settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhuma ftit mis-simboli tal-Ispirtu s-Santu fil-Bibbja?

Tweġiba


Il-Bibbja tippreżentalna simboli varji tal-Ispirtu s-Santu. Kull wieħed ipenġi attributi differenti tan-natura tiegħu jew aspetti ta’ ħidmietu.

Forsi fl-Iskrittura l-ħamiema hu s-simbolu tal-Ispirtu s-Santu l-aktar rikonoxxut: “U appena tgħammed, Ġesù tela’ minnufih mill-ilma; u ara, infetħulu s-smewwiet, u ra l-Ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema, u ġej fuqu, u ara, leħen mis-smewwiet qal, “Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq” (Mattew 3:16–17; ara wkoll Marku 1:10; Luqa 3:22; Ġwanni 1:32). Il-ħamiema hi assoċjata mal-barka u l-pjaċir t’Alla. Tesprimi l-manswetudni, l-innoċenza, is-safa, u s-sabar tal-Ispirtu s-Santu (Mattew 10:16; Salm 68:13).

L-Ispirtu s-Santu huwa rappreżentat bħala siġill jew kapparra li jesprimu d-dritt tal-pussess li Alla għandu fuq il-fidil: “Fih intom ukoll, wara li smajtu l-kelma tal-verità, l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom – malli wkoll emmintu kontu ssiġillati fih bl-Ispirtu s-Santu mwiegħed, li hu l-kapparra tal-wirt tagħna, sal-fidwa sħiħa tal-possediment t’Alla, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.” (Efesin 1:13–14; ara wkoll 2 Korintin 1:22). L-Ispirtu s-Santu bħala siġill jew kapparra juri wkoll is-sigurtà li l-fidil għandu fi Kristu, prova li jappartieni għal Alla għal dejjem (Ġwanni 6:37; Efesin 4:30).

Iż-żejt huwa s-sinjal tal-approvazzjoni, unzjoni u qawwa tal-Ispirtu s-Santu: “L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra; bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u vista mill-ġdid lill-għomja; nibgħat illiberati lill-mirfusin” (Luqa 4:18; ara wkoll Atti 10:38; 1 Samwel 16:13; Isaija 61:1). Xeni bibliċi tas-slaten u qassisin Iżraeliti qed ikunu unzjonati biż-żejt huma stampi tal-għażla u l-barka t’Alla. Il-Patt il-Ġdid juża d-dlik biż-żejt bħala stampa tal-barkiet tal-Ispirtu s-Santu fuq il-fidili kollha: “Imma intom għandkom unzjoni mingħand il-Qaddis, u kollha kemm intom tafu l-verità” (1 Ġwanni 2:20).

Biex tkun enfasizzata l-purifikazzjoni, in-nar huwa simbolu tal-qawwa u l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu: “Jien ngħammidkom bl-ilma għall-indiema, imma dak li ġej warajja hu isħaħ minni, li m’iniex denju biex inġorr il-qrieq tiegħu; hu se jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar.” (Mattew 3:11; ara wkoll Esodu 3:2; Isaija 4:4; Luqa 3:16-17; 1 Tessalonkin 5:19). F’jum Pentekoste d-dixxipli lemħu “ilsna bħallikieku tan-nar” li qagħdu fuq kull wieħed minnhom, u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu (Atti 2:3–4).

Fil-Bibbja, il-qawwa preżenti f’kull post u l-influwenzi li jagħtu l-ħajja tal-Ispirtu s-Santu, inviżibbli, huma espressi bħala riħ jew nifs: “Ir-riħ jonfoħ fejn jixtieq, u tisma’ l-ħoss tiegħu, iżda ma tafx mnejn ġej u ’l fejn sejjer; hekk hu kull min hu mwieled mill-Ispirtu (Ġwanni 3:8; ara 20:22). Fil-Grieg u fl-Ebrajk, it-tifsira tal-kliem “spirtu” huma sinonimi ma’ “nifs” u “riħ.” It-tferrigħ potenti tal-Ispirtu s-Santu, f’jum Pentekoste, kien akkumpanjat b’ħoss bħal ta’ riħ qawwi (Atti 2:2).

L-ilma jissimbolizza t-tindif li jirriżulta mit-twelid ġdid, il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu: “Ġesù wieġeb, ‘Tassew, tassew ngħidlek, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol f’saltnet Alla’” (Ġwanni 3:5; ara wkoll Eżekjel 36:25-27). L-ilma jesprimi wkoll il-karattru tal-Ispirtu s-Santu li jaqtagħlna l-għatx, jissodisfalna ruħna, u jgħajjixna (Ġwanni 4:14; ara wkoll Isaija 12:3; 44:3).

Ix-xita, li tixbaħ l-ilma, hi simbolu tal-mod kif l-Ispirtu s-Santu jiffriskana: “Għalhekk ħa nagħrfu l-Mulej, ħa nitħeġġu biex nagħrfuh! Ħruġu hu żgur daqs iż-żerniq; u jiġina bħax-xita, bħax-xita tar-rebbiegħa li ssaqqi l-art” (Ħosea 6:3). Bl-istess mod, ix-xmajjar fil-Bibbja huma tipi tal-abbondanza u l-prosperità li jnixxu mill-Ispirtu s-Santu: “Issa fl-aħħar jum, il-jum il-kbir tal-festa, Ġesù qam bilwieqfa u għajjat billi qal, ‘Jekk xi ħadd bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. Min jemmen fija, bħalma qalet l-Iskrittura, “Mill-fond ta’ ġewwa fih se jgelglu xmajjar ta’ ilma ħaj.”’ (Ġwanni 7:37–38; ara wkoll Salm 1:3). Ukoll, is-simbolu tan-nida jillustra l-iffriskar, l-abbondanza u l-fertilità tal-Ispirtu s-Santu (Ġenesi 27:28; Isaija 18:4).

Fil-Bibbja, l-inbid kultant huwa wżat bħala simbolu ta’ dik il-kwalità ferrieħa tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fina. Xi wħud minn dawk li osservaw it-tferrigħ tal-Ispirtu f’jum Pentekoste kienu ftit aktar ċiniċi u ħasbu li d-dixxipli kienu sikru bl-inbid. Però l-appostlu Pietru spjega, “Għax dawn mhumiex fis-sakra, bħalma tissupponu intom, għax għadha t-tielet siegħa tal-jum; iżda dan hu l-ħaġa mitkellma permezz tal-profeta Ġoel: ‘U jiġri fl-aħħar jiem,’ jgħid Alla, ‘illi għad insawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull persuna; u wliedkom is-subien u l-bniet tagħkom se jipprofetizzaw, u l-ġuvnotti tagħkom se jaraw viżjonijiet, u l-anzjani tagħkom se joħolmu l-ħolm’” (Atti 2:15-17).

L-ilbies ukoll huwa simbolu tal-Ispirtu s-Santu. Wara li rxoxta, Ġesù qal lid-dixxipli biex jibqgħu Ġerusallemm “sakemm jitlibbsu b’setgħa mill-għoli” (Luqa 24:49). Il-partiċipju passiv jindika li l-individwu ma jlibbisx lilu nnifsu. L-appostli kellhom jibqgħu Ġerusalemm sakemm “jitlibbsu” bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhuma ftit mis-simboli tal-Ispirtu s-Santu fil-Bibbja?
© Copyright Got Questions Ministries