Mistoqsija
Għaliex importanti nattendi knisja?
Tweġiba
Sempliċement għax il-Bibbja tgħidilna li għandna bżonn niltaqgħu m’aħwa oħra sabiex inkunu nistgħu nqimu ’l Alla flimkien, u nkunu mgħallma Kelmtu għall-kobor spiritwali tagħna. L-Insara fil-knisja bikrija “iddedikaw erwieħhom għat-tagħlim tal-appostli u għax-xirka, fi qsim il-ħobż u fit-talb” (Atti 2:42). Imissna nimxu fuq dan l-eżempju ta’ devozzjoni - u nagħmlu l-istess affarijiet. Dari, ma kellhomx xi bini nominat bħala knisja, imma “kuljum komplew jattendu għalenija fit-tempju, u jaqsmu l-ħobż minn dar għal dar, jieħdu l-ikel flimkien bl-eżultanza u s-sinċerità tal-qalb” (Atti 2:46). Kull fejn issir il-laqgħa, il-fidili javvanzaw fix-xirka ma’ fidili oħra u t-tagħlim ta’ Kelmet Alla.
L-attendenza fi knisja mhix sempliċi “suġġeriment tajjeb”; hija r-rieda t’Alla għall-fidili. Ebrej 10:25 jgħidilna biex “ma nabbandunawx il-ġmigħ tagħna flimkien, bħalma hi d-drawwa ta’ xi wħud, iżda ninkuraġġixxu ’l xulxin, aktar u aktar meta tarawh joqrob il-jum.” Anke fil-knisja bikrija, xi wħud kienu qed jaqgħu fil-vizzju ħażin li ma jiltaqgħux ma’ fidili oħra. L-awtur tal-Epistola lill-Ebrej jgħid li dan m’għandux ikun. Neħtieġu l-inkuraġġiment li l-attendenza fi knisja tipprovdi. U l-fatt li l-aħħar taż-żminijiet qed joqorbu jmissu aktar jixprunana biex inkunu iżjed iddedikati biex immoru l-knisja.
Il-knisja hi l-post fejn il-fidili jistgħu jħobbu lil xulxin (1 Ġwanni 4:12), jinkuraġġixxu wieħed lil ieħor (Ebrej 3:13), “jistimulaw” lil xulxin għall-imħabba u l-opri t-tajba (Ebrej 10:24), jaqdu lil xulxin (Galatin 5:13), jgħallmu lil xulxin (Rumani 15:14), jonoraw lil xulxin (Rumani 12:10), u jkunu benevolenti u kumpassjonali wieħed mal-ieħor ( Efesin 4:32).
Meta xi ħadd jafda f’Ġesù Kristu għas-salvazzjoni, isir membru fil-ġisem ta’ Kristu (1 Korintin 12:27). Biex il-ġisem tal-knisja jiffunzjona kif suppost, il-partijiet tal-ġisem kollha jridu jkunu preżenti u jaħdmu għalenija (1 Korintin 12:14–20). Mhux biżżejjed li sempliċement tattendi knisja; imissna nkunu involuti f’xi tip ta’ ministeru ta’ qadi lejn l-oħrajn, inħaddmu d-doni spiritwali li tana Alla (Efesin 4:11–13). Fidil qatt mhu se jilħaq il-milja tal-maturità spiritwali mingħajr ma jkollu opportunità biex iħaddem id-doni tiegħu, u lkoll kemm aħna neħtieġu l-assistenza u l-inkuraġġiment ta’ fidili oħra (1 Korintin 12:21–26).
Għal dawn ir-raġunijiet, u aktar, l-attendenza fi knisja, il-parteċipazzjoni u x-xirka għandhom ikunu aspetti regolari fil-ħajja tal-fidil. F’ċertu sens, tattendi l-knisja kull ġimgħa mhix xi ħaġa “obbligatorja” għall-fidili, però persuna li tappartieni għal Kristu jmissha jkollha x-xewqa biex tqim lil Alla, tirċievi Kelmtu, u tixxierek ma’ fidili oħra.
Ġesù hu l-ġebla angolari għall-knisja (1 Pietru 2:6), u aħna “bħal ħaġar ħaj...qed ninbnew bħala dar spiritwali biex inkunu saċerdozju qaddis, ħalli noffru sagrifiċċji spiritwali aċċettabbli għal Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pietru 2:5). Bħala l-materjal għall-bini tad-dar spiritwali t’Alla, għandna konnessjoni naturali wieħed mal-ieħor, u din il-konnessjoni hi evidenti kull darba li l-fidili jmorru l-knisja.
English
Għaliex importanti nattendi knisja?