settings icon
share icon
Mistoqsija

L-Ispirtu s-Santu jista’ qatt jitlaq lill-fidil?

Tweġiba


F’kelma waħda, le, l-Ispirtu s-Santu qatt mhu se jitlaq lill-fidil ġenwin. Dan hu rivelat f’ħafna passaġġi differenti fil-Patt il-Ġdid. Pereżempju, Rumani 8:9 jgħidilna, “… jekk xi ħadd m’għandux l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex minn tiegħu.” Dal-vers jiddikjara b’mod ċar illi jekk xi ħadd m’għandux jgħammar fih il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, dik il-persuna mhix salvata. Għaldaqstant, kieku l-Ispirtu s-Santu kellu jitlaq lill-fidil, dak l-individwu jkun tilef ir-relazzjoni salvifika tiegħu ma’ Kristu. Imma dan kuntrarju għal dak li l-Bibbja tgħallem dwar is-sigurtà eterna tal-Kristjani. Vers ieħor li jitkellem dwar il-permanenza tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fil-ħajja tal-fidili huwa Ġwanni 14:16. Hawnhekk Ġesù jiddikjara li l-Missier se jagħti Paraklitu ieħor, “sabiex ikun magħkom għal dejjem.”

Il-fatt li l-Ispirtu s-Santu qatt mhu se jitlaq lill-fidil jidher ukoll fl-Efesin 1:13-14 fejn il-kredenti huma meqjusa bħala dawk “issiġillati” bl-Ispirtu s-Santu, “li hu l-kapparra tal-wirt tagħna, sal-fidwa sħiħa tal-possediment t’Alla, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.” L-istampa tal-issiġillar bl-Ispirtu hi waħda ta’ appartenenza u possediment. Alla wiegħed il-ħajja eterna lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu, u bħala garanzija li se jżomm kelmtu, bagħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħammar fil-fidil sal-ġurnata tal-fidwa. Bl-istess mod li titħallas kappara fuq karozza jew dar, lill-fidili kollha Alla provdielhom depożitu minn qabel fuq ir-relazzjoni futura tagħhom miegħu billi bagħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħammar fihom. Il-fatt li l-kredenti kollha huma ssiġillati bl-Ispirtu jidher ukoll fit-2 Korintin 1:22 u fl-Efesin 4:30.

Qabel il-mewt, l-irxoxt, u t-tlugħ fis-sema ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu kellu relazzjoni man-nies fejn kien “jiġi u jmur.” L-Ispirtu s-Santu ġie fuq is-Sultan Sawl, però mbagħad telqu (1 Samwel 16:14). Minflok, l-Ispirtu ġie fuq David (1 Samwel 16:13). Wara l-adulterju ma’ Batxeba, David beża’ li l-Ispirtu s-Santu kien se jitteħidlu (Salm 51:11). L-Ispirtu s-Santu mela lil Besalel biex jagħtih l-abbiltà jipproduċi l-oġġetti neċessarji għat-tabernaklu (Esodu 31:2-5), però dan mhuwiex deskritt bħala xi relazzjoni permanenti. Dan kollu nbidel mat-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù. Fil-jum ta’ Pentekoste, l-Ispirtu s-Santu beda jgħammar b’mod permanenti fil-fidili (Atti 2). L-għamara permanenti tal-Ispirtu s-Santu hija t-twettiq tal-wegħda t’Alla li jibqa’ magħna dejjem u qatt ma jabbandunana.

Filwaqt li l-Ispirtu s-Santu qatt mhu se jitlaq lill-fidil, huwa possibbli li d-dnub tagħna “jitfi l-Ispirtu s-Santu” (1 Tessalonkin 5:19) jew “inikket l-Ispirtu s-Santu” (Efesin 4:30). Id-dnub dejjem iġib konsegwenzi fir-relazzjoni tagħna m’Alla. Filwaqt li r-relazzjoni tagħna m’Alla hi sikura fi Kristu, id-dnub mhux mistqarr f’ħajjitna jista’ jfixkel ix-xirka tagħna m’Alla u jitfi b’mod effettiv il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna. Għalhekk huwa importanti li nistqarru dnubietna għax Alla “hu fidil u ġust sabiex jaħfer dnubietna u jnaddafna minn kull inikwità” (1 Ġwanni 1:9). Mela, filwaqt li l-Ispirtu s-Santu qatt mhu se jitlaqna, il-benefiċċji u l-ferħ mill-preżenza tiegħu jistgħu fil-fatt jitilqu minna.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

L-Ispirtu s-Santu jista’ qatt jitlaq lill-fidil?
© Copyright Got Questions Ministries