla stabbilixxa l-liġi bħala l-ideal jew l-istandard ta’ ġustizzja għall-imġiba umana (Dewteronomju 6:24-25). Kwalunkwe “trasgressjoni” (‛ābar bl-Ebrajk; parabasis bil-Grieg) jew “tisboq il-limiti imposti minn Alla” fuq il-libertà umana hi dnub (Ġakbu 2:8-11). Kelmiet Griegi u Ebrajċi oħra fil-Bibbja jiddeskrivu d-dnub bħala l-ksur tal-liġi, bħala nuqqas ta’ liġi, bħala pass falz, jew tidħol fejn m’għandikx tidħol (ara 1 Ġwanni 3:4; Rumani 4:15; 7:10-25).
Id-dnub hu kwalunkwe ħsieb, kelma, xewqa, azzjoni, jew ommissjoni ta’ għemil, kuntrarju għal-liġi t’Alla, jew difettivi meta mqabbla magħha. Il-kelmiet użati l-iktar sikwit kemm fit-Testment il-Qadim u l-Ġdid huma ḥāṭā’ fl-Ebrajk u hamartanō fil-Grieg, li inizjalment kienet tfisser “timmissja l-marka” jew “tonqos mid-dover” (ara Rumani 3:23). Mill-kelma Griega sawwarna l-kelma teoloġika ħamartoloġija, li tissinifika l-istudju fuq id-dnub. Il-midinbin jirribellaw kontra Alla u jivvjolaw l-istandard tiegħu għall-komportament ġust u qaddis. Jiżvijaw, jimmissjaw il-marka, u jonqsu milli jwettqu l-għan tajjeb t’Alla għal ħajjithom.
Angoli oħra tad-dnub, espressi fil-Bibbja, huma nuqqas ta’ fidi f’Alla (Rumani 14:23), l-għemil tal-ħażen (Dewteronomju 32:5; Rumani 7:21-24), nuqqas ta’ tjieba, jew irriverenza (Ġuda 1:14-15), tissopprimi l-verità jew titkellem falz dwar Alla (Ħosea 7:13; Rumani 1:18), diżubbidjenza (Efesin 5:5-6), u tiġġerra ’l bogħod mill-mogħdija t’Alla, jew iddur għal triqtek stess (Isaija 53:6).
Bil-Malti nużaw il-kelma dnub, ħażen, inġustizzja, iżda wkoll trasgressjoni u inikwità. Il-Bibbja titkellem dwar “il-laħam,” li hu l-għerq ħażin ta’ kull dnub, id-depravità trasmessa mingħand Adam għal uliedu, voldiri d-dixxendenti kollha tiegħu.
Alla hu perfettament ġust, qaddis u bla dnub (Ħabaqquq 1:13; Dewteronomju 32:4; Ġożwè 24:19; Isaija 6:3; 1 Pietru 2:22). Jobgħod id-dnub u l-effetti li jħalli fuq il-bnedmin, filli jikkorrompina (Salm 11:5; 2 Samwel 11:27; Proverbji 6:16-19; Żakkarija 8:17). Id-dnub jikkundanna lin-nies għall-mewt, għax id-dnub hu t-tingiża li tirriżulta fil-mewt, separazzjoni minn Alla (1 Korintin 15:56; ara wkoll Ġenesi 2:17; Rumani 5:12-14; Efesin 2:1).
Importanti nħallu l-Bibbja tiddefinixxi d-dnub, mhux aħna nfusna. Għandna tendenza illi nimmarkaw ħwejjeġ bħala “midinba” biex nikkonformaw ma’ kulma ma jogħġobniex. Il-Bibbja tipprovdi l-istandard oġġettiv li neħtieġu. Jekk il-Bibbja tgħid xi ħaġa hi dnub, allura hu għaqli naqblu ma’ dak l-assessment. Jekk il-Bibbja ma tgħidx illi xi għemil hu dnub, u ma jivvjola ebda prinċipju bibliku, allura ninsabu liberi biex nifformaw il-konvinzjonijiet tagħna dwaru.
Alla, fl-imħabba fidila tiegħu, fil-ħniena u l-grazzja, ipprovda soluzzjoni għad-dnub permezz tas-sagrifiċċju fuq is-salib, meta Ibnu stess offra lilu nnifsu għall-mewt bħala tpattija adegwata u effettiva għad-dnub (Mattew 26:27-28; Rumani 5:6-9; 6:21-23; 8:1-4; Efesin 1:7). Ġesù ġie biex jeħlisna mid-dnub, kif ukoll mis-saħta u l-mewt, li jirriżultaw mid-dnub (1 Ġwanni 1:7; 3:3-10; Rumani 6:18). Meta nonqsu bħala Kristjani, għandna Avukat quddiem il-Missier, lil Ġesù nnifsu. Nistqarru dnubietna u nirċievu l-maħfra paterna tiegħu (1 Ġwanni 1:8-2:2).
Infaħħru lil Alla għall-perfezzjoni assoluta tiegħu, għax iħobbna (Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:7-11). Uriena l-kobor ta’ mħabbtu billi bagħat lil Ibnu stess biex imut minflokna meta konna għadna midinbin (Rumani 5:8). Għax Alla ħatar lil Kristu, li qatt u qatt ma dineb, biex isir offerta bi tpattija għad-dnubiet ta’ niesu, sabiex jagħmilna sewwa m’Alla (2 Korintin 5:21). Fl-għaqda ma’ Kristu, bil-fidi, aħna maħsulin, santifikati u ġustifikati (1 Korintin 6:11). Alla ħafer lir-ribelli u rrikonċilja lill-għedewwa tiegħu. Sawwab fuqna r-rikkezzi tal-grazzja tiegħu (Efesin 1:8). Radamna bi ħnientu, laqagħna fil-ġenerożità tiegħu. Kif nistgħu ma nfaħħruhx u nroddulu ħajr għall-għotja tiegħu li ma titfissirx bil-kliem? X’għotja tana meta tana lil Kristu! (2 Korintin 9:15).
Filwaqt li konna qed naħarbu minnu f’ribelljoni sħiħa, sejħilna mid-dlam tad-dnub għad-dawl meraviljuż tiegħu, sabiex insiru l-possediment u l-wirt tiegħu, ħalli hekk juri t-tjieba u l-miżerikordja tiegħu magħna (1 Pietru 2:9). Nillodaw u nfaħħru lill-Mulej talli jħobbna minkejja d-dgħufija u t-tendenza tagħna biex naqgħu u nfallu. Bħala midinbin, mifdija bid-demm tal-Ħaruf, nistgħu nersqu lejn it-tron ta’ Alla grazzjuż bi qlubija. Hekk nirċievu mingħandu ħniena u kumpassjoni, u nsibu grazzja biex tgħinna, għax neħtiġuhom kull ħin (Ebrej 4:16).
English
X’inhu d-dnub?