Mistoqsija
Xi tfisser li titlob kontinwament?
Tweġiba
Il-kmand ta’ Pawlu fl-1 Tessalonkin 5:17 biex “nitolbu kontinwament,” jista’ jikkawża konfużjoni. Ovvjament, ma jistax ifisser li jmissna nqattgħu l-ġurnata kollha b’rasna baxxuta u għajnejna magħluqa. Pawlu lanqas mhu jirreferi għal diskors bla waqfien, imma aktarx għal attitudni ta’ konsapevolezza t’Alla u ċediment għalih li nġorru magħna l-ħin kollu. Il-ġurnata tagħna rridu ngħixuha bl-għarfien illi Alla jinsab magħna; hu involut b’mod attiv fi ħsibijietna u f’azzjonijietna.
Meta nibdew ninkwetaw, nibżgħu, niskuraġġixxu ruħna, u nirrabjaw, imissna konxjament u fil-pront indawru kull ħsieb f’talba u kull talba f’radd il-ħajr. Fl-epistola tiegħu lill-Filippin, Pawlu jikkmandana biex ma nibqgħux aktar ansjużi. Minflok, “f’kollox, bit-talb u bis-suppliki mar-ringrazzjamenti, ħallu r-rikjesti tagħkom ikunu mgħarrfin lil Alla” (Filippin 4:6). Lill-fidili f’Kolossi għallimhom biex jiddedikaw erwieħhom “għat-talb, billi tinviġilaw fih b’ringrazzjament” (Kolossin 4:2). Pawlu eżorta lill-fidili Efesin biex jikkunsidraw it-talb bħala arma biex biha jiġġieldu l-battalji spiritwali. (Efesin 6:18).
Tul il-ġurnata, it-talb imissu jkun l-ewwel reazzjoni tagħna għal kull sitwazzjoni iebsa, kull ħsieb ansjuż, u kull kompitu diffiċli li Alla jikkmanda. Nuqqas ta’ talb jissarraf f’dipendenza fuqna nfusna minflok fuq il-grazzja t’Alla. Il-qofol ta’ talb kontinwu hu dipendenza kostanti fuq il-Missier u xirka miegħu.
Għall-Kristjani, it-talb imissu jkun bħan-nifs. M’għandekx bżonn taħseb li trid tieħu n-nifs għaliex l-atmosfera teżerċita pressjoni fuq il-pulmun u bażikament iġġiegħlek tiirrespira. Għalhekk aktar diffiċli żżomm in-nifs milli tieħdu. Bl-istess mod, meta nkunu mwielda fil-familja t’Alla, niddaħħlu f’atmosfera spiritwali fejn il-preżenza u l-grazzja t’Alla jeżerċitaw pressjoni, jew influwenza, fuq ħajjitna. It-talb huwa r-rispons naturali għal dik il-pressjoni. Bħala fidili, ilkoll dħalna fl-atmosfera divina biex nieħdu n-nifs vitali tat-talb.
Sfortunatament, ħafna fidili jżommu “n-nifs spiritwali” għal ħin twil, għax jaħsbu li mumenti qosra m’Alla biżżejjed biex jirnexxilhom jissopravivu. Imma din ir-restrizzjoni tat-teħid spiritwali tagħhom hi kkawżata mix-xewqat midinba. Il-fatt hu li kull fidil, jekk irid jiffunzjona sal-massimu, jeħtieġ jgħix kontinwament fil-preżenza t’Alla, il-ħin kollu jirrespira l-veritajiet tiegħu.
Aktar faċli għall-Kristjani li jħossuhom sikuri billi jippreżumu - minflok jiddependu - fuq il-grazzja t’Alla. Hawn wisq fidili li qed jikkuntentaw bil-barkiet fiżiċi u m’għandhom ebda xewqa għal dawk spiritwali. Meta programmi, metodi, u finanzi jipproduċu riżultati impressjonanti, ikun hemm l-inklinazzjoni li nħawdu s-suċċess uman mal-barkiet divini. Meta jiġri dan, mhux se jkun hemm xewqa appassjonata għal Alla u xenqa taħraq għall-għajnuna tiegħu. Talb kontinwu, persistenti, u bla waqfien huwa parti essenzjali tal-għejxien Kristjan u jnixxi minn umiltà u dipendenza fuq Alla.
English
Xi tfisser li titlob kontinwament?