settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ nkun ċert li qed nitlob skont ir-rieda t’Alla?

Tweġiba


L-oħla għan tal-bniedem imissu jkun li jagħti glorja ’l Alla (1 Korintin 10:31), u dan jinkludi li titlob skont ir-rieda tiegħu. L-ewwel, jeħtieġ nitolbu għall-għerf. “Imma jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jissupplikah mingħand Alla, li jagħti ’l kulħadd ġenerożament u bla ma jċanfar, u jkun mogħti lilu” (Ġakbu 1:5). Meta nitolbu għall-għerf, irridu wkoll nafdaw f’Alla li hu se juri grazzja magħna u dispost li jwieġeb talbna: “Imma jmissu jissupplika bil-fidi bla ma jiddubita xejn” (Ġakbu 1:6; ara wkoll Marku 11:24). Mela, titlob skont ir-rieda t’Alla jinkludi tirrikjestah għall-għerf (biex tagħraf ir-rieda t’Alla) u titlob bil-fidi (biex tafda fir-rieda t’Alla).

Hawn seba’ struzzjonijiet bibliċi biex jiggwidaw lill-fidili kif jitlobu skont ir-rieda t’Alla:

1) Itlob għal dawk l-affarijiet li l-Bibbja tikkmandak titlob għalihom. Intqalilna biex nitolbu għall-għedewwa tagħna (Mattew 5:44); biex Alla jibgħat missjonarji (Luqa 10:2); biex ma niddaħlux fit-tiġrib (Mattew 26:41); għall-ministri tal-Kelma (Kolossin 4:3; 2 Tessalonkin 3:1); għall-awtoritajiet governattivi (1 Timotju 2:1-3); għar-rilif mill-afflizzjoni (Ġakbu 5:13); u għall-fejqan ta’ ħutna l-fidili l-oħra (Ġakbu 5:16). Fejn Alla jikkmanda t-talb, nistgħu nitolbu bil-kunfidenza li qed nitolbu skont ir-rieda t’Alla.

2) Segwi l-eżempju tal-karattri qaddisa li tara fl-Iskrittura. Pawlu talab għas-salvazzjoni ta’ Iżrael (Rumani 10:1). David talab għall-ħniena u l-maħfra meta dineb (Salmi 51:1-2). Il-knisja bikrija tablet għall-qlubija biex tagħti xhieda (Atti 4:29). Dawn it-talbiet kienu skont ir-rieda t’Alla, u llum talb simili hekk ikun ukoll. Bħal Pawlu u l-knisja bikrija, imissna nkunu qed nitolbu dejjem għas-salvazzjoni tal-oħrajn. Għalina nfusna, jmissna nitolbu bħalma talab David, konxji dejjem ta’ dnubna hekk kif inressquh quddiem Alla qabel ma jfixkel ir-relazzjoni tagħna miegħu u jħassrilna talbna.

3) Itlob b’motivi tajbin. Motivi egoistiċi mhux se jkunu mbierka minn Alla. “Tissupplikaw u ma tirċevux, għax tissupplikaw b’motivi ħżiena, sabiex tonfqu fuq il-pjaċiri tagħkom” (Ġakbu 4:3). Imissna nitolbu wkoll, mhux biex il-kliem imżewwaq tagħna jinstema’ u ħaddieħor jikkonsidrana bħala “spiritwali,” imma aktarx fil-privat u fil-moħbi, sabiex Missierna li hu fis-sema’ jismagħna fil-moħbi u jippremjana fil-miftuħ (Mattew 6:5-6).

4) Itlob bi spirtu ta’ maħfra lejn l-oħrajn (Mark 11:25). Spirtu ta’ mrar, rabja, tpattija jew mibegħda kontra ħaddieħor se jfixkel lil qlubna milli nitolbu f’sottomissjoni totali għal Alla. Bħalma ntqalilna biex ma nippreżentawx offerti ’l Alla meta hemm xi konflitt bejna u xi Kristjan ieħor (Mattew 5:23-24), hekk ukoll Alla ma jridx l-offerta ta’ talbna sakemm ma nkunux rikonċiljati ma’ ħutna fi Kristu.

5) Itlob b’radd il-ħajr (Kolossin 4:2; Filippin 4:6-7). Dejjem għandna nsibu xi ħaġa li għaliha jmissna nirringrazzjaw ’l Alla, avolja nkunu mtaqqlin bix-xewqat u l-bżonnijiet tagħna. L-aktar persuna li tbati u qed tgħix f’din id-dinja ta’ mħabba ridentiva, u li għandha l-offerta għall-ġenna quddiemha, għandha biex tkun grata lejn Alla.

6) Itlob b’persistenza (Luqa 18:1; 1 Tessalonkin 5:17). Fit-talb imissna nipperseveraw u ma niqfux jew inħossuna mnikkta għaliex ma rċevejniex tweġiba immedjata. Parti mit-talb skont ir-rieda t’Alla hu li temmen illi, sew jekk it-tweġiba tiegħu hi “iva,” “le,” jew “stenna,” taċċetta l-ġudizzju tiegħu, tissottometti għar-rieda tiegħu, u tkompli titlob.

7) Fit-talb iddependi fuq l-Ispirtu t’Alla. Din verità meraviljuża: “U bl-istess mod l-Ispirtu jgħinna wkoll fid-dgħufija tagħna, għax ma nafux x’nitolbu kif meħtieġ, iżda l-Ispirtu nnifsu jinterċiedi għalina bi krib inesprimibbli; u dak li jfittex il-qlub jaf x’inhu l-moħħ tal-Ispirtu, għax jinterċiedi għall-qaddisin skont ir-rieda t’Alla” (Rumani 8:26-27). Fit-talb għandna l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. F’dawk iż-żminijiet ta’ dipressjoni u dulur kbir, żminijiet meta nħossu li “assolutament ma nistgħux nitolbu,” għandna l-faraġ li nafu illi l-Ispirtu s-Santu attwalment qed jitlob għalina! X’Alla straordinarju għandna!

X’assigurazzjoni ngawdu hekk kif infittxu li nimxu fl-Ispirtu u mhux fil-laħam! Imbagħad jista’ jkollna l-kunfidenza li l-Ispirtu s-Santu se jwettaq xogħlu filli jippreżenta talbna lill-Missier skont ir-rieda u l-ħin perfett tiegħu, u nistgħu nistrieħu fl-għarfien li hu qed jaħdem il-ħwejjeġ kollha flimkien għall-ġid tagħna (Rumani 8:28).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ nkun ċert li qed nitlob skont ir-rieda t’Alla?
© Copyright Got Questions Ministries