Mistoqsija
X’tip ta’ talb għandna nitolbu għall-infidili?
Tweġiba
Nistgħu nitgħallmu nitolbu għall-infidili billi nimmudellaw talbna fuq it-talb li Ġesù talab. Ġwanni 17 hi l-itwal talba rrekordjata ta’ Ġesù u turina kif talab. Vers 3 jgħid, “U din hi l-ħajja eterna: illi jkunu jafu lilek, l-uniku Alla veru, u ’l dak li bgħatt int, Ġesù Kristu.” Talab biex in-nies isiru jafu ’l Alla l-Missier. U l-mezz li bih jistgħu jsiru jafu ’l Alla hu permezz tal-Iben (Ġwanni 14:6; 3:15–18). Jekk din kienet ix-xewqa ta’ Ġesù, nafu li nagħmlu sew meta nitolbu b’mod simili. Kwalunkwe talba li taqbel m’Alla hi talba effettiva (Ġakbu 5:16; 1 Ġwanni 5:14).
It-2 Pietru 3:9 wkoll jagħtina titwila ta’ x’hemm fil-qalb t’Alla lejn l-infidili. Jgħid, “Is-Sid ma jiddewwimx dwar it-twettiq tal-wegħda tiegħu, bħalma xi wħud jikkonsidraw id-dewmien, iżda hu paċenzjuż magħkom, billi ma jixtieqx li xi wħud jintilfu, iżda li kulħadd jiġi għall-indiema.” Mhix ix-xewqa t’Alla li xi ħadd iqatta’ l-eternità ’l bogħod mill-preżenza konfortabbli tiegħu (Rumani 6:23). Ġesù nnifsu qalilna sabiex nagħmlu petizzjoni lil Sid il-ħsad ħalli jibgħat ’il barra ħaddiema fil-ħsad tiegħu (Mattew 9:38). Meta nitolbu għall-indiema fil-ħajja tal-infidili, inkunu fi qbil m’Alla. Nistgħu wkoll nitolbu għal opportunitajiet biex inkunu l-idejn u r-riġlejn ta’ Ġesù ħalli n-nies jiġu għall-għarfien tat-tjieba tiegħu (Galatin 6:10; Kolossin 4:5; Efesin 5:15–16). Nistgħu nitolbu għall-qlubija, kif għamlu l-appostli, filli ħatfu l-opportunitajiet meta Alla jagħmilhom possibbli (Atti 4:13, 29; Efesin 6:19).
Nistgħu wkoll nitolbu li Alla juża ċ-ċirkostanzi kollha neċessarji sabiex idawwar qlub iebsa lejn l-indiema. Salm 119:67 jgħid, “Qabel ma jien kont afflitt żvijajt, iżda issa kelmtek inżommha.” Spiss ikun hemm bżonn ċirkostanzi mwiegħra biex inkunu mbottati għal għand Kristu. Meta nitolbu għall-għeżież tagħna li ma jafux lil Ġesù, it-tentazzjoni hi illi nitolbu ’l Alla għall-protezzjoni u l-barka. Madankollu, ġieli jkun neċessarju li nitolbu l-kontra jekk dak ikun hemm bżonn biex jinħall il-kontroll li l-idolatrija jkollha fuq l-individwu. Il-kumdità, il-materjaliżmu, is-senswalità u l-vizzju huma allat foloz li jżommu lill-miskredenti fil-jasar. Biex nitolbu skont ir-rieda t’Alla abbli jirrekjiedi li nitolbuh ineħħi l-protezzjoni u l-faraġ tiegħu biex isuqhom sal-post fejn ikollhom ifittxu ’l Alla. Xejn mhu aktar importanti għall-għeżież tagħna li mhux salvati milli jfittxu ’l Alla u jsibuh.
Li nitolbu għall-oħrajn imiss il-qalb t’Alla (Ġakbu 5:16). Huwa mod wieħed kif nuru mħabbitna għal nies oħra (1 Ġwanni 4:7). Anke meta ma nkunux ċerti għal xiex għandna nitolbu, nistgħu nsibu faraġ fil-wegħda ta’ Rumani 8:26. Alla jaf li mhux dejjem nafu għal xiex nitolbu. Bagħat l-Ispirtu s-Santu biex jinterċiedi għalina sabiex ix-xewqat ta’ qlubna jinġarru sas-sala tat-tron fil-ġenna.
English
X’tip ta’ talb għandna nitolbu għall-infidili?