Mistoqsija
Jekk Ġesù kien tassew Alla, għaliex qal, "Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla waħdu"?
Tweġiba
Dawk li jiċħdu d-divinità ta’ Kristu spiss jikklejmjaw li f’Marku 10:17-22 Ġesù jiċħad id-divinità tiegħu għax jirrifjuta l-idea li hu tajjeb. Naqraw hekk:
“U kif kien se jitlaq għal triqtu, ġera wieħed lejh u nxteħet għarkupptejh quddiemu u staqsieh, “Għalliem tajjeb, x’għandi nagħmel sabiex niret il-ħajja eterna?” U Ġesù qallu, “Għaliex issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla waħdu. Il-kmandamenti tafhom: ‘Toqtolx,’ ‘Tikkommettix adulterju,’ ‘Tisraqx,’ ‘Tixhidx falz,’ tiffrodax, ‘Onora ’l missierek u ’l ommok.’” U qallu, “Għalliem, dawn il-ħwejjeġ kollha żammejthom minn żgħożiti.” U Ġesù ħares lejh u ħabbu, u qallu, “Ħaġa waħda jonqsok: mur, bigħ kulma għandek u agħti lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; u ejja, segwini.” Imma hu sewwed qalbu b’dad-diskors, u telaq imnikket, għax kien wieħed li għandu ħafna possedimenti.”
Allura Ġesù hawnhekk qed iċanfar lir-raġel għax sejjaħlu tajjeb u b’hekk qed jiċħad id-divinità tiegħu? Le. Aktarx, qed jinqeda b’mistoqsija penetranti biex iġiegħel lir-raġel jirrifletti dwar l-implikazzjonijiet ta’ kliemu stess, jifhem il-konċett tat-tjieba ta’ Ġesù, u speċjalment, in-nuqqas tat-tjieba tar-raġel innifsu. Iż-żagħżugħ għani “telaq imnikket” (Marku 10:22) għaliex irrealizza illi għalkemm kien iddedika lilu nnifsu għall-osservanza tal-kmandamenti, falla filli jżomm l-ewwel u l-aqwa wieħed – Ħobb is-Sid Alla tiegħek b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu (Mattew 22:37-38). Ir-rikkezzi tar-raġel kienu aktar ta’ valur għalih minn Alla, u għaldaqstant ma kienx “tajjeb” f’għajnejna Alla.
Hawnhekk, il-lezzjoni fondamenali ta’ Ġesù hi li t-tjieba ma tnixxiex mill-atti tal-bniedem, imma aktarx minn Alla nnifsu. Ġesù jistieden lir-raġel isegwih, l-uniku mod li wieħed jista’ jagħmel it-tajjeb, skont l-istandard t’Alla. Liż-żagħżugħ għani Ġesù jispjegalu xi tfisser li ssegwih – li tkun lest twarrab kollox, u tpoġġi ’l Alla l-ewwel. Meta nikkunsidraw li Ġesù qed jiddistingwi bejn l-istandard ta’ tjieba umana u dak t’Alla, jidher ċar illi hu tajjeb li ssegwi lil Ġesù. Il-kmand biex issegwi lil Ġesù huwa l-proklamazzjoni definittiva għal x’inhu tajjeb. Għaldaqstant, l-istess standard li Ġesù qed jeżorta liż-żagħżugħ biex jadotta, juri li Ġesù hu tajjeb. U minn dan joħroġ li jekk skont dan l-istandard, Ġesù hu tassew tajjeb, allura indirettament qiegħed jiddikjara d-divinità tiegħu.
Għaldaqstant, il-mistoqsija ta’ Ġesù lir-raġel mhix maħsuba biex tiċħad id-divinità tiegħu, imma aktarx biex iġġiegħel lir-raġel jirrikonoxxi l-identità divina ta’ Kristu. Interpretazzjoni bħal din hi kkonfermata u msaħħa minn passaġġi bħal Ġwanni 10:11 fejn Ġesù jiddikjara dwaru nnifsu li hu “r-ragħaj it-tajjeb.” Bl-istess mod, fi Ġwanni 8:46, Ġesù jistaqsi, “Min minnkom jagħti prova li jien midneb?” Sintendi t-tweġiba hi “ħadd.” Ġesù kien “bla dnub” (Ebrej 4:15), qaddis u pur (Ebrej 7:26), l-uniku wieħed li “ma kienx jaf dnub” (2 Korintin 5:21).
Mela loġikament nistgħu nikkonkludu hekk: 1: Ġesù jikklejmja li Alla biss hu tajjeb. 2: Ġesù jikklejmja li hu tajjeb. 3: Għaldaqstant, Ġesù jikklejmja li hu Alla.
It-tali klejm tagħmel sens perfettament fid-dawl tan-narrativa ta’ Marku dwar kif l-identità vera ta’ Ġesù qed tkun rrivelata progressivament. Huwa biss quddiem il-qassis il-kbir f’Marku 14:62 li l-mistoqsija dwar l-identità ta’ Ġesù tiġi ċċarata espliċitament. Ir-rakkont dwar iż-żagħżugħ għani hu biss waħda minn sekwenza ta’ stejjer li jippontaw lill-qarrej lejn Ġesù bħala l-Iben t’Alla inkarnat, etern u divin.
English
Jekk Ġesù kien tassew Alla, għaliex qal, "Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla waħdu"?