settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser tlablab fil-vojt waqt it-talb?

Tweġiba


Fil-Prietka fuq il-Muntanja Ġesù qal, “Meta titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-Ġentili, għax huma jidhrilhom illi se jkunu mismugħin minħabba l-ħafna kliem tagħhom” (Mattew 6:7). Il-kelma “tlablib” tfisser “vojt” jew “inutli”; għaldaqstant Ġesù qed iwissina li r-ripetizzjoni ta’ frażijiet bla siwi f’talbna mhuwiex se jagħmel talbna aktar mismugħ minn Alla. Il-Missier smewwieti tagħna ma jinteressahx bl-għadd ta’ kliem, espressjonijiet imżewqa, jew mantras; li jixtieq hu “verità fl-enti ġewwieni” (Salm 51:6).

Il-frażi f’Mattew 6:7 nistgħu nittraduċuha, “Tużawx kliem żejjed.” Traduzzjonijiet oħra jużaw, “Tużawx diskors fil-vojt”, jew “Toqgħodux tlabalbu.” Bħalma indika Ġesù, l-użu ta’ kliem ripetut jew frażijiet fissi hija prattika “tal-Ġentili” jew “pagana” u ma jmisshiex tkun parti mit-talb Kristjan. Talbna aktar imissu jkun jixbah dak it-talb qasir u sempliċi ta’ Elija fuq il-Muntanja Karmelu, u inqas jixbah dak it-talb imtawwal u ripetittiv tal-profeti ta’ Baal (ara l-1 Slaten 18:25–39).

Meta nitolbu, qed nitkellmu m’Alla u nqimuh. It-talb hu konverżazzjoni intima mal-Missier. Ħafna reliġjonijiet - fosthom xi gruppi fil-Kristjaneżmu - għandhom talb fiss, u jagħtu parir biex ikun ripetut darba wara oħra. Xi knejjes saħansitra jirrekjiedu lill-membri tagħhom jirrepetu ċertu talba numru ta’ drabi bl-għan li jirċievu l-assoluzzjoni ta’ dnubiethom. Dan hu ritorn għall-paganiżmu u s-superstizzjoni; dawn il-forom ta’ talb huma “tlablib fil-vojt” li mhux posthom fil-knisja. Ġesù diġà ħallas għal dnubietna darba għal dejjem (Ebrej 10:10), u nistgħu nersqu bil-kunfidenza lejn it-tron tal-grazzja bil-mertu tas-sagrifiċċju ta’ Kristu (Ebrej 4:15–16), u mhux minħabba “l-ħafna kliem” tagħna (Mattew 6:7).

Fit-talb, faċli ninqabdu fi tlablib, nirrepetu l-istess kliem, minflok nikkunsidraw sew kliemna jew inħalluhom ifuru mill-qalb. Waqt it-talb imissna nkunu ffokati fuq Alla u nonorawh fi qlubna. F’Isaija 29:13, Alla jgħid, “Dal-poplu jersaq lejja b’fommhom u jonorani b’xofftejhom, iżda biegħdu qalbhom minni.”

It-twissija ta’ Ġesù kontra t-tlablib vojt tfisser li f’talbna jeħtieġ nevitaw kliem bla sugu jew li ma jfisser xejn, kif ukoll ripetizzjonijiet. Ir-ripetizzjonijiet jimlew il-ħin, però mhumiex prova tad-devozzjoni u wisq inqas itejbu ċ-ċans li Alla jismagħna. Imissna ngħallmu ’l uliedna, minn età żgħira, biex jitolbu b’mod naturali, qishom qed jitkellmu ma’ xi ħadd, b’riverenza lejn dak li lilu qed jindirizzaw.

Li tkun persistenti f’talbek mhux l-istess bħall-użu ripetittiv ta’ qabda kliem vojt. M’hemm xejn ħażin filli titlob għall-istess ħaġa aktar minn darba (ara t-2 Korintin 12:8). Wara kollox, Ġesù għallimna li “dejjem jeħtiġilna nitolbu u ma naqtgħux jiesna” (Luqa 18:1). Imma dejjem sakemm talbna hu mill-qalb, jonora ’l Alla, u mhux ripetizzjoni ta’ kliem miktub minn ħaddieħor.

Il-Bibbja tgħallimna nitolbu bil-fidi (Ġakbu 1:6), nindirizzaw direttament lil Alla (Mattew 6:9), u f’isem Ġesù (Ġwanni 14:13). Imissna noffru talbna b’riverenza u umiltà (Luqa 18:13), bil-perseveranza (Luqa 18:1), u sottomissjoni għar-rieda t’Alla (Mattew 6:10). Il-Bibbja tgħallimna biex nevitaw talb ipokritu, intenzjonat biss biex ikun mismugħ min-nies (Mattew 6:5). Mela ħa noqogħdu attenti biex ma nafdawx f’ripetizzjonijiet vojta (Mattew 6:7).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser tlablab fil-vojt waqt it-talb?
© Copyright Got Questions Ministries