settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser inkomplu naħdmu s-salvazzjoni tagħna bil-biża’ u t-tregħid (Filippin 2:12)?

Tweġiba


Fil-Filippin 2:12-13, Pawlu jikteb, “komplu aħdmu s-salvazzjoni tagħkom infuskom bil-biża’ u t-tregħid; għax Alla hu dak li qed jopera fikom kemm ir-rieda kif ukoll l-aġir għall-għoġba tiegħu.”

Dat-test spiss huwa użat ħażin biex inissel il-biża’ fin-nies, u jwissihom li dan ifisser illi jistgħu jitilfu s-salvazzjoni. Xi tfisser taħdem is-salvazzjoni bil-biża’ u t-tregħid? Żgur li Pawlu mhux qed jinkuraġġixxi l-fidili biex jgħixu f’kundizzjoni ta’ nervożiżmu u ansjetà kontinwa. Kieku hekk ikun jikkontradixxi l-ħafna eżortazzjonijiet tiegħu favur is-sliem fil-moħħ, il-kuraġġ, u l-konfidenza f’Alla, l-awtur tas-salvazzjoni tagħna. Il-kelma Griega tradotta “biża’” f’dal-kuntest tfisser “riverenza” jew “rispett.” L-istess frażi Pawlu jużaha fit-2 Korintin 7:15 fejn jirreferi għal meta Titu kien inkuraġġit minn kif il-Korintin laqgħuh “bil-biża’ u t-tregħid,” jiġifieri, b’umiltà u rispett kbir għall-pożizzjoni tiegħu bħala ministru tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Pawlu nnifsu ġie fil-knisja ta’ Korintu “bi dgħufija u b’biza’, u b’ħafna tregħid” (1 Korintin 2:3), konxju tan-natura għolja u tal-biża’ tax-xogħol li fih kien ingaġġat.

Is-sens li rridu naħdmu s-salvazzjoni tagħna bil-biża’ u t-tregħid huwa doppju. L-ewwel, il-verb “taħdem” bil-Grieg ifisser “tkompli taħdem sakemm ittemm xi ħaġa jew twettaqha.” Dan nagħmluh billi nsegwu b’mod attiv l-ubbidjenza fil-proċess tas-santifikazzjoni, li dwaru Pawlu jkompli jagħti spjegazzjoni fil-kapitlu li jmiss tal-Filippin. Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala wieħed li qed “jiġġebbed” u “jisforza” lejn l-għan li jkun jixbah lil Kristu (Filippin 3:13-14).

It-“tregħid” li jesperjenza hi l-attitudni li l-Kristjani għandu jkollhom hekk kif isegwu dan l-għan - biża’ san li joffendu ’l Alla bid-diżubbidjenza, kif ukoll riverenza u rispett lejh għall-maestà u l-qdusija tiegħu. It-“tregħid” jista’ wkoll ikun jirreferi għal tregħid ġej minħabba d-dgħufija, imma din dgħufija minn għan aktar għoli, li twassalna fi stat ta’ dipendenza fuq Alla. L-ubbidjenza u s-sottomissjoni lejn dak Alla li nqimu u nirrispettaw hi “l-qima spiritwali” tagħna (Rumani 12:1-2) u tipproduċi fina ferħ kbir. Salm 2:11 jiġbor dan perfettament: “Aqdu lis-Sid bil-biża’ u ifirħu bir-rogħda.” Naħdmu s-salvazzjoi tagħna billi mmorru għall-għajn veru tas-salvazzjoni tagħna, Kelmet Alla. Fiha nġeddu qlubna u mħuħna (Rumani 12:1-2), hekk kif niġu fil-preżenza tiegħu bi spirtu ta’ riverenza u stagħġib.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser inkomplu naħdmu s-salvazzjoni tagħna bil-biża’ u t-tregħid (Filippin 2:12)?
© Copyright Got Questions Ministries