Mistoqsija
X’inhu l-valur tal-laqgħa ta’ talb?
Tweġiba
Mill-bidu nett tal-knisja, il-Kristjani nġabru biex jitolbu (Atti 4:24; 12:5; 21:5). Il-laqgħat għat-talb huma ta’ valur għall-knisja inġenerali u għall-individwu li jipparteċipa fihom.
It-talb hu biss għal dawk li jemmnu li Alla huwa personali u jridu relazzjoni personali miegħu. Il-Kristjani jafu li t-talb hu effettiv għaliex iltaqgħu m’Alla li jiddikjara, “Kellmuni u jiena nismgħakom.” L-appostlu Ġwanni jikkonferma dan: “U din hi l-fiduċja li għandna quddiemu, illi jekk nissupplikaw xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, jismagħna. U jekk nafu illi jismagħna - fi kwalunkwe ħaġa li nissupplikawh - nafu illi għandna s-suppliki li ssupplikajna mingħandu” (1 Ġwanni 5:14-15).
Mit-talb tagħna, speċjalment talb għal xulxin, inkunu nuru u nivvalidaw il-fidi li għandna f’Ġesù. Andrew Murray, il-qaddej Kristjan u kittieb prolifiku, qal, “It-talb jiddependi prinċipalment, jekk mhux kompletament, fuq dak li lilu naħsbu li qed nitolbu.” Huwa permezz tad-dixxiplina tat-talb flimkien li niżviluppaw intimità m’Alla li dejjem tikber, u noħolqu rabta spiritwali ma’ xulxin.
Benefiċċju ieħor tal-laqgħat ta’ talb huwa l-istqarrija ta’ dnubietna lil xulxin. Il-laqgħat għat-talb jagħtuna l-opportunità nobdu l-kmand biex “nistqarru dnubietna lil xulxin, u nitolbu għal xulxin, ħalli nfiqu” (Ġakbu 5:16). Hawn, Ġakbu mhux neċessarjament qed jitkellem fuq il-fejqan fiżiku, imma aktarx fuq ir-restawrazzjoni spiritwali (Ebrej 12:12-13). Jirreferi wkoll għall-maħfra t’Alla, li jagħmilha possibbli għall-fidil li jerġa’ jsir spiritwalment sħiħ. Ġakbu kien jaf illi l-fidil li jsib ruħu sseparat mill-merħla huwa l-iktar suxxettibbli għall-perikli tad-dnub. Alla jrid lil niesu jinkuraġġixxu u jissapportjaw lil xulxin f’xirka ta’ mħabba, onestà reċiproka u stqarrija hekk kif nitolbu ma’ xulxin, u għal xulxin. Xirka fil-qrib bħal din tgħin biex tipprovdi saħħa spiritwali ħalli nesperjenzaw vittorja fuq id-dnub.
Valur kbir ieħor tal-laqgħat tat-talb hu li l-fidili jinkuraġġixxu lil xulxin biex iżommu sħiħ. Ilkoll kemm aħna niffaċċjaw ostakli, imma meta nixxerjaw u nitolbu flimkein bħala Kristjani, spiss nipprovdu l-għajnuna lil oħrajn biex jevitaw milli “jmissu l-qiegħ” fil-ħajja spiritwali tagħhom. Il-valur tat-talb korporat jinsab fil-qawwa li jgħaqqad il-qlub. Li nitolbu quddiem Alla għan-nom ta’ ħutna għandu l-effett li jgħaqqad spiritwalment wieħed mal-ieħor. Hekk kif “nerfgħu t-toqol ta’ xulxin,” aħna “nwettqu l-liġi tal-Kristu” (Galatin 6:2). Fejn hemm it-talb, hemm l-unità, li Ġesù jrid illi s-segwaċi tiegħu jgawdu, u li għaliha talab b’tant ħerqa (Ġwanni 17:23).
Aktar minn kollox, il-laqgħat tat-talb iġibu l-bidla. Il-fidili, fit-talb ma’ xulxin, ikunu xhieda ta’ kif Alla jwettaq mirakli u jbiddel il-qlub.
Laqgħa ta’ talb hija ħin ta’ valur veru hekk kif il-fidili jfittxu intimità aktar fil-qrib u komunjoni kwieta m’Alla quddiem it-tron tiegħu. Hi ħin ta’ unità ma’ aħwa fidili oħra fil-preżenza tas-Sid. Hija ħin biex nieħdu ħsieb lil dawk ta’ madwarna hekk kif naqsmu magħhom it-toqol tagħhom. Hija ħin meta Alla jimmanifesta l-imħabba bla tarf tiegħu u x-xewqa li jikkomunika ma’ dawk li jħobbuh.
English
X’inhu l-valur tal-laqgħa ta’ talb?