Mistoqsija
X’inhu Kristjan?
Tweġiba
Id-definizzjoni mogħtija f’dizzjonarju għal x’inhu Kristjan tista’ tkun xi ħaġa hekk: “Persuna li jipprofessa l-fidi f’Ġesù bħala s-Salvatur jew fir-reliġjon imsejsa fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.” Dan hu bidu tajjeb, bħal bosta definizzjonijiet li nsibu fid-dizzjonarju, iżda xorta waħda hi nieqsa milli tabilħaqq tikkomunikalna l-verità biblika xi jfisser tabilħaqq tkun Kristjan. Il-kelma “Kristjan” insibuha tliet darbiet fil-Patt il-Ġdid (Atti 11:26; 26:28; 1 Pietru 4:16). Is-segwaċi ta’ Ġesù Kristu ssejħu “Kristjani” l-ewwel darba f’Antjokija (Atti 11:26) peress li l-imġiba, l-attività, u d-diskors tagħhom kien jixbah lil ta’ Kristu. Il-kelma “Kristjan” litteralment tfisser, “jappartieni għall-partit ta’ Kristu,” jew, “segwaċi ta’ Kristu.”
Ħasra kif matul iż-żmien il-kelma “Kristjan” tilfet ħafna mis-sinifikat tagħha u sikwit tintuża għal xi ħadd li hu reliġjuż jew iħaddan valuri morali għolja iżda jista’ jkun jew forsi ma jkunx segwaċi veru ta’ Ġesù Kristu. Bosta nies li ma jemmnux f’Ġesù Kristu u lanqas jafdawh jikkonsidraw lilhom infushom Kristjani sempliċement għax imorru l-knisja jew jgħixu fost poplu “Kristjan.” Iżda billi tattendi l-knisja, isservi lill-batuti u l-foqra, jew billi tkun persuna twajba, b’daqshekk ma jfissirx li inti Kristjan. Billi tmur il-knisja ma jfissirx li int Kristjan daqskemm billi tidħol f’garaxx ma jfissirx li ssir karozza. Tkun membru fi knisja, tattendi funzjonijiet regolari, u tikkontribwixxi għall-ministeru tal-knisja – dawn ma jagħmlukx Kristjan.
Il-Bibbja tgħallem li l-għemejjel tajba li nwettqu ma jagħmluniex aċċettabbli quddiem Alla. Titu 3:5 jgħid illi “salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-ħniena tiegħu, bil-ħasil tar-riġenerazzjoni u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.” Mela, Kristjan hu xi ħadd illi Alla welldu mill-ġdid (Ġwanni 3:3,7; 1 Pietru 1:23), u qiegħed il-fiduċja u l-afdar tiegħu f’Ġesù Kristu. Efesin 2:8 jgħidilna illi “bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla.”
Kristjan ġenwin hu persuna li poġġiet il-fiduċja u l-afdar tagħha f’Ġesù Kristu u f’ħidmietu, speċjalment f’mewtu fuq is-salib bħala pagament għal dnubietu, u fil-qawmien tiegħu fit-tielet jum. Ġwanni 1:12 jgħidilna illi “dawk kollha li rċevewh, tahom il-jedd isiru tfal t’Alla, lil dawk li jemmnu f’ismu.” Wieħed jinduna huwiex Kristjan veru mill-imħabba li għandu lejn ħaddieħor u l-ubbidjenza lejn Kelmet Alla (1 Ġwanni 2:4,10). Kristjan veru hu tabiħaqq wild t’Alla, membru fil-familja vera tal-Missier, u wieħed mogħti ħajja ġdida fl-għaqda ma’ Ġesù Kristu.
Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.
English
X’inhu Kristjan?